“Fi żmienna, it-talb jista’ jidher xi ħaġa bla siwi u tad-daħk.” Il-Papa Ljun XIV
Fl-Udjenza Ġenerali tal-5 ta’ Awwissu 2026, il-Papa Ljun XIV stieden lill-insara kollha sabiex f’dinja li dejjem aktar tkejjel il-valur tal-bniedem skont kemm jipproduċi u kemm jikkonsma, huma jerġgħu jiskopru l-valur veru tat-talb. Qal, “Fi żmienna, f’kuntest ddominat minn mentalità effiċjentistika u konsumistika, it-talb jista’ jidher xi ħaġa bla siwi u tad-daħk.”
Din l-osservazzjoni tolqot il-qalba tal-kultura ta’ żmienna fejn ħafna nies jgħixu ħajja mgħaġġla, fejn kull minuta trid tkun produttiva u kull attività trid tagħti riżultat immedjat. F’din il-mentalita, it-talb jista’ jidher bħala ħela ta’ ħin, għax ma jipproduċix profitt ekonomiku u lanqas ma joffri sodisfazzjon immedjat. Il-Papa Ljun kompla jgħid li f’dinja fejn ix-xjenza u t-teknoloġija jippretendu li għandhom tweġiba għal kollox, persuna li titlob tista’ tidher li qed taħrab mir-realtà.

Ljun XIV esprima wkoll it-tħassib tiegħu dwar li f’ħafna familji nsara ma għadhiex isseħħ it-trażmissjoni tal-fidi, waqt li għadd ta’ persuni jirriskjaw li jifxluh ma’ teknika fost oħrajn, ta’ natura psikoloġika u li għandha l-għan li wieħed iħossu tajjeb. Imma t-talb, bħala dimensjoni fundamentali tal-umanità tagħna, jeħtieġ li niskopruh mill-ġdid fil-verità sħiħa tiegħu. Meta t-tfal ma jarawx lill-ġenituri tagħhom jitolbu, hemm ir-riskju li jikbru mingħajr ma jiskopru din id-dimensjoni essenzjali tal-fidi. Għalhekk, il-familja tibqa’ l-ewwel skola tat-talb, fejn il-fidi titgħallem mhux biss bil-kliem iżda wkoll bl-eżempju.
Fil-katekeżi tiegħu, il-ħames waħda dwar il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, il-Papa fakkarna wkoll li l-liturġija hija l-post privileġġjat tal-laqgħa bejn Alla u l-bniedem. Il-quddiesa u l-Liturġija tas-Sigħat mhumiex sempliċement devozzjonijiet, iżda huma n-nifs spiritwali tal-Knisja, li jqaddes il-ħin u jmexxi lill-fidili lejn għaqda aktar profonda ma’ Kristu.
Dan il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV joffri sfida għal kull nisrani għaliex f’soċjetà li tfaħħar il-produzzjoni, il-konsum u s-suċċess immedjat, it-talb ifakkarna li l-akbar valur tal-bniedem ma jinsabx f’dak li jagħmel, iżda f’dak li hu quddiem Alla. It-talb jgħallimna nieqfu, nisimgħu, nirringrazzjaw u npoġġu l-fiduċja tagħna fil-Mulej.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kliem tal-Papa huwa stedina biex nerġgħu nagħtu lit-talb il-post ċentrali fil-ħajja personali, fil-familji u fil-komunitajiet tagħna. F’dinja storbjuża u mgħaġġla, it-talb mhuwiex lussu jew ħela ta’ ħin; imma huwa nifs tar-ruħ u sors ta’ tama li jagħti direzzjoni u sens lill-ħajja kollha.
Ara minn hawn il-katekeżi kollha tal-Papa Ljun XIV …
6 ta’ Awwissu 2026