Il-Papa Ljun XIV jkompli bil-katekeżi dwar is-Sacrosanctum Concilium ta’ Vatikan II

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa 5 ta’ Awwissu 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
II. Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
5. It-talba tal-Knisja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Matul din il-katekeżi qed nerġgħu naqbdu r-riflessjoni tagħna fuq il-Kostituzzjoni konċiljari dwar il-liturġija Sacrosanctum Concilium (SC). Illum se nieqfu fuq id-dimensjoni ekkleżjali tat-talb liturġiku.

Kif jissuġġerixxi l-Appostlu Pawlu, huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna nitolbu. Sa minn dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu jgħammar fil-Knisja, inebbaħ kull ħidma tagħha u, b’mod partikulari, it-talb. Il-ħajja tal-ewwel komunità, li twieldet Ġerusalemm wara l-Għid ta’ Ġesù, hija ħajja fl-Ispirtu mogħtija mill-Mulej Irxoxt. “Minn dak iż-żmien”, jgħid il-Konċilju, “il-Knisja ma naqset qatt li tinġabar biex tiċċelebra l-misteru tal-Għid billi taqra ‘kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu’ (Lq 24:27), billi tiċċelebra l-Ewkaristija li fiha ‘jidħlu mill-ġdid ir-rebħa u t-trijonf tiegħu fuq il-mewt’, u wkoll billi tiżżi ħajr ‘lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem’ (2 Kor 9:15) fi Kristu Ġesù ‘għat-tifħir tal-glorja tiegħu’ (Efes 1:12) bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (SC, 6).

Fi żmienna, fil-kuntesti ddominati mill-mentalità effiċjentistika u konsumistika, it-talb jista’ jidher xi ħaġa bla siwi u tad-daħk. F’dinja fejn ix-xjenza u t-teknoloġija jippretendu li jagħtu t-tweġibiet kollha, li titlob jista’ jidher bħala xi ħarba. Minbarra dan, anki f’diversi familji Nsara ma għadhiex isseħħ it-trażmissjoni tal-fidi, waqt li għadd ta’ persuni jirriskjaw li jifxluh ma’ teknika fost oħrajn, ta’ natura psikoloġika u li għandha l-għan li wieħed iħossu sew. Imma t-talb, bħala dimensjoni fundamentali tal-umanità tagħna, jixraqlu li niskopruh mill-ġdid fil-verità tiegħu.

Il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium ħadet din l-esiġenza bis-serjetà. U dan ferraħ bil-kbir lill-Papa San Pawlu VI, li, meta ppromulga dan l-ewwel dokument approvat mill-Konċilju Vatikan II, stqarr: “Alla fl-ewwel post; it-talb l-ewwel obbligu tagħna; il-liturġija l-ewwel għajn tal-ħajja divina mogħtija lilna, l-ewwel skola tal-ħajja spiritwali tagħna” (Diskors, Bażilika ta’ San Pietru, 4 ta’ Diċembru 1963).

Fil-fatt, fil-Kostituzzjoni t-terminu “t-talb” ifisser il-liturġija kollha. Din il-perspettiva hi deċiżiva, għax orjentat ir-riforma liturġika u tatha, bħala fus li fuqu jdur kollox, il-parteċipazzjoni attiva tal-fidili. Il-liturġija hi ppreżentata qabelxejn bħala l-post tal-laqgħa, tal-inizjattiva ta’ Alla li jersaq qrib tal-umanità f’Ibnu, “il-Verb magħmul bniedem, ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu” (SC, 5), li għaliha nistgħu nwieġbu “bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, flimkien mal-Ispirtu s-Santu”, jiġifieri grazzi għat-“talba li Kristu, f’għaqda mal-Ġisem tiegħu, iressaq quddiem il-Missier” (SC, 84).

Għalhekk, San Pawlu VI xtaq bil-ħerqa kollha li l-Liturġija tas-Sigħat, jiġifieri t-talba pubblika ta’ kuljum tal-Knisja, li ma tistax tinfired mill-Ewkaristija, timla b’mod qawwi, tagħti l-ħajja, tmexxi u tesprimi t-talba Nisranija kollha u sseddaq b’mod effikaċi l-ħajja spiritwali tal-poplu ta’ Alla (ara Kostituzzjoni appostolika Laudis canticum).

Biex din ix-xewqa sseħħ, il-Liturġija tas-Sigħat titlob li nilqgħuha dejjem iżjed u ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum tal-imgħammdin u tal-komunitajiet. Lil tant persuni li jixtiequ jitgħallmu jitolbu, b’mod partikulari lill-katekumeni, din tista’ toffrilhom il-mixja u l-iskola tat-talb Nisrani.

Kull ġimgħa u kuljum, l-Ewkaristija u l-Liturġija tas-Sigħat huma n-nifs tal-ħajja tal-Knisja li jiċċirkulaw l-Ispirtu s-Santu fil-Ġisem tagħha. F’din it-talba, Kristu “jgħaqqad miegħu l-komunità kollha tal-bnedmin u jseħibha miegħu fil-kant ta’ dan l-għana qaddis ta’ tifħir” (SC, 83); hekk, jum wara l-ieħor, niġu msieħba dejjem iżjed mal-misteru tal-Għid u mwaħħdin miegħU.

Jistqarr Santu Wistin: “Meta nitkellmu ma’ Alla fit-talb, ma għandniex nifirdu minnu lill-Iben; u meta jitlob il-ġisem tal-Iben, ma għandux jifred minnu r-ras tiegħu; ħa jkun mela l-istess feddej waħdieni tal-ġisem tiegħu, Sidna Ġesù Kristu, Bin Alla, dak li jitlob għalina, li jitlob fina u li jintalab minna. Jitlob għalina bħala saċerdot tagħna; jitlob fina bħala ras tagħna; jintalab minna bħala Alla tagħna. Mela fih nagħrfu leħinna, u leħinna nagħrfuh fih” (Enarr. in psalmum LXXXVPL 37, 1081).

Marbuta mal-Ewkaristija, li tagħha ttawwal id-dawl, il-Liturġija tas-Sigħat tqaddes iż-żmien tal-ħajja tagħna ta’ kuljum: filgħodu, nibdew il-jum b’fidi u gratitudni; f’nofsinhar, nitolbu l-qawwa tal-fedeltà qalb it-taħbit; filgħaxija, la nkunu temmejna l-ħidma, l-Għasar isieħeb il-mument ta’ nżul ix-xemx; billejl, xħin sejrin norqdu, nintelqu fis-sliem ta’ Alla. Kull Siegħa hi għemil ta’ tama: matul il-pellegrinaġġ fuq din l-art, nishru billi nistennew mal-Knisja kollha r-ritorn glorjuż tal-Mulej.

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading