‘Abide with me, H. F. Lyte, W.H. Monk, traduzzjoni libera ta’ Carmel G. Cauchi.
Dan hu innu sabiħ xieraq għax-xahar ta’ Novembru kif ukoll għal kull żmien ieħor tas-sena.
1. Int biss, Mulej, il-kenn tiegħi u s-sliem;
meta x-xemx tgħib u l-jum jasal fit-tmiem
u wens ma nsib imkien, u f’ħadd u f’xej’,
wennisni int, Mulej, int biss, Mulej.
2. Kull pjaċir jgħib maż-żmien li jtir maħrub,
kull gost jintemm, kull ġmiel fix-xejn idub;
‘mma jekk nittama fik ma jkunx għalxej’,
int ġmiel li ma jintemmx, int biss, Mulej.
3. Kun dejjem qrib, u żommni taħt għajnejk,
weżinni int, erfagħni fuq idejk,
ħarisni minn kull għawġ, ġej minn fejn ġej,
Int tarka f’kull tiġrib, int biss, Mulej.
4. Ma nibża’ qatt minn xejn met’inti qrib,
saħħa fil-mard, fin-niket ferħ insib;
la nibża’ mqar mill-mewt m’għandi għalfej’
għax int irbaħt il-mewt, int biss, Mulej.
5. Ħalli s-Salib, li fuqu ħrigt rebbieħ,
fil-ħin tal-mewt f’għajnejja jleħħ sabiħ
sabiex narak fis-sebħ, Ġesu’ Feddej,
w għal dejjem sidi tkun, int biss, Mulej.
