ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
LIL SANTA MARIA DEGLI ANGELI – ASSISI
QUDDIESA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ PARTEĊIPANTI FIL-
GO! FRANCISAN YOUTH MEETING 2026”
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli fil-Porziuncola (Assisi)
Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej – Il-Ħamis 6 ta’ Awwissu 2026
Għeżież ħuti,
għeżież żgħażagħ!
Il-festa tat-Trasfigurazzjoni, li qed niċċelebraw, hija misteru ta’ dawl li jgħinna ninżlu aktar fil-fond tal-laqgħa tagħna, hekk hienja, imma anki mimlija mistoqsijiet fuq il-preżent u fuq il-futur. Fir-rakkont tal-Vanġelu nsibu l-kuntrast bejn dawl u dlam, silenzju u kliem, stagħġib u inkomprensjoni. Ninsabu Assisi, belt li lejha għal sekli sħaħ ilhom jitilgħu tant pellegrini – illum aħna wkoll – għax hawn kollox ikellimna fuq kif ħajjitna tista’ tibdel ix-xejra tagħha, tixħet dawl madwarha, issewwi lid-dinja mġarrfa. Hawn bdiet it-trasfigurazzjoni ta’ Franġisku, ta’ Kjara u mbagħad ta’ eluf ta’ żgħażagħ oħra: laqgħu l-Vanġelu sine glossa – kieku aħna ngħidu, bla mittiefsa – u Ġesù reġa’ beda jgħix fihom.
Ġejna hawn biex nifhmu fejn sejra l-istorja u fejn sejrin aħna. Fil-Vanġelu naraw li tista’ ssib sens, tista’ tara triq quddiemek. Bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni aħna wkoll ġejna ftit fl-imwarrab u Ġesù jinsab magħna. Dan hu li jiswa: il-preżenza tiegħu. Fuq il-muntanja l-Appostli jikkontemplaw lil Ġesù li qed jorjentahom lejn il-futur tiegħu. Dwar dan il-punt, kien hemm bejniethom nuqqas ta’ qbil. Sitt ijiem qabel Pietru kien ħadha mal-Imgħallem meta dan tkellem b’mod miftuħ fuq is-salib (ara Mt 16:21-26): kien qed jistenna l-glorja għall-Messija, u forsi anki għalih innifsu, mingħajr ma jqis ir-reżistenzi u r-riskji, imma fuq kollox mingħajr ma jistaqsi lilu nnifsu x’inhi l-glorja. Issa, fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, huwa Alla nnifsu li juri ruħu fil-glorja tiegħu, li għandha l-bixra ta’ sħaba li tipproteġi u tgeżwer fiha. Juri lil Ibnu, jistedinna nagħtuh widen. It-triq tal-ħajja niskopruha billi nimxu warajh flimkien. Il-ġmiel tiegħu għandu bixra ġdida, intensità bla preċedenti, tant li Pietru xtaq iwaqqaf il-ħin u jtawwal dik id-dehra. Ġenerożament, joffri li jtella’ tliet tined, biex bħal donnu jtawwal il-konverżazzjoni bejn Ġesù, Mosè u Elija. Imma f’dik il-konverżazzjoni wieħed jidħol irid. Ma nistgħux nibqgħu biss spettaturi. Fil-fatt aħna msejħin naqraw l-Iskrittura mal-Imgħallem, ninterpretaw iż-żmien tagħha u nieħdu deċiżjonijiet, billi nimxu fit-triq tiegħu. Aħna ninsabu hawn biex negħlbu r-rassenjazzjoni u l-biża’, biex inħollu d-dubji li jwaħħlu lilna wkoll, kif waħħlu lill-Appostli. Ġesù jsejħilna niddjalogaw mal-istorja tiegħu, biex niktbu paġni ġodda ta’ storja.
Aħna u nisimgħu li “wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl” (Mt 17:2), ejjew naħsbu fl-għodwa tal-Għid, meta anġlu tal-Mulej gerbeb il-blata li kienet tagħlaq il-qabar u wassal l-aħbar tal-Qawmien: “Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ” (Mt 28:3). Dan huwa d-dawl ta’ jum ġdid, li lejh aħna orjentati, filwaqt li madwarna, u xi drabi fina wkoll, għadu d-dlam. Nilmħu ż-żerniq tiegħu fil-qaddisin ikkanonizzati, bħal San Franġisk u Santa Kjara, u f’għadd bla tarf ta’ aħwa li għall-ħażin iwieġbu bit-tajjeb. M’aħniex waħidna! F’dawn il-jiem intom għamiltu esperjenza ta’ dan: iltqajtu u smajtu lil xulxin, u għaddejtu mill-istorbju ta’ ilħna li jirkbu fuq xulxin u jistonaw ma’ xulxin għall-arti tal-konverżazzjoni. Illum qed nikkontemplaw lil Ġesù li jinbidel proprju fil-konverżazzjoni mal-Missier, ma’ min ġie qablu, Mosè u Elija, u ma’ dawk ta’ żmienu, id-dixxipli.
Il-Knisja teżisti biex iddaħħalna f’dan id-dinamiżmu ta’ smigħ u ta’ deċiżjoni, li fih nifhmu għal min għandna ngħixu u kif għandna ngħixu. Hija l-komunità li fiha nitgħallmu nagħżlu l-leħen ta’ Alla, li qatt ma jinzerta sempliċiment bħall-opinjonijiet tagħna, u jkollna l-kuraġġ tal-Ispirtu s-Santu li mela bil-qlubija u l-kreattività lil dawk kollha li aċċettaw li jimxu wara Ġesù: meta ninfirdu minnu u mill-oħrajn, aħna nidde-figuraw ruħna; imma mill-banda l-oħra nittrasfiguraw ruħna fir-rabtiet li jseddqu u jsejħu għall-ħajja. L-ispiritwalità Franġiskana, li fiha ġejtu magħġuna, hija fost l-aktar attenti biex isewwu r-relazzjonijiet fundamentali ma’ Alla u mal-ħlejjaq kollha tiegħu: armonija li rridu nħarsuha u nikkultivawha, illum iżjed minn qatt qabel.
F’dan is-sens, fil-bidu tal-ewwel Enċiklika tiegħi ssuġġerejt li “kull ġenerazzjoni tirċievi b’wirt il-missjoni li ssawwar iż-żmien tagħha: li tgħin lill-istorja timmatura bħala post li fih id-dinjità ta’ kull persuna tiġi mħarsa, il-ġustizzja mseddqa u l-fraternità tkun possibbli. Imma fuq kull epoka jdellel ir-riskju li nispiċċaw nibnu dinja diżumana u iktar inġusta. Hemm fejn l-umanità tinsab fil-periklu li titlef l-istess wiċċ tagħha, aħna l-Insara nerfgħu ħarsitna lejn Alla li sar bniedem, għax nafu li ‘l-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem’. Din l-umanità tal-għaġeb f’Ġesù Kristu ssir it-Triq, il-Verità u l-Ħajja, u tiftaħ għal kull wieħed u waħda minna t-triq biex nikbru lejn il-milja tagħna” (Magnifica humanitas, 1).
Għeżież ħbieb, ir-raġuni li għaliha San Franġisk, 800 sena wara mewtu, għadu jiġbidna tant, tinsab fl-umanità tal-għaġeb li wasslitu biex jitlaq it-toroq li kien ġa qabad, biex iħalli tinfetaħ quddiemu waħda ġdida, iżjed koerenti mal-mixja ta’ Ġesù. Anki f’belt li kienet ilha sekli sħaħ Nisranija, bħalma hi Assisi, din dehret xi ħaġa rivoluzzjonarja. “L-għażla ta’ Kjara kienet aktar impressjonanti: tfajla li riedet tkun bħal Franġisku, li riedet tgħix, bħala mara, ħielsa bħal dawk l-aħwa!” (Udjenza ġubilari, 4 ta’ Ottubru 2025). Din hija l-enerġija tal-Kristjaneżmu, dik tal-bidu tiegħu u tal-ħafna drabi li fihom beda mill-ġdid.
Għeżież żgħażagħ, illum l-Ewropa u d-dinja kollha qed ifittxu fikom qaddisin ġodda: issugraw emmnu fil-kelma tal-Vanġelu, siru umani bil-libertà ta’ Ġesù Kristu, ħaddnu lil ħuna l-faqar! It-titlu tal-laqgħa tagħkom – Go! – hu missjoni, li tibgħatkom f’toroq li tagħhom ma għandniex mapep, għax jinfetħu meta nagħtu widen lil qalbna, nobdu lill-Ispirtu, nimxu wara l-Irxoxt fejn hu mar qabilna. Go! Morru! Jew aħjar: ejjew immorru! Let’s go! Fil-periferiji, fejn l-inġustizzja u l-prepotenza tal-ftit qed iċaħħdu d-dinjità u l-ħolm ta’ ħafna, ta’ wisq minn ulied Alla. Il-Papa Franġisku, imnebbaħ mill-Fqajjar ta’ Assisi, wissiena kontra “t-tentazzjoni li nkunu Nsara li jżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej. Imma Ġesù jrid li mmissu l-miżerja umana, li mmissu l-ġisem sofferenti tal-oħrajn. Hu jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk l-imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana (Franġisku, Evangelii gaudium, 270).
Jistgħu ma jifhmuniex, saħansitra dawk ta’ ġewwa, kif ġralu San Franġisk. U safrattant, meta neħduha kontra l-kultura tal-poter u nġarrfu l-ħitan li jifirdu lill-bnedmin bejniethom, qatt ma nkunu qed nittradixxu l-familja, il-belt, it-tradizzjoni, imma nkunu neħilsuhom mill-fantażmi tagħhom, minn għedewwa vvintati minħabba l-biża’ u l-injoranza, mill-vjolenza li biha rridu nimponu l-ordni ċkejken tagħna fuq realtà li minn kull naħa hi ikbar minna. Jekk nafdaw f’Alla, nerġgħu nsibu, bħalma għamlu Franġisku u Kjara, dinja ta’ aħwa x’napprezzaw u x’naqdu, x’ma nisfruttawx u x’ma niddominawx. Mhux dinja x’niddefendu, imma waħda xi nħaddnu.
Għeżież żgħażagħ, iddedikaw ħajjitkom għaċ-ċiviltà tal-imħabba, li maż-żerriegħa twarrad tagħha ltqajtu f’tant eżempji ta’ għotja b’xejn, u li tittrasfigura – fix-xbieha ta’ Kristu – għadd bla tarf ta’ operaturi tal-paċi llum ukoll, impenjati biex jaqdu l-ħajja qalb l-aktar xenarji traġiċi ta’ mewt. Iġbru flimkien l-aħjar enerġiji tal-umanità tal-għaġeb tagħkom – l-istudji, il-kompetenzi, ix-xogħol, il-ħbiberiji, l-imħabba, it-talb – u hekk tkunu tattwalizzaw b’diversi modi l-viżjoni ta’ Franġisku. Nimmaġina li hi għażiża għalikom it-talba li spiss hi attribwita lilu, test tas-seklu li għadda:
Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek:
fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba;
fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
“Hemmhekk” irridu mmorru! Go! Imma dan hu l-mod speċjali “kif” immorru:
Mgħallem divin, la tħallix:
li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien,
li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien,
li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.
Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu,
meta naħfru, aħna niġu maħfura;
meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.
Għeżież ħbieb, jalla dawn il-ġranet f’Assisi jibqgħu f’moħħkom u r-ritorn tagħkom id-dar, fid-diversi pajjiżi tal-Ewropa li lejhom se tivvjaġġaw, ikun bħall-inżul ta’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni mill-muntanja għolja tat-trasfigurazzjoni. Ritorn ħosbien, miftuħ għall-futur, impenjat ma’ Ġesù Kristu. Hu qed jafda fikom, jemmen fikom, jibqa’ dejjem magħkom.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard