Ir-rebħiet li jeħtieġ naħdmu għalihom illum, Omelija mill-Isqof Joseph Galea Curmi, Jum il-Vitorja

Omelija 8 ta’ Settembru 2026, Jum il-Vitorja, Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta 

Ir-rebħiet li jeħtieġ naħdmu għalihom illum 

Jum il-Vitorja hu jum ta’ festa għażiża għal pajjiżna. Mal-Knisja fid-dinja kollha niċċelebraw illum l-festa tat-twelid tal-Madonna, imma din hi wkoll festa li għandha tifsira partikulari għalina l-Maltin. Il-poplu Malti llum ifakkar ġrajjiet li sawru l-identità nazzjonali tagħna, mumenti li fihom missirijietna għarfu l-ħarsien ta’ Alla u rringrazzjaw lill-Madonna għall-interċessjoni materna tagħha. Infakkru llum ir-rebħiet fi tliet Assedji fuq Malta. 

Iżda l-festa tal-lum mhijiex biss tifkira ta’ rebħiet tal-imgħoddi. Hija stedina biex nagħmlu mistoqsija li tmiss il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna: x’inhuma r-rebħiet li Malta hi msejħa taħdem għalihom illum? L-istorja tfakkar ir-rebħiet tal-bieraħ. Il-kuxjenza tagħna trid tagħraf ir-rebħiet li rridu naħdmu għalihom illum u fis-snin li ġejjin. Ir-rebħiet tal-lum mhumiex kontra xi għadu barrani li qed jagħmel assedju, imma rebħiet fi ħdan is-soċjetà Maltija, rebħiet li rridu nagħmlu bl-għażliet tal-ħajja tagħna. L-għan tagħna mhuwiex li nippuntaw subgħajna lejn l-oħrajn, imma li nħarsu lejn nfusna, u nirriflettu – fuq livell individwali, bħala Knisja u bħala nazzjon – u nieħdu l-passi neċessarji. 

Ir-rebħa tal-ħajja fuq il-kultura tal-mewt 

L-ewwel rebħa li qatt m’għandna nieqfu naħdmu għaliha hija r-rebħa tal-ħajja fuq il-kultura tal-mewt. Niftakru dan b’mod speċjali aħna u nagħmlu l-festa tat-twelid ta’ Marija, festa b’rabta hekk qawwija mal-ħajja, li tfakkarna li kull ħajja umana għandha tintlaqa’, titħares u tiġi maħbuba. 

Il-ħajja umana mhijiex proprjetà tagħna, u lanqas oġġett li l-valur tiegħu jiddependi mill-età, mis-saħħa, mill-produttività jew mill-konvenjenza. Hija l-ewwel don ta’ Alla, mogħti lilna biex inħarsuh u nħobbuh, u nagħmlu dan billi nipproteġu l-ħajja mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. 

Hija etika bażika dik li tiddefendi l-ħajja, u speċjalment il-ħajja ta’ dawk vulnerabbli u dipendenti. Meta soċjetà tibda tiddeċiedi li ċerti ħajjiet jiswew inqas minn oħrajn, jew meta s-siwi ta’ ħajja umana jiddependi fuq x’jaħsbu n-nies fi żmien partikulari, tkun diġà qed tiddikjara lilha nnifisha telliefa. 

Ir-rebħa tal-verità fuq il-gideb 

Rebħa oħra hi r-rebħa tal-verità fuq il-gideb. Qatt ma kellna tant mezzi ta’ komunikazzjoni daqs illum; u, madankollu, qatt ma jidher daqshekk diffiċli li nagħrfu l-verità, u nagħmlu d-distinzjoni bejn dak li hu veru u dak li hu falz. 

Hi verament telfa kbira meta jiġri li l-gidba tiġi kkunsidrata bħala stil ta’ ħajja, u l-ġurament falz isir prattika normali. Aħna msejħin biex inkunu xhieda tal-verità, mhux għax il-verità hija dejjem faċli, iżda għax hija biss il-verità li tagħmilna tassew ħielsa. 

Pajjiżna għandu bżonn nisa u rġiel li jħobbu l-verità aktar mill-popolarità, li jfittxu dak li hu sewwa aktar minn dak li hu konvenjenti, u li jifhmu li l-fiduċja tinbena mhux bi kliem li jinstema’ sabiħ iżda bl-onestà. 

Ir-rebħa tal-integrità fuq il-korruzzjoni 

Rebħa oħra li għandna dejjem naħdmu għaliha f’pajjiżna hija dik tal-integrità fuq “il-flaġell tal-korruzzjoni” (fi kliem il-Papa Ljun XIV, 17 ta’ April 2026) – il-korruzzjoni li tnawwar il-fibra morali tas-soċjetà. L-integrità titlob li nimxu ma’ dak li hu sewwa, ukoll meta dan ifisser li rridu mmorru kontra l-kurrent. Titlob li ma nagħmlux il-flus alla falz tagħna, jew inxaħħmu n-nies meta jidhrilna li konvenjenti. Irridu dejjem niftakru: il-korruzzjoni ma ssirx ħażina il-mument li tinkixef, imma tkun ħażina meta ssir, u kulfejn issir, ukoll jekk tibqa’ moħbija. 

Irridu naħdmu għar-rebħa tal-integrità, li hija l-pedament ta’ soċjetà ġusta. Titlob li l-interess personali ma jitqigħedx qabel il-ġid komuni, li s-servizz pubbliku ma jinbidilx fi pjaċir personali, li l-kuxjenza ma tinbigħx għall-konvenjenza. L-integrità tgħinna naħdmu kontra x-xibka ta’ kriminalità organizzata li, bl-intriċċi tagħha, iġġib fix-xejn il-ġustizzja.  

Ir-rebħa tal-ħarsien tal-ħolqien fuq il-massakru ambjentali 

Rebħa oħra kruċjali li rridu naħdmu għaliha hija r-rebħa tal-ħarsien tal-ħolqien fuq il-massakru ambjentali – assedju li laqat lill-gżejjer tagħna. Il-ħolqien huwa l-ewwel ktieb li fih Alla jkellimna. Is-sbuħija tal-kampanja, tal-widien, u tal-baħar tirrifletti l-għerf u t-tjieba tal-Ħallieq. 

Li nieħdu ħsieb l-ambjent hi responsabbiltà kbira ħafna u urġenti li għandna fuq spallejna. L-art mhijiex tagħna biss; hija don li rċevejna u li rridu ngħadduh b’responsabbiltà lil dawk li jiġu warajna. Il-ġenerazzjonijiet li ġejjin għandhom id-dritt jirċievu pajjiż li ma nkunux kerrahnieh bi sfreġji irreversibbli minħabba l-għażliet tagħna, iżda jkun aktar sabiħ, aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli. Ma jkunx hemm rebħa jekk uliedna jkollhom jieħdu nifs f’arja mniġġsa flok f’arja nadifa. 

Ir-rebħa tal-progress ta’ dawk vulnerabbli fuq l-emarġinazzjoni tagħhom 

Rebħa oħra li rridu naħdmu għaliha hi r-rebħa tal-progress ta’ dawk vulnerabbli fuq l-emarġinazzjoni tagħhom. Il-kejl ta’ pajjiż mhuwiex biss kemm jipproduċi ġid, iżda kemm juri umanità lejn kull persuna, b’mod speċjali dawk vulnerabbli, dawk dgħajfa, irrispettivament min jekk hux Malti jew barrani. Is-saħħa tas-soċjetà ma titkejjilx mil-lussu ta’ parti minnha. Is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. 

Għandna naħdmu biex niżguraw li persuni vulnerabbli jirċievu l-kura u l-appoġġ li jeħtieġu, u ma jiġux traskurati, esklużi jew imbuttati lejn il-periferija tas-soċjetà. Irridu niftakru li kull kriżi – bħal dik tal-qtugħ ta’ dawl li kellna ta’ spiss f’dawn l-aħħar xhur – ibatuha l-aktar dawk vulnerabbli. Irridu nibnu soċjetà li tgħożż l-inklużjoni, is-solidarjetà, il-kompassjoni u r-responsabbiltà soċjali, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar f’riskju li jiġu injorati. 

Omm ir-rebħa vera 

It-titlu “Madonna tal-Vitorja” ma jiċċelebrax il-gwerra. L-akbar rebħa ta’ Marija ma seħħitx f’kamp ta’ battalja. Seħħet f’Nazaret meta wieġbet lill-anġlu: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). U kompliet taħt is-Salib, fejn baqgħet wieqfa u fidila meta kollox deher mitluf. Din hija r-rebħa li joffrilna l-Evanġelju: ir-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, tal-verità fuq il-qerq, tal-ġustizzja fuq l-egoiżmu, tal-paċi fuq il-ġlied, tat-tama fuq il-qtigħ ta’ qalb, u tal-ħajja fuq il-mewt. 

F’din il-festa nazzjonali nitolbu lill-Mulej jagħti l-għerf lil dawk li fuqhom hemm ir-responsabbiltà tat-tmexxija. Isaħħaħ fina l-impenn favur il-ħarsien ta’ kull ħajja umana, jagħmilna xhieda tal-verità, inaddaf il-ħajja pubblika u soċjali permezz tal-integrità u l-onestà, u jgħinna nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, u nkunu ta’ appoġġ għall-persuni vulnerabbli. 

Jalla, f’Jum il-Vitorja, niftakru li l-viżjoni għas-snin li ġejjin nersqu lejha, illum qabel għada,  bir-rebħiet li nagħmlu meta nagħrfu ngħixu l-valuri u nagħmlu l-għażliet li tassew jibnuna bħala soċjetà, ħalli d-dawl jirbaħ fuq id-dlam. 

Joseph Galea Curmi 

Isqof Awżiljarju 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading