Minn Dun Pawl Sciberras
Skont il-Bibbja, iż-żmien beda mal-ħolqien. Qabel il-ħolqien la kien hawn spazju u lanqas żmien. Kien hemm Alla biss, li ħalaq is-sema u l-art. Kontra dak li kienu jaħsbu l-popli ġirien ta’ Iżrael bħal dawk tal-Mesopotamja, li kienu jemmnu fil-kaos primittiv li ġie mix-xejn u li minnu ħareġ kollox, allat u bnedmin, ir-rivelazzjoni biblika tgħallem li minn Alla ġej kollox u li hu mhu ġej minn ħadd. Hu jgħix fih innifsu, minn dejjem u jibqa’ għal dejjem, la għandu bidu u lanqas tmiem. Hu El-għolam, “Alla ta’ dejjem’’ (Ġen 21,33); “minn dejjem ta’ dejjem” (Salm 90, 2-4; 102,12-13; 26-28); hu l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t- tmiem, l-Alfa u l-Omega (Is 41,2; Apok 1,8; Rum 16,26). Dan tgħallimna l-Bibbja fuq 1-eternita ta’ Alla. Għalhekk il-Bibbja tibda bil-kliem: “Fil-bidu Alla ħalaq . . .” (Ġen 1,1). Jiġifieri, fil-bidu taż-żmien, għax hu kien qabel iż-żmien u ta l-bidu liż-żmien (Ġen 2,5). Il-Grieg juża l-kelma krόnos għaż-żmien tal-jiem, il-ġimgħat u s-snin.
aktar