VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FI FRANZA
U ŻJARA LIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA
GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA (UNESCO)
25-28 TA’ SETTEMBRU 2026
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
“Place de la Concorde” (Pariġi)
Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2026
Għeżież ħuti,
Irrodd ħajr lil Alla tal-grazzja li ngħatajt li nkun hawn, f’din il-Pjazza tal-Konkordja, biex niċċelebra l-Ewkaristija. Iva, kemm hu sabiħ u ħelu li l-aħwa jkunu flimkien (ara Salm 132:1), biex ifaħħru l-kobor ta’ Alla! Jalla l-preżenza tiegħi fostkom issaħħaħ il-fidi tagħkom u tinkuraġġikom biex tiddu u tgħaddu bla waqfien il-ħajja, il-paċi u l-imħabba tal-maħbub tagħna Sidna Ġesù Kristu.
“Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob” (Ġw 7:37). Ħuti, il-komunità tagħna għatxana tersaq għand Kristu, għajn tal-ilma ħaj; l-ilma li jaqta’ l-għatx u jġib il-ħajja, l-ilma tal-imħabba ta’ Alla li “ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5).
Ix-xewqa għal Alla tgħammar fil-fond nett tal-qalb tagħna, u aħna mas-Salmista ngħajtu: “Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj” (Salm 41:3). Hija l-karba ta’ bniedem, umli u appassjonat, li l-għatx l-aktar ġewwieni u eżistenzjali tiegħu dejjem jikber. Issa, huwa Ġesù Kristu, permezz tal-inkarnazzjoni tiegħu, li jiġi jiltaqa’ ma’ kull bniedem fl-istorja tiegħu u jirrivela ruħu lilu bħala l-għajn ħajja vera li kapaċi taqta’ l-għatx tiegħu. Mhuwiex tant għatx materjali, imma pjuttost għatx għas-sens, għall-verità u għall-milja li jgħammar fil-qalb ta’ kull bniedem. Ġesù jwieġeb għal din ix-xewqa profonda ta’ relazzjoni, ta’ komunjoni ma’ Alla, fejn tgħammar il-milja tal-ħajja għal dejjem.
Fl-Ewwel Qari, il-profeta Eżekjel jara l-ilma jnixxi mit-Tempju u, waqt li jixtered fid-deżert, inissel u jagħti l-ħajja lil kull ħaġa (ara Eżek 47:1-2,8-9,12). Iktar tard, San Ġwann jilmaħ l-ilma jgelgel mill-kustat minfud ta’ Ġesù, li jagħti l-Ispirtu tiegħu (ara Ġw 19:30-34). Mela kulħadd jista’ jaqta’ l-għatx meta jixrob minn din l-għajn biex jitwieled mill-ġdid u jirċievi d-don tal-Ispirtu, biex insiru wlied Alla, ħolqien ġdid.
Ħuti, jeħtieġ nagħrfu li hawn isfel xejn mhu sejjer qatt jissodisfana għalkollox. Meta sa fl-aħħar inqisu konkluż l-impenn tagħna u mħallsa l-isforzi tagħna, spiss jerġa’ jitfaċċa l-vojt ġewwieni, iktar u iktar profond. Allura, biex nimlewh, jista’ jiġrilna li nfittxu pjaċiri ġodda, li rridu nippossedu ħwejjeġ ġodda, li nagħmlu minn kollox biex “niddevertu” ħalli ma nħossux dak l-uġigħ ta’ ġo fina!
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum tistedinna ngħarblu l-qalb tagħna: liema hu l-għatx l-aktar profond tagħna? X’qed infittxu verament fil-ħajja? Kollha nixtiequ l-ferħ, l-imħabba, ir-realizzazzjoni. Imma minn liema għajn qed infittxu li naqtgħu l-għatx tagħna? Nikkuntentaw ruħna bil-ġid materjali, bis-sodisfazzjon immedjat, b’tant idoli ċkejkna li jwiegħdu ibħra u muntanji imma jħallu l-qalb tagħna votja? Bil-Magħmudija aħna rċivejna l-ilma ħaj li dwaru jitkellem il-Vanġelu, imma aħna ltqajna tabilħaqq ma’ Kristu personalment? Il-bniedem hu fundamentalment essri “li jixtieq”, u Alla biss jista’ jimla dan il-vojt ġewwieni.
Iva, ħuti, Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, imexxina, bħalma r-ragħaj imexxi n-nagħaġ tiegħu, lejn l-għajn tal-hena u tas-sliem. Jaf lil kull wieħed u waħda minna b’isimna. Xejn ma jaħrablu mis-sigrieti tagħna, mill-fehmiet tagħna, mid-dgħufijiet tagħna. Jgħarbel il-qiegħ nett ta’ qalbna. Hu ta ħajtu għalina u jkompli jagħtiha permezz tas-Sagramenti. Jerfa’ fuq spallejh in-nagħġiet għajjiena jew midruba, u jreġġa’ lura bil-ħlewwa lil dawk li ntilfu. Ġesù juri l-imħabba bla kundizzjonijiet ta’ Alla għalina. F’għajnejh, ħadd minna ma hu numru fuq karta tal-identità, lanqas kodiċi ta’ identifikazzjoni, imma persuna, persuna unika u insostitwibbli.
Meta narakom hawn miġbura, għeżież ħuti, werrieta ta’ storja qaddisa twila u sabiħa fi Franza, ngħidilkom: ixorbu, intom ukoll, minn din l-għajn li hija l-Qalb minfuda ta’ Ġesù. Iva, intom bil-għatx għal Alla, għall-verità, għall-għaqda, għall-paċi, għall-komunjoni, għall-ferħ. Aspiraw li tiskopru mill-ġdid xefaq imdawwal, li tibnu nazzjon imġedded ibda mill-għeruq tiegħu msoqqija mill-fidi. La żżommux għalikom biss il-fidi f’Ġesù Kristu, imma ħalluha tgelgel biex taqta’ l-għatx u tfawwar fil-persuni li magħhom tiltaqgħu. Imiss lilkom issa li tieħdu t-tama hemm fejn isaltnu l-qtigħ il-qalb u n-nixfa spiritwali.
Fil-fatt, huwa jekk naċċettaw li ngħixu fil-verità taħt il-ħarsa ta’ Ġesù li nistgħu nkunu awtentiċi, li nistgħu nħarsu lejn il-ħajjiet tagħna b’mod ċar. Huma ċertament dgħajfa, vulnerabbi, iddestinati għall-mogħdija tal-mewt, imma huma wkoll tal-għaġeb, mirakolużi, kapaċi jiġġeddu fir-relazzjonijiet tagħhom u jinfetħu għall-imħabba vera.
“Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:37-38). Jekk nixorbu mill-għajn li hija l-qalb ta’ Kristu, insiru aħna stess, kif kiteb Oriġene, bjar, għejun u xmajjar għall-oħrajn (ara Omelija 12, 1, 2-3). Fil-fatt, min jemmen u jixrob isir hu wkoll għajn ta’ ħajja grazzi għar-rabta eżistenzjali tiegħu ma’ Kristu u jikkomunika din l-istess ħajja lill-proxxmu.
Għeżież ħuti, l-ilma ħaj tal-Ispirtu s-Santu ssawwab bil-kotra u jissokta jagħmel il-frott tiegħu fil-Knisja permezz tal-missjunarji u x-xhieda fil-kulturi kollha u fil-popli kollha. Hu jagħti l-ħajja lil dak kollu li jmiss miegħu u jħallih jibdlu, biex jipproduċi l-frott tiegħu, jiġifieri l-qdusija ta’ dawk li jqimu lil Alla l-veru u jaqdu lill-aħwa b’karità ġeneruża. F’dan il-Pajjiż mill-isbaħ li hu Franza, ħafna qatgħu l-għatx minn dan l-ilma ħaj matul is-sekli u kkonsagraw ħajjithom kollha għall-ġid: l-ewwel martri bħal Blandina, Potinu, Irinew; il-qaddisin fundaturi ta’ Ordnijiet reliġjużi, il-qaddisin isqfijiet bħal Martin u Franġisku de Sales; l-irġiel u nisa ta’ qalb sensibbli għall-bżonnijiet tal-proxxmu bħal Vinċenz de Paul, Federiku Ozanam, Giovanna Jugan u tant oħrajn. Sal-lum huma bla għadd fis-soċjetà tagħna, fil-parroċċi tagħna, fid-diversi ħidmiet tagħna, dawk li jkomplu jimpenjaw ruħhom b’risq il-ħajja, il-familja, il-verità, il-paċi, il-fraternità, il-ġustizzja.
Minn din il-belt sabiħa ta’ Pariġi, nitlob bil-ħerqa biex l-ilma ħaj tal-Ispirtu s-Santu jixtered fuq Franza kollha. Naħseb fikom, għeżież familji, li minkejja tant diffikultajiet li taffrontaw ta’ kuljum, tipperseveraw bil-kuraġġ kollha fil-missjoni tagħkom. Nirringrazzjakom minn qalbi għall-ġid kollu li jsir permezz tagħkom; u jalla l-preżenza konkreta ta’ Ġesù ma tmut qatt fikom! Naħseb fikom, għeżież żgħażagħ: intom il-Knisja tal-lum! Kemm hu sabiħ tara l-entużjażmu tagħkom, id-dinamiżmu tagħkom, l-impenn tagħkom u l-ferħ fi ħdan il-komunitajiet Insara. Naħseb ukoll fikom, għeżież katekumeni u neofiti, li qed taqbdu l-mixja tal-fidi, tal-konverżjni u tal-inizjazzjoni Nisranija. Id-don tal-Ispirtu s-Santu jagħmel minnkom xhieda, lesti biex ixxerrdu madwarkom iċ-ċiviltà tal-imħabba.
Ħuti, ejjew induru fuq l-Omm ta’ Alla, Għajn ta’ salvazzjoni, dik li tmexxi l-ħajjiet tagħna lejn Binha, awtur ta’ kull grazzja. Bl-“iva” ħielsa u fiduċjuża tagħha hi saret dak it-tabernaklu, umli u mixtieq minn Alla, li fih l-imħabba tal-Missier tlaħħmet biex tingħata għad-dinja. Nitolbuha bil-fiduċja, biex, għall-interċessjoni tagħha, igelglu għejun ta’ ilma ħaj fi ħdan il-Poplu ta’ Alla u twarrad kullimkien fi Franza ż-żerriegħa tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. Amen!
