Lejn tmiem laqgħa li kelli riċenti ma’ grupp ta’ lajċi minn waħda mill-Għaqdiet Reliġjużi li l-Knisja f’pajjiżna hija mżejna bihom, persuna minn dawk preżenti staqsietni domanda li minkejja li ma kellha x’taqsam xejn mas-suġġett li tkellimna dwaru dakinhar, madankollu kienet waħda li reġgħet kebbset sewwa d-diskussjoni li kienet kważi qed tintefa. “X’inhu l-Istaġun tal-Ħolqien?”

L-Istaġun tal-Ħolqien huwa żmien ekumeniku ta’ talb, ta’ riflessjoni u azzjoni li jiġi ċċelebrat kull sena mill-1 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru li jkun il-jum meta l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-patrun tal-ekoloġija.
Huwa deskritt bħala ekumeniku għaliex jieħdu sehem fih diversi denominazzjonijiet insara, mhux il-kattoliċi biss. Minkejja li ġejjin minn knejjes insara differenti, u minkejja materji li sfortunatament għadhom jifirduna, madankollu huma jingħaqdu biex jirringrazzjaw lil Alla għad-don tal-ħolqien, jirriflettu flimkien fuq ir-responsabbiltà tagħna lejn id-dinja u jimpenjaw ruħhom biex jieħdu ħsieb aħjar id-dar komuni tagħna.
Dan ma jfissirx li dan l-impenn ekoloġiku għandu jsir biss bejn l-1 ta’ Settembru l-4 ta’ Ottubru. Lanqas ma jfissser li dan huwa dmir tal-insara biss, imma l-istaġun ifakkarna, aktar minn minn fi żminijiet oħra li l-ħolqien kollu huwa rigal ta’ Alla lill-bniedem u li aħna msejħin inkunu amministraturi għaqlin tiegħu, mhux sidien li jisfruttawh.
L-Istaġun tal-Ħolqien għandu l-għeruq tiegħu fl-inizjattiva tal-Knisja Ortodossa, li fl-1989 għażlet l-1 ta’ Settembru bħala Jum ta’ Talb għall-Ħolqien. Aktar tard, il-Kunsill Dinji tal-Knejjes estenda din iċ-ċelebrazzjoni sal-4 ta’ Ottubru, filwaqt li l-Papa Franġisku fl-2015 stabbilixxa wkoll li l-1 ta’ Settembru għandu jkun il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Kura tal-Ħolqien anke fil- fil-Knisja Kattolika. Dakinhar huwa ħeġġeġ ukoll lill-kattoliċi kollha biex kontinwament jagħtu s-sehem tagħhom favur il-Ħolqien.
Illum, miljuni ta’ Nsara minn madwar id-dinja jieħdu sehem f’din l-inizjattiva komuni ta’ fidi, talb u impenn li l-għanijiet ewlenin tagħha huwa …
Li nirringrazzjaw lil Alla għad-don tal-ħolqien.
Li nitlobu flimkien għall-ħarsien tal-ambjent u għall-popli li qed ibatu minħabba t-tibdil fil-klima u l-qerda tan-natura.
Li napprofondixxi r-rabta bejn il-fidi nisranija u l-kura tal-ħolqien.
Li nadottaw stil ta’ ħajja aktar sempliċi, ġust u sostenibbli.
Li nġeġġu inizjattivi konkreti favur il-ħarsien tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali.
U li naħdem flimkien ma’ nsara u persuni ta’ rieda tajba għall-ġid tad-dar komuni.
Kulħadd jista’ jagħti sehmu, kemm bħala individwu kif ukoll bħala familja, bħala parroċċa, bħala skola jew post tax-xogħol, u bħala komunità. Dan nagħmluh billi …
Nieħdu sehem flimkien f’mumenti ta’ talb u riflessjoni.
Norganizzaw quddies jew ċelebrazzjonijiet b’enfasi fuq id-don tal-ħolqien.
Nagħmlu mixjiet fin-natura jew attivitajiet ta’ kontemplazzjoni.
Inħawlu siġar, nieħdu ħsieb dawk li diġà għandna u kif ukoll l-spazji naturali ta’ madwarhom.
Norganizzaw tindif ta’ bajjiet, widien jew lokalitajiet oħra.
Innaqqsu l-ħela tal-ikel, l-użu tal-plastik u l-użu żejjed ta’ sorsi tal-enerġija.
Nappoġġjaw inizjattivi favur il-ġustizzja ambjentali u soċjali.
Niddiskutu dokument bħall-Enċiklika Laudato Si’ u l-Eżortazzjoni Appostolika, Laudate Deum.
L-Enċiklika Laudato Si’
Din l-enċiklika, li kienet ippubblikata mill-Papa Franġisku fl-2015, hija sejħa qawwija biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, jiġifieri d-dinja. F’dan id-dokument, il-Papa jenfasizza li l-protezzjoni tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali huma marbuta mill-qrib, għax il-ħsara lill-ħolqien tolqot b’mod speċjali lill-foqra u lill-aktar persuni vulnerabbli.
L-enċiklika tħeġġeġ ukoll lill-individwi, lill-komunitajiet u lill-gvernijiet kollha biex jadottaw stil ta’ ħajja aktar sostenibbli, inaqqsu l-ħela u jużaw ir-riżorsi naturali b’mod responsabbli.
Fl-istess ħin, tistedinna nirriflettu fuq ir-responsabbiltà morali tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet futuri u naħdmu flimkien biex nibnu dinja aktar ġusta, paċifika u li tirrispetta l-ħolqien kollu.
Minn hawn tista’ ssib l-Enċiklika Laudato Si’ bil-Malti u bosta riżorsi oħra dwarha … https://www.laikos.org/ls/index.php
L-Eżortazzjoni Appostolika Laudate Deum
Laudate Deum hija Eżrtazzjoni Appostolika, ippubblikat mill-Papa Franġisku fl-2023 bħala pass ieħor wara l-enċiklika Laudato si’. Fiha, il-Papa jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi tal-klima u jħeġġeġ lill-mexxejja tad-dinja u lill-popli kollha jieħdu azzjoni konkreta u urġenti biex jipproteġu l-ambjent. Id-dokument jenfasizza li kull persuna għandha responsabbiltà lejn il-ħolqien u għalhekk trid tikkontribwixxi għal futur aktar sostenibbli u ġust.
Minn hawn tista’ ssib l-L-Eżortazzjoni Appostolija Laudate Deum bil-Malti u bosta riżorsi oħra dwarha … https://laikos.org/laudate_deum/
L-Istaġun tal-Ħolqien huwa messaġġ ta’ tama
Għalhekk l-Istaġun tal-Ħolqien mhuwiex biss żmien biex nirriflettu fuq il-problemi ambjentali, iżda wkoll opportunità biex nikbru fit-tama. Huwa stedina biex naħdmu flimkien, b’fidi u b’impenn, sabiex nibnu dinja aktar ġusta, sabiħa u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
30 ta’ Lulju 2026