VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FI FRANZA
U ŻJARA LIS-SEDE TAL-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĠNUS MAGĦQUDA
GĦALL-EDUKAZZJONI, IX-XJENZA U L-KULTURA (UNESCO)
25-28 TA’ SETTEMBRU 2026
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Prairie tas-Santwarju ta’ Sidtna Marija ta’ Lourdes
Il-Ħadd 27 ta’ Settembru 2026
Ħuti, pellegrini minn Franza u mid-dinja kollha, meta nħares lejkom dalgħodu, miġbura fid-dar tal-Omm tagħna, nilmaħ il-wiċċ universali tal-Knisja. Xi wħud minnkom qasmu kontinenti, għelbu taħbit, u ġibtu l-ferħ u t-tagħbijiet tagħkom sa din il-Grotta mqaddsa. X’ferħ li qegħdin flimkien, qalb waħda, familja waħda!
Nixtieq insellem b’mod partikulari lill-pellegrini li ġew mill-provinċji u Djoċesijiet kollha ta’ Franza. Illum qed tirfsu din l-art imbierka li rċiviet tant grazzji. Jalla dan il-pellegrinaġġ iħeġġeġ il-fjamma tal-fidi fid-djar tagħkom u fil-parroċċi tagħkom. Wasslu l-faraġ ta’ Lourdes lill-qraba tagħkom, lill-għeżież tagħkom u lill-poplu Franċiż kollu.
It-testi li l-Liturġija tipproponilna f’dan il-Ħadd imissu aspett ċentrali tal-messaġġ li l-Verġni Marija ġiet biex tafda lil Santa Bernadette: stedina għall-konverżjoni, ħelwa u fl-istess waqt pressanti. Fil-Vanġelu, Ġesù jagħti ħarsa ta’ verità u ta’ diqa profonda lejn il-qlub magħluqa: “Bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom” (Mt 21:32). Għaliex din il-ġerħa fil-qalb ta’ Kristu? Għax Alla ma jridx it-telfien ta’ wliedu. Il-profeta Eżekjel ifakkarna f’dan: “Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet”, imma jekk jikkonverti, jekk “ikun intebaħ u reġa’ lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel: jibqa’ ħaj u ma jmutx” (ara Eżek 18:26,28). Għal din ir-raġuni li s-sejħat għall-indiema jidwu kemm-il darba fl-Iskrittura Mqaddsa u nsibuhom fil-predikazzjoni kollha tal-Vanġelu matul is-sekli. Huma jassumu importanza ta’ siwi kbir biex juru l-urġenza u l-ħtieġa: illum – mhux għada – li hemm bżonn nikkonvertu; illum hu ż-żmien it-tajjeb, il-jum tas-salvazzjoni (ara 2 Kor 6:2). Iva, Alla jixtieq li l-bniedem jgħix, li jiftaħ għajnejh u jerġa’ lura għandu. Nikkonvertu jfisser nitilqu t-toroq tal-iżball biex inħaddnu t-Triq tal-Ħajja, u hekk niftħu qalbna għall-Ferħ waħdieni li ma jgħaddix.
Ġesù nnifsu ma jomgħodx kliemu meta jsejjaħ għall-indiema, kif insibu, ngħidu aħna, f’San Luqa: “Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu” (13:5). Imma hu jwessa’ x-xefaq tal-ħajja ta’ din l-art għal dak tal-ħajja ta’ dejjem. Waqt li l-ferħ hawn isfel huwa realtà li tgħaddi, relattiva, xi drabi b’xorti ħażina inaċċessibbli għal xi wħud, il-ferħ veru hu wegħda lil kulħadd, fit-tama, u għandu jkun l-oġġett prinċipali tat-tiftix tagħna, tal-isforzi tagħna u tal-għażliet tagħna. Il-Verġni Marija forsi lil Santa Bernadette ma qaltilhiex: “Ma nwegħedekx li tkun ferħana f’din id-dinja, imma fl-oħra”?
Din il-wegħda, imħabbra proprju hawn, tidwi b’qawwa partikulari f’din l-art ta’ Franza u triegħed il-mentalitajiet kontemporanji tagħna. F’dan il-mument storiku, fi ħdan soċjetà li tfittex il-progress u l-benessri materjali, imma xi drabi hi ttentata li tinsa x-xefaq tal-eternità, Marija tiġi tfakkarna fil-kobor u d-dinjità tal-vokazzjoni tagħna għall-ħajja, għall-ħajja ta’ dejjem. Quddiem il-kurrenti attwali li jfittxu kif jagħtu definizzjoni ġdida lill-valur tal-ħajja umana quddiem il-mard, it-tbatija jew ix-xjuħija, il-Grotta ta’ Massabielle togħla bħala santwarju tat-tama Nisranija. Hawn, l-ebda dgħufija ma hi rrifjutata. Il-bsaten tagħkom, is-siġġijiet tar-roti tagħkom, id-dmugħ mistur tagħkom mhumiex xkiel: huma l-post per eċċellenza fejn intom l-aktar irrispettati, milqugħa u ttrasfigurati mill-imħabba bla tarf ta’ Alla. Lourdes huwa l-post imbierek ta’ stqarrija ta’ fidi fil-ġmiel u fis-sagralità tal-ħajja, għaliex hawn hi milqugħa bħala don prezzjuż ta’ Alla, imsejjaħ biex iwarrad għal dejjem fl-imħabba tal-Missier.
