Post imwarrab. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-18-il Ħadd tas-sena.

Kitba ta Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.
Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.
“Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal. Mt 14, 13-21.

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.

Fil-post imwarrab,
waħdu mal-aħbar tal-qtil makabru
li sikket leħen Ġwanni

Ġesù jmiss l-għajn li tibqa’ tnixxi
il-kompassjoni li tara lin-nies
u tfejjaq tant krib imsikket.

Irrifletti:
• Fejn tmur meta tisma’ aħbarijiet kiefra?

ii. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.

Fil-post imwarrab
id-dixxipli jaraw il-limiti
tal-ħin, tan-nies, tar-riżorsi.

Fil-post imwarrab
Ġesù jara l-miraklu ta’

dak li tista’ tagħmel issa
ta’ dak li l-qalb tagħhom tista’ toffri
tal-abbundanza meta r-riżorsi jinqasmu.

Irrifletti
• X’tara? In-nuqqasijiet jew il-possibilitajiet?

iii. “Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

Fl-ikla ta’ Erodi
fejn jidher li hemm kollox bl-abbundanza
imma t-tmexxija mifxula b’żifna
iż-żeffiena ma tafx xi trid
u ommha li trid issikket il-kuxjenza
jibqa’ biss mewt u niket!

Fl-ikla ta’ Ġesù
fil-post imwarrab fejn kollox jidher limitat
imma kull ġest għandu tifsira
u il-qalb mhix magħluqa
u l-fomm ilissen barka u verità
kull persuna timtela u kollox jieħu l-ħajja.

Irrifletti

• X’jimla l-qalb tiegħek? Kif tmiss il-qalb ta’ ħaddieħor?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading