Il-Ħamis, 30 ta’ Lulju 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Konċelebrazzjoni fit-22 Anniversarju mill-Mewt tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Disponibbli biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla
Fil-vers tal-Hallelujah ta’ qabel il-Vanġelu, il-lettur qal frażi sabiħa immens: “Iftħilna qalbna, Mulej, biex nifhmu l-kliem ta’ Ibnek”. Luqa 24:45 jikkummenta dwar Ġesù flimkien mad-dixxipli wara li qam mill-mewt u jgħid: “Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura”. Kemm hu sabiħ il-Qari tal-lum (Ġer 18:1-6; Salm 146; Mt 13:47-53) u kemm hu adattat għal din l-okkażjoni tal-Anniversarju mill-Mewt tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard.
L-Ewwel Qari (Ġer 18:1-6) beda b’mod qawwi ħafna u sabiħ immens: “Il-Kelma ta’ Alla ġiet fuq Ġeremija”. Mhux Ġeremija qraha, mhux fittixha, imma l-Kelma ta’ Alla ġiet fuqu. Dan jiġri lil kull wieħed u waħda minna kull darba li aħna npoġġu lilna nfusna disponibbli billi niftħu widnejna, moħħna u qalbna biex nisimgħu din il-Kelma. Din tiġi fuqna lkoll.
Alla ma jarminiex
Il-Kelma ta’ Alla sabet il-bejta tagħha fil-qalb u l-moħħ ta’ Dun Mikiel kif għamlet fil-profeta Ġeremija. Dan imur għand il-fuħħari mqanqal minn din il-Kelma u jarah jaħdem. Il-fuħħari, waqt li qed jagħġen, iħaddem it-tafal bejn idejh u jagħtih forma. Il-profeta jinduna li meta lill-fuħħari l-oġġett li qed jagħmel ma jiġihx sew, it-tafal ma jarmihx. Anzi, lil dan it-tafal jerġa’ jiġbru u jipprova jagħtih forma ġdida, forsi l-istess forma ta’ qabel jew inkella forma oħra. U Alla jdur fuq il-profeta Ġeremija u jgħidlu li Hu hekk jagħmel mal-poplu tiegħu: qatt ma jarmi lil ebda bniedem. Ħadd ma hu żejjed jew għar-rimi. Kemm għandna bżonn nisimgħuha din kultant fil-ħajja tagħna, b’mod speċjali meta ngħaddu minn diffikultajiet, meta l-pjanijiet tagħna ma jirnexxux, meta l-forma li rridu nagħtu aħna lil ħajjitna ma tiġix kif nixtequha, ma sseħħx. Kultant narmu lilna nfusna jew lil dawk li aħna nħobbu għax forsi m’għandhomx il-forma li nixtiequ aħna jew li xtaqna aħna għalihom.
Il-profeta Ġeremija, permezz ta’ din il-ġrajja esperjenzali, din il-profezija li toħroġ mill-esperjenza tal-ħajja, jgħidilna li Alla ma jagħmilx hekk magħna. Ma’ kull wieħed u waħda minna, jekk il-pjan tagħna jew anki jekk il-pjan tiegħu għalina ma jirnexxux, huwa ma jarminiex, imma jerġa’ jipprova jagħtina forma oħra b’idejh, bir-rieda, bl-imħabba, bix-xewqa u bil-kura tiegħu.
Għal Alla xejn mhu żbaljat
Għiduli intom jekk dan konniex inħossuh kull darba li niltaqgħu ma’ Dun Mikiel u nirrakkontawlu biċċa storja ta’ ħajjitna! Għiduli jekk kinitx din tkun l-esperjenza meta noħorġu minn ħdejh wara li nitkellmu miegħu, wara li nxerrdu f’ħoġru, f’qalbu, f’moħħu l-inkwiet u l-problemi tagħna, il-pjanijiet tagħna li ma rnexxewx… jekk konniex noħorġu minn ħdejh b’din is-sensazzjoni li għal Alla xejn mhu żejjed, xejn mhu żbaljat, lanqas id-dnub! Xejn mhu żbaljat, għax anki mid-dnub Alla kapaċi joħroġ xi ħaġa sabiħa, ħolqien ġdid. Għiduli jekk kinitx tkun din l-esperjenza li konna nħossu wara li konna nitkellmu ma’ dan il-bniedem ta’ Alla, dan il-profeta ta’ żmienna, jekk kinitx tkun l-istess sensazzjoni ta’ dak li fuq ix-xtajta jiġbor u jiġbed ix-xibka mimlija b’kollox, b’ħut tajjeb u b’ħut mhux tajjeb, għax din hi s-Saltna tas-smewwiet!
Inħobbu lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd
Meta tmur fejn Dun Mikiel, għidli jekk fejnu kontx tħoss l-imħabba li Alla għandu lejn kulħadd, lejn kull bniedem hu min hu, għamel x’għamel, ġralu xi ġralu! Għalhekk lil Dun Mikiel kulħadd kien ifittxu, għax kulħadd kien iħoss li fil-qalb ta’ Dun Mikiel kien hemm post għalih: kien min kien, kienx kriminali jew ħabsi, kienx bniedem qrib ta’ Alla jew imbiegħed mill-Knisja, kienx bniedem fi żwieġ regolari jew mhux, kienx f’saħħtu jew marid. Kulħadd kien iħoss li hemm kantuniera għalih fil-qalb ta’ Dun Mikiel, għax il-qalb tiegħu kienet verament xbieha tas-Saltna tas-Smewwiet, tax-xibka li tiġbor fiha lil kulħadd. Il-qalb ta’ Dun Mikiel kienet xbieha ta’ Alla.
Filwaqt illi llejla nġeddu l-imħabba tagħna lejn Alla – għax l-ewwel u qabel kollox, din hi x-xewqa ta’ Dun Mikiel – aħna u nġeddu x-xewqa tagħna li nħobbu lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd kif kien iħobbu hu, nitolbu biex il-qalb tagħna tkun tixbah ukoll lil dik ta’ Alla u lil dik ta’ Dun Mikiel. Ejjew illejla nagħmlu minn din l-okkażjoni talba ta’ ringrazzjament għal din il-persuna, dan id-don, dan ir-rigal li Huwa ta lilna, lid-Djoċesi tagħna, lis-saċerdoti, lill-familji, lill-membri parlamentari, lill-każini, lill-ħabsin, lill-għalliema. Dun Mikiel kellu kelma ta’ mħabba għal kulħadd, għal kull tipoloġija ta’ nies. Imma huwa ta fuq kollox lil dawk li jħossuhom l-aktar imwarrba, vulnerabbli, dgħajfa, batuti, b’mod speċjali lill-morda.
Ejjew noffru din l-Ewkaristija bħala talba lil Alla bl-interċessjoni ta’ Dun Mikiel għall-ħtiġijiet, għax-xewqat, għat-talbiet li qed inġorru f’qalbna. Il-Mulej jieħu ħsiebna u jagħtina qalb li tixbah lil dik tal-Qaddej tiegħu Dun Mikiel.