“Inwiegħdek”! Iva, il-ħajja eterna hi wegħda fis-sod u fiż-żgur li jagħmlilna l-Mulej. Diġà kisibhielna bil-mewt tiegħu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu, u jwettaqha kuljum fina permezz tal-grazzja tal-Magħmudija. Tinsab qrib tagħna, imma issa jmiss lilna nilqgħuha b’mod ħieles, naħtfuha, ma nxekkluhiex; imma x-xkiel għall-grazzja u għall-ħajja ta’ dejjem, l-uniku xkiel għal din l-imħabba, huwa d-dnub, l-għeluq fina nfusna, dik iċ-ċaħda ta’ Alla li tagħlaqna fl-istess dlamijiet tagħna! Hawn allura tidħol ir-responsabbiltà personali tagħna, u hija kbira. Alla riedna ħielsa, għax il-libertà hija kundizzjoni tal-imħabba; ma tistax tħobb għax imġiegħel. Din il-libertà li hi mogħtija lilna, irridu nimpenjawha f’“iva” lil Kristu u, bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu, fuq il-passi ta’ Marija; “iva” mġedda bla waqfien, sal-aħħar nifs tagħna: “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna…”, ngħidu fis-Sliema.
Nerġgħu nsibu s-sejħa insistenti għall-konverżjoni fil-kliem li Marija lissnet proprju hawn: “Penitenza! Penitenza! Penitenza!”. Tirripeti l-kelma tliet darbiet… U tistieden lil Bernadette twettaq xi ġesti. Għaliex? Forsi nbatu biex nifhmu? Inħossuna wisq faċilment mingħajr dnub? Ma nagħmluhx biżżejjed? Il-Verġni titlobna nagħmlu penitenza, mhux biss għalina nfusna, li għandna bżonn, imma anki “għall-midinbin”, għal dinja li sejra ħażin. Kif jistgħu qlubna ma jħossuhomx imċaqilqa quddiem il-kunflitti dejjem aktar jixterdu, li qed jeqirdu tant ħajjiet innoċenti? U safrattant il-ħażen li qed jifni l-epoka tagħna ġej mill-qalb tal-bniedem, Alla mhuwiex responsabbli tiegħu: “Forsi l-imġiba tiegħi mhijiex sewwa?”, jgħid lil ulied Iżrael. “Mhux l-imġiba tagħkom li mhijiex sewwa?” (ara Eżek 18:25). Jiġifieri huma l-qlub tal-bnedmin li hemm bżonn li jinbidlu, ibda minn tagħna.
Il-penitenza hi opra mqanqla mill-imħabba fis-solidarjetà mal-ġeneru uman: imħabba għal Alla, li nixtiequ npattu għall-ġerħa f’Qalbu kkawżata minn dnubietna; imħabba għal ħutna kollha li mhumiex jagħtu widen għal din is-sejħa għall-konverżjoni u li l-ħtijiet tagħhom qed ikaxkru lejn il-mewt. Din l-esiġenza ta’ konverżjoni tinvolvi lill-Knisja nfisha fil-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art. Hi għandu jkollha l-kuraġġ li tgħix hi l-ewwel din il-konverżjoni. Biex hi tfiq mill-ġrieħi profondi, mill-infedeltajiet u mit-taħwid ta’ swied il-qalb li twettaq fi ħdanha, jeħtieġ li umilment noqogħdu taħt il-ħarsa purifikatriċi tal-Mulej. Li nagħrfu l-iżbalji tagħna hu indispensabbli biex nikbru spiritwalment, kif kiteb Santu Wistin: “Ħa jisgħobbik dejjem għal dak li int, jekk trid tikseb dak li m’intix” (Sermo 169, 15.18).
Is-sejħa tal-Omm tagħna għad-dover tat-talb u tal-konverżjoni timliena b’tama kbira, għax turina l-mod kif nibdlu x-xejra tal-affarijiet, li mhux għajr dak li ningħaqdu mal-passjoni ta’ Kristu. Għeżież morda li tafu x’inhi t-tbatija, hekk ħafna fil-għadd hawn f’Lourdes, intom għandkom il-possibbiltà li tgħixu t-tbatijiet tagħkom u l-uġigħ tagħkom f’dan l-ispirtu ta’ offerta biex tidħlu f’dik il-mixja feddejja li tagħha d-dinja tant għandha bżonn. F’dan is-sens intom tabilħaqq tinsabu fil-qalba tal-Knisja, u r-rwol tagħkom xejn ma jeħodlu postu.
Pellegrini, ħuti, titilqux minn Lourdes kif ġejtu: itilqu bħala missjunarji tat-tama. Dan huwa l-miraklu ta’ dan il-post: li jqanqal il-ferħ tat-tama proprju fil-qalba tal-prova u tat-tbatija. Il-Verġni Marija tfejjaq il-ħarsiet tagħna u tittrasfigura l-qlub tagħna billi troddilhom il-paċi. Kunu, fil-pajjiżi tagħkom, fid-Djoċesijiet tagħkom u fil-familji tagħkom, xhieda attivi ta’ din il-qawwa u ħlewwa divini, li jippermettulna nibqgħu mexjin ’il quddiem u nilħqu d-destinazzjoni. Imwieżna mit-talb tal-morda u mill-imħabba tal-Omm tagħna, imxu bil-fiduċja lejn il-futur. Tibżgħux mill-maltempati tad-dinja: l-Omm Qaddisa ta’ Alla tindokra l-mixi tagħkom, tgeżwer lill-Knisja fil-kenn tal-mant ħelu tagħha u, bħala Kewkba tiddi ta’ filgħodu, tmexxi l-passi tagħkom biex twellidkom, fil-ferħ, għall-ħajja nfisha ta’ Binha Ġesù.
Amen.
