Talba tal-Qdusija tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV ġewwa l-Grotta tad-Dehriet ta’ Massabielle (Lourdes)

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FI FRANZA

U ŻJARA LIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA

GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA (UNESCO)
25-28 TA’ SETTEMBRU 2026

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Grotta tad-Dehriet ta’ Massabielle (Lourdes)

Is-Sibt 26 ta’ Settembru 2026

Sidtna Marija ta’ Lourdes, l-Immakulata Kunċizzjoni, f’dan il-post imbierek fejn inti kellimt, b’tant ħlewwa, lil Santa Bernadette, bint umli tal-poplu ta’ Franza, biex tgħaddi lid-dinja messaġġ imdawwal ta’ talb, ta’ konverżjoni u ta’ tama, aħna niġru għandek bil-fiduċja; għax inti l-Omm li Ġesù tana u inti attenta għall-ħtiġijiet kollha tagħna.

Nitolbuk, Omm tagħna, għal Franza, li tagħha inti l-Patruna u li għal tant sekli inti geżwirt fil-protezzjoni tiegħek. Ikseb għall-poplu tagħha d-don tal-fehma waħda bejn l-aħwa. Ħa tibni soċjetà armonjuża, li twarrab kull vjolenza u kull mibegħda, fejn kulħadd jista’ jaħdem, jibni familja u jgħix fil-milja tagħha l-ħajja tiegħu fit-trankwillità u s-serenità. Ħa jsibu dejjem l-għajnuna dawk l-inqas ixxurtjati u foqra. Ikseb għal Franza mexxejja għaqlin u ġenerużi, lesti li jissagrifikaw lilhom infushom, kapaċi jaffrontaw l-isfidi u li jixtiequ jaqdu l-ġid komuni. Ħa jżommuha fil-paċi flimkien man-nazzjonijiet. Ħa jsemmgħu leħinha biex jippromovu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali umani u l-paċi fid-dinja, u jirrifjutaw dejjem il-loġika tal-gwerra.

Verġni Mqaddsa Marija, nippreżentawlek il-Poplu ta’ Alla li jimxi f’dan il-Pajjiż li inti ridt timmarka bil-qrubija tiegħek. Ġedded il-fidi ul-ħeġġa tal-familji Nsara, hekk għeżież għall-qalb tiegħek, biex jgħixu jum wara jum fil-preżenza ta’ Ġesù, tal-grazzja tiegħu u tal-għajnuna tiegħu fid-diffikultajiet li jgħaddu minnhom. Ħa jkunu miftuħa għall-ħajja b’mod ġeneruż u ħa jqanqal Alla vokazzjonijiet fi ħdanhom, b’mod partikulari saċerdotali u reliġjużi. Agħti lill-Knisja tiegħek fi Franza li turi, speċjalment lill-aktar żgħażagħ, it-triq kollha dawl tal-Vanġelu għall-bini ta’ soċjetà ġusta u fraterna li lejha jaspiraw.

Fl-aħħar nett, Omm kollok imħabba, nafdawlek il-fehmiet personali tagħna li l-aktar jagħfsu fuqna, b’mod partikulari dawk tal-persuni morda u li qed ibatu, kif ukoll ta’ dawk kollha li jseħbuhom, li flimkien ġew biex jiksbu qawwa u fejqan mill-għajn ta’ Massabielle. Nafdawlek l-għeżież tagħna u l-mejtin tagħna. Neħħi, nitolbu, ix-xkiel kollu li għadu jifridna minn Ibnek il-maħbub u agħmel li hu jsaltan fil-qlub kollha.

Amen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading