Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.
Mt 13, 44-52.
- Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Il-kuraġġ li ma tibqax għaddej,
li tinnota
li tħaffer aktar fil-fond
li tiskopri teżor fejn qabel rajt biss trab.
Il-kuraġġ li tħalli l-ferħ imexxik
biex tbigħ dak li qabel kien kollox għalik
biex ma titlifx dak li tassew jiswa:
ħajtek bħala t-teżor t’Alla.
Irrifletti:
• X’kien hemm li mess lil ħajtek dan l-aħħar?
ii. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Il-ġawhra li bħal taqbad fiha nnifisha
id-dawl li jibdel il-materja fi sbuħija
filwaqt li tmiss dak li qalbna tixtieq.
U meta għajnejna –
mxennqa għal dik il-ħarsa li tirrikonoxxina –
jilmħu l-ħarsa tal-Ħallieq
ma jibqgħux jiġru wara l-ħars
frivolu jekk mhux ukoll qarrieq
biex jieqfu fuq is-sbuħija li qalbna tħobb.
Irrifletti
• Liema ħarsa mxennaq għaliha?
iii. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Issa li doqt dak li jiswa’
u apprezzajt kemm int prezzjuż f’għajnejn il-Ħallieq
u lmaħt is-sbuħija tal-ħajja f’Alla
tiddejjaq xejn tħalli jinħaraq fik
dak li jbiegħdek minn din it-tjubija
dak li jħassar fik din is-sbuħija.
Irrifletti
• X’hemm bżonn tarmi barra minn ħajtek
- Missierna