129. Il-Knejjes Lokali għandhom Xogħol Missjunarju

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 14/06/1995.

1. Il-Knisja twaqqfet minn Ġesù Kristu bħala unika u universali: żewġ dimensjonijiet li, bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti, jissejsu fl-istess rieda ta’ Ġesù Kristu.

U madankollu l-Atti u l-Ittri tal-Appostli jiċċertifikaw li fl-isfera tal-Knisja waħda u universali iffurmaw ruħhom, bl-opra tal-Appostli u tal-kollaboraturi tagħhom, u wara tas-suċċessuri tagħhom, il-Knejjes lokali. B’dan turi ruħha distinzjoni bejn il-Knisja “universali” afdatha lill-Appostli taħt il-gwida ta’ Pietru, u l-Knejjes “lokali”, b’Rgħajja propji. Infakkru dik ta’ Ġerusalem, li għaliha kienu responsabbli xi presbiteri (At 11, 30) ma’ Ġakbu (At 12, 17; 21, 18); dik ta’ Antijokja, bi profeti u dutturi (At 13,1); u dawk il-komunitajiet l-oħra li fihom Pawlu u Barnaba jaħtru xi “presbiteri” (At 14, 23; 20, 17) jew “isqfijiet” (At 20, 28).

2. L-istrutturazzjoni tal-Knisja unika f’varjetà pluriformi ta’ Knejjes lokali. Waqt li twieġeb għall-istituzzjoni ta’ Kristu, hija wkoll konformi mal-liġi soċjoloġika u psikoloġinka tal-lokalizzazzjoni u mal-konvivenza f’komunitajiet lokali li fihom l-irbit jibqà qawwi u fruttuż. Fuq il-pjan reliġjuż u nisrani l-eżistenza tal-Knejjes lokali hija essenzjali fil-ħajja tal-Knisja universali. Id-dixxipli ta’ Kristu għandhom bżonn komunitajiet li fihom jistgħu jgħixu l-Vanġelu, identiku għal kulħadd, b’mod konformi għall-kultura partikolari.

Il-Konċilju Vatikan II ifakkar li ż-żewġ dimensjonijiet tal-Knisja ma jikkontrastawx, imma li l-Knisja universali tikkonsisti fil-Knejjes lokali, waqt li dawn jattwaw l-universaliżmu tal-Knisja kattolika fil-ħajja tagħhom ta’ komunitajiet partikolari. “Fil-komunjoni ekkleżjali – tiddikjara l-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja – hemm b’mod leġittimu l-Knejjes partikolari, bi tradizzjonijiet propji, waqt li iżda jibqà integru l-primat tal-Katedra ta’ Pietru, li tippresiedi l-komunjoni universali tal-karità” (Lumen Gentium, 13).

3. Mill-ġdid tielet prinċipju jirregola l-missjoni tal-Knejjes lokali fl-isfera tal-Knisja universali: dak tal-inkulturazzjoni tal-Bxara t-Tajba. L-evanġelizzazzjoni sseħħ mhux biss bl-addattament tal-espressjonijiet kulturali tal-popli differenti, imma wkoll permezz ta’ inseriment vitali tal-Vanġelu fil-ħsieb, fil-valri, fid-drawwiet, fit-talb tagħhom, grazzi għat-tiftix u għar-rispett tar-ruħ tal-verità li, ftit jew wisq b’mod ovvju, jinsab hemm. Dan huwa l-kunċett espost fir- Redemptoris Missio (cf. n. 52), f’armonija mad-dokumenti preċedenti tal-maġisteru papali u tal-Konċilju, waqt li jsegwu l-loġika tal-Inkarnazzjoni.

Mudell ta’ kull evanġelizzazzjoni tal-kultura huwa l-Inkarnazzjoni. Ġesù Kristu, Verb Inkarnat, ġie fid-dinja biex jifdi l-umanità kollha u jkun “il-Mulej ta’ kulħadd”” (At 10, 36). U bdanakollu inserixxa ruħu u għex fit-tradizzjoni reliġjuża ta’ Iżrael (cf. Lq 2, 22-24. 39. 41; Mt 4, 23; 17, 27), waqt li wettaqha skont modalità ġdida tal-Patt inawgurat minnu bl-għelbien ta’ xi elementi tal-Liġi l-qadima, bħal ma jiddikjaraw il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid (cf. Mt 5, 17-20; 15, 1-6; Rm 8, 1-4; Gal 4, 4). Imma Ġesù jaħseb u jitkellem ukoll dwar in- “nagħaġ l-oħra” li Hu, bħala r-Ragħaj uniku, irid imexxi lejn il-mergħa unika (cf. Ġw 10, 6). U San Pawl, imsejjaħ minn Kristu biex ikun “appostlu tal-pagani” (Rm 11, 13; cf. Rm 1, 5), ippreskriva għall-insara l-ġodda “fil-Knejjes kollha” biex jibqgħu fil kondizzjoni li fiha kienu jinsabu fil-waqt tal-konverżjoni tagħhom (cf. 1 Kor 7, 17. 20. 24), jiġifieri, ma kellhomx jaddattaw l-kostumi kulturali tal-Lhud, imma kellhom iżommu ruħhom fil-kultura propja u jgħixu fiha l-fidi nisranija tagħhom.

