minn Manwel Cutajar
Il-Mirakli Ewkaristiċi fit-tagħlim tad-Dutturi tal-Knisja Kattolika(4)
San Tumas ta’Akwinu (1225-1274), huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar teologi u filosfi fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Dal-Patri Dumnikan Taljan li għex fis-seklu 13, rrivoluzzjona l-ħsieb Kattoliku billi armonizza r-raġuni umana mar-Rivelazzjoni Divina. L-approċċ sistematiku tiegħu għat-teoloġija ħoloq qafas intellettwali fundamentali li għadu l-pedament tad-Duttrina Kattolika, l-edukazzjoni, u t-taħriġ tas-seminarju sal-lum. Huwa magħruf l-aktar għall-kapolavuri teoloġiċi u filosofiċi monumentali tiegħu: is-Summa Theologiae, flimkien mas-Summa contra Gentiles u l-Innijiet Ewkaristiċi tant sbieħ u profondi tiegħu wżati fil-liturġija tal-Knisja Kattolika u Knejjes oħra Insara.
San Tumas kien ġie ddikjarat uffiċjalment Duttur tal-Knisja fil-15 ta’ April 1567, mill-Papa Dumnikan San Piju V.
Dak iż-żmien, l-isem distintiv ta’ San Tumas ta’ Akwinu fost id-Dutturi tal-Knisja ġie stabbilit formalment bħala d-Duttur Anġeliku. San Tumas jissejjaħ id-Duttur Anġeliku (Doctor Angelicus) tal-Knisja Kattolika għal tliet raġunijiet ewlenin: il-kitbiet teoloġiċi komprensivi tiegħu dwar l-Anġli, il-purità tiegħu tal-moħħ u l-ġisem, u n-natura sublimi u elevata tal-intellett tiegħu. Dat-titlu ngħata uffiċjalment status kanoniku ukoll fl-1567 mill-istess Papa San Piju V meta San Tumas kien ġie ddikjarat Duttur tal-Knisja, kif għidna fuq. Il-kelma “duttur” innifisha ġejja mill-għerq Latin docere, li tfisser “tgħallem”, u dan juri l-istatus ta’ San Tumas u tad-Dutturi kollha,maskili kif ukoll femminili, naturalment bla ebda distinzjoni,tal-Knisja Kattolika bħala Għalliema eżemplari tal-Fidi Kattolika, kif se nkomplu naraw f’din is-sensiela.`
San Tumas ta’ Akwinu ma kitebx ktieb waħdu esklussivament dwar l-Anġli. Minflok, l-aktar trattat magħruf, komprensiv u definittiv tiegħu dwar is-suġġett jinsab fil-kapolavur tiegħu, is-Summa Theologiae (speċifikament fl-Ewwel Parti, Mistoqsijiet 50–64, ħafna drabi ppubblikati separatament bħala t-Trattat dwar l-Anġli ). Huwa ndirizza wkoll Esseri Immaterjali fil-fond fix-xogħol aktar tard tiegħu, fit-Trattat dwar Sustanzi Separati (De Substantiis Separatis ). F’dan it-trattat mhux mitmum tiegħu San Tumas jiffoka fuq in-natura tal-Esseri Immaterjali, li huwa jidentifika bħala l-Anġli (mill-perspettiva teoloġika) jew l-Intelliġenzi Separati (mill-perspettiva filosofika Aristotelika u Platonika).
Dan ix-xogħol, miktub lejn l-aħħar ta’ ħajtu (madwar l-1271-1273), jirrappreżenta l-maturità sħiħa tal-ħsieb ta’ San Tumas dwar id-dinja Spiritwali
San Tumas ngħata wkoll espliċitament it-titlu ta’ Doctor Eucharisticus (Duttur tal-Ewkaristija) fis-1925 mill-Papa Piju XI.
Il-Mirakli Ewkaristiċi fit-tagħlim ta’ San Tumas ta’ Akwinu
San Tumas indirizza speċifikament il-Mirakli Ewkaristiċi fis-Summa Theologiae tiegħu (Tertia Pars, Quaestio LXXVI, Articulus VIII)).
Hawnhekk San Tumas jistaqsi Utrum verum corpus Christi remaneat in hoc sacramento quando miraculose apparet sub specie pueri vel carnis. (Bil-Malti: Jekk il-Ġisem veru ta’ Kristu jibqax f’das-Sagrament meta jidher mirakolożament taħt id-dehra ta’ tifel jew ġisem)
Hawn hu t-test sħiħ tal-Mistoqsija 76,Artiklu 8 mitTielet Parti tas-Summa Theologiae ta’ San Tumas ta’ Akwinu.
L-Ewwel Oġġezzjoni: Jidher li l-Ġisem ta’ Kristu mhux tassew jibqa’ hemm meta mirakolożament jidher taħt id-Dehra ta’ tifel jew ġisem f’das-Sagrament. Dan għaliex il-Ġisem ta’ Kristu ma jibqax taħt das-Sagrament meta l-ispeċi Sagramentali ma jibqgħux preżenti. Imma meta jidher tifel jew ġisem, l-ispeċi Sagramentali ma jibqgħux preżenti. Għalhekk il-Ġisem ta’ Kristu mhux tassew jkun preżenti meta isseħħ id-dehra ta’ tifel jew ġisem fl-Ewkaristija.
It-Tieni Oġġezzjoni: Barra minn hekk,kull fejn ikun hemm il-Ġisem ta’ Kristu, ikun hemm jew taħt l-ispeċi Tiegħu stess jew taħt dawk tas-Sagrament. Imma meta jseħħu dawn id-dehriet, ikun evidenti li Kristu mhux preżenti taħt l-ispeċi Tiegħu stess, għaliex il-Kristu kollu kemm hu jinsab f’das-Sagrament, u jibqa’ sħiħ taħt il-forma li fiha tela’ s-Sema: madankollu dak li jidher mirakolożament f’das-Sagrament xi kultant jidher bħala partiċella żgħira tal-laħam, jew xi kultant bħala tifel żgħir. Issa huwa evidenti li Hu mhux hemm taħt l-ispeċi Sagramentali, li hija dik tal-ħobż jew tal-inbid. Konsegwentement, jidher li l-Ġisem ta’ Kristu ma jkunx hemm bl-ebda mod.
It-Tielet Oġġezzjoni: Barra minn hekk, (Corpus Christi incipit esse in hoc sacramento per consecrationem et conversionem) il-Ġisem ta’ Kristu jibda jkun f’dan is-Sagrament permezz tal-Konsagrazzjoni u t-konverżjoni. kif intqal hawn fuq (III:75:2-4). Imma l-laħam u d-demm li jidhru b’Miraklu mhumiex ikkonsagrati, u lanqas ma huma kkonvertiti fil-Ġisem u d-Demm veru ta’ Kristu. Għalhekk il-Ġisem jew id-Demm ta’ Kristu mhuwiex taħt dawk l-ispeċi.
Sed Contra : (Imma għall-kuntrarju), meta sseħħ dehra bħal din, tintwera l-istess riverenza lejha kif intweriet fil-bidu, li ma kinitx issir kieku Kristu ma kienx tassew hemm, li Lilu nuru riverenza ta’ “latria.” Għalhekk, meta sseħħ dehra bħal din, Kristu jkun fis-Sagrament tabilħaqq.
Respondeo dicendum… (Inwieġeb…) li din id-dehra sseħħ b’żewġ modi, meta kultant f’das-Sagrament jidher laħam, jew demm, jew tifel. Kultant jiġri min-naħa ta’ dawk li jarawha, li għajnejhom ikunu tant affettwati bħallikieku raw minn barra laħam, jew demm, jew tifel, filwaqt li ma sseħħ l-ebda bidla fis-Sagrament. U dan jidher li jiġri meta lil persuna waħda jidher taħt l-ispeċi tal-laħam jew ta’ tifel, filwaqt li lil oħrajn jidher bħal qabel taħt l-ispeċi tal-ħobż; jew meta lill-istess individwu jidher għal siegħa taħt id-dehra tal-laħam jew ta’ tifel, u wara taħt id-dehra tal-ħobż. Lanqas ma hemm xi qerq hemmhekk, kif jiġri fl-għemejjel tal-maġi (dawk li jagħmlu l-maġija), għaliex l-ispeċi hija ffurmata Divinament fl-għajnejn umani sabiex tirrappreżenta xi verita’, jiġifieri, bil-għan li turi li l-Ġisem ta’ Kristu huwa tassew taħt dan is-Sagrament; sewwa sew bħalma Kristu mingħajr qerq deher lid-dixxipli li kienu sejrin lejn Emmaws. Għax Wistin jgħid (De Qq. Evang. ii) li “meta l-pretensjoni tagħna tkun relatata ma’ xi sinifikat, ma tkunx gidba, iżda figura tal-verità.” U peress li b’dal-mod ma ssir l-ebda bidla fis-Sagrament, huwa ċar li, meta sseħħ did-dehra, Kristu ma jiqafx ikun taħt dan is-Sagrament.
Imma xi kultant jiġri li dehra bħal din ma sseħħx sempliċement permezz ta’ bidla li ssir f’min ikun qed jaraha, imma permezz ta’ dehra li tassew teżisti minn barra. U dan tabilħaqq jidher li jiġri meta kulħadd jaraha taħt dehra bħal din, u tibqa’ hekk mhux għal siegħa, imma għal żmien konsiderevoli; u, f’dal-każ xi wħud jaħsbu li hija l-ispeċi xierqa tal-Ġisem ta’ Kristu. Lanqas ma jimporta li xi kultant il-Ġisem kollu ta’ Kristu ma jidhirx hemm, imma parti minn Ġismu, jew inkella li ma jidhirx f’dehra żagħżugħa, imma fid-dehra ta’ tifel, għax jinsab fil-poter ta’ Ġisem glorifikat li jidher minn għajn mhux glorifikata jew kompletament jew parzjalment, u taħt id-dehra tiegħu stess jew f’dehra stramba kif se jingħad aktar tard (Suppliment:85:2-3)
Iżda dan jidher improbabbli. L-ewwelnett, għax il-Ġisem ta’ Kristu taħt l-ispeċi proprja tiegħu jista’ jidher biss f’post wieħed, fejn ikun miżmum b’mod definittiv. Għalhekk, peress li jidher fl-ispeċi proprja tiegħu, u huwa adorat fis-Sema, ma jidhirx taħt l-ispeċi proprja Tiegħu f’dan is-Sagrament. It-tieni nett, għax ġisem Glorifikat, li jidher meta jrid, jgħib meta jrid wara d-dehra; għalhekk huwa rrakkontat (Luqa 24:31) li Sidna “għeb minn quddiem id-dixxipli”. Imma dak li jidher taħt ix-xbieha tal-Ġisem f’das-Sagrament, jibqa’ għal żmien twil; tabilħaqq, wieħed jaqra li xi kultant ikun magħluq, u, fuq ordni ta’ ħafna isqfijiet, ippreservat f’pissidi, li jkun ħażin li wieħed jaħseb fi Kristu taħt id-dehra proprja Tiegħu.
Konsegwentement, filwaqt li d-dimensjonijiet jibqgħu l-istess bħal qabel, hemm bidla mirakoluża li ssir fl-inċident l-oħra, bħall-għamla, il-kulur, u l-bqija, sabiex jidher il-laħam, jew id-demm, jew tifel. U, kif intqal diġà, dan mhuwiex qerq, għax isir “biex jirrappreżenta l-verità,” jiġifieri, biex juri b’din id-dehra mirakuluża li l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jinsabu tassew f’dan is-Sagrament. U għalhekk huwa ċar li hekk kif jibqgħu d-dimensjonijiet, li huma l-pedament tal-inċidenti l-oħra aktar tard il-Ġisem ta’ Kristu jibqa’ tassew f’dan is-Sagrament.
Tweġiba Għall-Ewwel Oġġezzjoni: Meta sseħħ did-dehra, l-ispeċi Sagramentali xi kultant jibqgħu sħaħ fihom infushom; u xi kultant biss fir-rigward ta’ dak li hu prinċipali.
Tweġiba għat-Tieni Oġġezzjoni: Waqt dawn id-dehriet ma tidhirx id-dehra proprja ta’ Kristu, iżda speċi ffurmata mirakolożament jew f’għajnejn dawk li jarawha, jew fid-dimensjonijiet Sagramentali nfushom.
Tweġiba għat-Tielet Oġġezzjoni: Id-dimensjonijiet tal-ħobż u l-inbid ikkonsagrati jibqgħu, filwaqt li bidla mirakoluża sseħħ fl-inċidenti l-oħra, kif intqal hawn fuq.
Nota: San Tumas ta’ Akwinu kiteb is-Summa Theologiae tiegħu bejn is-snin 1265 u 1273 bħala gwida ta’ tagħlim għall-istudenti tat-teoloġija li kienu għadhom jibdew bil-għan li ispjega d-Duttrina Nisranija b’mod ċar billi jgħaqqad il-Fidi Sagra mal-filosofija Aristotelika.