Minn D. Edward Vella
Il-qalb tagħna mimlija xewqat, iżda mhux ix-xewqat kollha huma l-istess; xi xewqat huma ħafna aktar importanti minn xewqat oħra. Jekk ikolli nistaqsi lili nnifsi, ‘jien x’inhi l-aktar ħaġa li nixtieq?’, xi tkun it-tweġiba? Żgur li aħna nixtiequ li nkunu ferħanin, iżda mhux kollha kemm aħna nfittxu l-ferħ fl-istess affarijiet: hemm min il-ferħ ifittxu fil-flus u dak li jista’ jakkwista bihom; hemm min għalih l-aktar ħaġa importanti hija kif jidher quddiem l-oħrajn, u allura jagħmel minn kollox biex jidher sabiħ; u hemm min għalih il-poter, jew li jħossu aħjar minn ħaddieħor isir dak li jgħix għalih, għax jaħseb li hemm biss iħossu f’postu. Naħseb li lkoll kemm aħna waqajna għal xi tentazzjoni minn dawn, u forsi mhux għal waħda minnhom biss: u nafu wkoll, jekk inkunu sinċiera magħna nfusna, li dawn it-tentazzjonijiet, jew aħjar meta ċedejna għalihom, ħallewna vojta u diżappuntati. Il-gwaj hu li donnu aħna l-bnedmin ma nitgħallmu qatt u ħafna drabi għalkemm inkunu esperjenzajna l-vojt li tħalli d-dinja u dak li toffri, hemm nerġgħu naqgħu fejn l-esperjenza tkun suppost għalmitna biex nfittxu aħjar.
Fl-ewwel qari tal-lum smajna: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma, intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas…”. Kemm tuża kliem sabiħ il-kelma t’Alla biex tfissrilna dak li għadna kemm għedna, kemm fiha għerf il-Kelma t’Alla għal min lest li jismagħha u jilqagħha bil-ferħ! Il-Profeta Isaija, ispirat minn Alla, qiegħed jiftħilna għajnejna biex noqgħdu attenti fuq dak li nixtiequ, għaliex dak li toffri id-dinja ħafna drabi jħalli vojt akbar minn qabel wara li takkwistah. ‘Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax?’ Ilkoll kemm aħna għamilniha l-esperjenza li dak li hu ta’ din id-dinja jwiegħed ħafna u joffri ftit, għalhekk il-Mulej illum qieghed jgħidilna biex ninqdew tajjeb b’dak li jgħaddi, iżda norbtu qalbna ma dak li jibqa għal dejjem. Hija l-Imħabba t’Alla lejna dak l-ilma li jaqta’ l-għatx tagħna, hija l-Kelma tiegħu dak l-ikel li jwassalna għaliha.
Kemm huma sbieħ il-kelmiet li rrepetejna fis-salm tal-lum: ‘Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.’ Kemm nemmen jiena li huwa l-Mulej li verament itaffi x-xewqat tiegħi? ‘Int tiftaħ idek, u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. … Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.’ Dawn il-kelmiet tas-salm huma it-talba tal-bniedem ta’ Fidi vera li l-fiduċja tiegħu hija fil-Mulej.
Il-Vanġelu tal-lum jurina l-qalb ta’ Alla mimlija mħabba lejna u li ntweriet lilna fil-persuna ta’ Ġesù, Iben Alla magħmul bniedem: ‘Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.’ Ġesù imur ifittex post imwarrab biex jitlob iżda l-folla tan-nies tant kienet tħoss il-bżonn tiegħu li intebħu fejn sejjer u marru warah. Bil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż huwa jurina li aħna għandna bżonn il-ħobż materjali u dak kollu li għandna bżonn biex ngħixu, iżda huwa Alla biss li jista’ jimla l-qalb tagħna bi mħabbtu. Il-bniedem li għandu dak kollu li huwa materjalment neċessarju ma għandux garanżija li jsib is-sens tal-ħajja jew li qalbu ser tkun mimlija, anzi ħafna drabi meta nippruvaw nimlew qalbna b’dak li hu materjali, wara li nakkwistawh nindunaw li l-vojt ta’ qalbna aktar żdied. Hija biss l-esperjenza awtentika tal-imħabba t’Alla lejna li tagħti veru sens lil ħajjitna.
San Pawl tant fehema din li fit-tieni qari tal-lum qalilna: ‘Ħuti, min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja,… ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.’ Min iduq l-Imħabba t’Alla lejh ikun sab dak it-teżor veru li ħadd u xejn akar ma jista’ jifirdu minnu. Nistaqsu lilna nfusna: Jien biex qed nipprova nimliha lil qalbi? X’inhi l-aktar ħaġa li nixtieq?
Mulej għenna ħalli nifhmu li meta aħna nixtiequ ferħ sħiħ u li jibqa għal dejjem aħna nkunu qiegħdin nixtiequ mħabbtek. Għinna Mulej ħalli nagħmlu l-esperjenza ta’ din l-imħabba infinita, għinna ħalli nifhmu u nħossu din l-imħabba li inti dejjem qiegħed toffrihielna, u agħtina l-għajnuna tiegħek biex inħobbuk lura u nħobbu lil xulxin kif tħobba int. Ammen.