4. Hekk tispjega ruħha u tiġġustifika ruħha l-assunzjoni min-naħa tal-kristjaneżmu, għal dak imħejji mill-ispiritwalità tat-Testment il-Qadim, tal-kontribuzzjonijiet tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet reliġjużi tal-Pagani wkoll, li kienu jappartienu lill-ġnus jew nazzjonijiet barranin għal Iżrael, fil-kultura u fiċ-ċiviltà nisranija. Il-messaġġ evanġeliku, fl-essenza tiegħu tar-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħajja u t-tagħlim ta’ Kristu, jiġi ppreżentat lil diversi kulturi, waqt li jiffavorixxi l-iżvilupp taż-żrieragħ, tax-xewqat, tal-istennijiet, – kważi jkolli ngħid, tal-premonizzjonijiet  tal-valuri evanġeliċi – diġa mferrxa fihom. Hekk tistà sseħħ bidla li m’għandhiex bħala riżultat it-telf tal-identità kulturali tal-popli. Anzi propju għaliex dan huwa messaġġ ta’ oriġni divina, iħabrek biex jivvalorizza l-kultura lokali, waqt li jistimolaha u jgħinha biex tipproduċi frott ġdid fil-livell l-iktar għoli li jwassal għall-preżenza ta’ Kristu bil-grazzja tal-Ispirtu Santu u d-dawl tal-Vanġelu.

5. Effettivament din hija intrapriża diffiċli u “proċess diffiċli, għaliex – kif naqraw fl-Enċiklika Redemptoris Missio – m’għandha bl-ebda mod tikkomprometti l-ispeċifiċità u l-integralità tal-fidi nisranija” (n. 52). Qatt mhu se jkun ammissibbli li nirrinunzjaw għal parti mid-dutrina nisranija għaliex il-verità proposta tistà tkun assimilata b’mod iktar faċli. Qatt ma nistgħu niggarantixxu drawwiet f’kuntrast mad-deċiżjonijiet tal-Vanġelu.

Ikun żball li nippruvaw armonizzazzjoni li tintroduċi fid-dutrina ta’ Kristu xi elementi barranin, ġejjin minn reliġjonijiet oħra. Dan ikun sempliċement sinkretiżmu reliġjuż, soluzzjoni inaċċettabbli. Hemm bżonn iżda trasformazzjoni tassew għolja u, meta sseħħ, restorattiva tal-kulturi li jirċievu r-rivelazzjoni nisranija u jridu jitrejqu bil-kontenut vitali tagħha.

Fuq din it-triq jistgħu jipproduċu ruħhom xi espressjonijiet oriġinali tad-dutrina nisranija u tal-esperjenzi tal-ħajja, li l-varjetà tagħhom hija għana għall-Knisja universali. Grazzi għall-inkulturazzjoni fil-Knejjes lokali, “l-istess Knisja universali tistagħna b’espressjonijiet u valuri fis-setturi differenti tal-ħajja nisranija, bħal ngħidu aħna l-evanġelizzazzjoni, il-kult, it-tejoloġija, il-karità; tagħraf u tesprimi ferm aħjar il-misteru ta’ Kristu, waqt li tiġi stimolata għal tiġdid kontinwu” (Redemptoris Missio, 52). Mifhuma u attwata b’mod rett, l-inkulturazzjoni tesprimi aħjar is-sens tal-universaliżmu tal-Knisja, li jassumi u jassimila l-manifestazzjonijiet kulturali kollha, bħal ma tilqà u tinkorpra r-realtajiet umani kollha, biex tissagrifikahom u tittrasformahom skont il-proġett ta’ Alla.

Fil-Knejjes partikolari li jitnisslu u jiżviluppaw ruħhom fit-territorji tal-evanġelizzazzjoni, din l-opra tistà u għandha tkun imwettqa bħala impenn missjunarju validu u fruttuż. Il-kriterju li lkoll għandhom isegwu huwa li f’kull kultura jistgħu jsibu u jiddixxernaw valuri awtentiċi, imma fl-ebda waħda mhemm il-verità assoluta linqas regola ta’ ħajja u ta’ talb infallibbli.

Hemm bżonn mela li nagħrfu tali valuri, bħal ma diġa fl-ewwel sekli għamlu s-Santi Padri bil-kultura Griega u Latina u mbagħad bil-mod il-mod ma’ dawk tal-popli evanġelizzati. Illum ukoll il-Knejjes lokali, fil-promozzjoni tal-laqgħa bejn il-Vanġelu u l-kulturi, huma msejħa biex jeżerċitaw il-vokazzjoni missjunarja tagħhom biex iwettqu l-għaqda u l-universalità tal-Familja ta’ Alla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading