Omelija tal-Papa Pawlu VI f’Manila

PELLEGRINAĠĠ APPOSTOLIKU
TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI
FL-ASJA ORJENTALI, L-OĊEANJA U L-AWSTRALJA
ORDINAZZJONI MQADDSA TA’ MINISTRI ĠODDA TA’ ALLA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI
«Luneta Park», Manila
Is-Sibt 28 ta’ Novembru 1970

Aħna se ngħidu biss ftit kliem, għax iċ-ċerimonja hija diġà twila biżżejjed u titkellem waħedha; barra minn hekk, intom diġà infurmati tajjeb dwar is-sagrament li se tirċievu.

M’hu se nagħmlu xejn iżjed ħlief nirrakkomandawlkom li timmeditaw fuq l-ordinazzjoni tagħkom tul ħajjitkom kollha.

Illum jinfetaħ għalikom suġġett ta’ ħsieb, ta’ talb u ta’ azzjoni li dejjem għandkom tiftakru, teżaminaw, tesploraw u tippruvaw tifhmu. Dan għandu jkun imnaqqax fil-kuxjenza tagħkom, kif il-karattru sagramentali diġà hu mnaqqax fikom bħala bnedmin u bħala Nsara. Aħsbu ftit! Illum sirtu saċerdoti! Ippruvaw agħtu definizzjoni tagħkom infuskom u taraw li diffiċli ssibu l-kliem; ir-realtà li wieħed jipprova jesprimi hija saħansitra aktar diffiċli u misterjuża. Dak li seħħ fikom tassew jimla lill-bniedem bi stagħġib: «Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?» (Salm 115:12), jista’ jgħid kull wieħed minnkom hekk kif iħossu mlibbes bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Intom issiru għalkom infuskom xi ħaġa ta’ stagħġib u ta’ qima. Qatt tinsew dan. Għalkemm id-dinja ma tagħrafx dan, u għalkemm ħafna jippruvaw ineżżgħu lis-saċerdot minn din il-personalità tiegħu, is-“sagralità” tagħkom għandha tibqa’ dejjem preżenti fil-ħsibijiet u fl-imġiba tagħkom. Din toħroġ minn preżenza ġdida u kwalifikata tal-Ispirtu s-Santu f’ruħkom; jekk tibqgħu għassiesa fl-imħabba, tagħmlu esperjenza tagħha wkoll ġewwa fikom (ara Ġw. 14:17; 14:22-23). Qatt tiddubitaw mill-identità saċerdotali tagħkom; pjuttost fittxu li tifhmuha.

Tistgħu tifhmu xi ħaġa mis-saċerdozju tagħkom billi tippruvaw tifhmu żewġ tipi ta’ relazzjonijiet li dan joħloq. L-ewwel wieħed jirrigwarda r-relazzjoni ma’ Kristu li ħadtu permezz tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħkom. Tafu li fit-Testment il-Ġdid wieħed huwa s-saċerdozju veru, dak ta’ Ġesù Kristu, il-medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin (1 Tim 2:5). Iżda bis-saħħa tas-Sagrament tal-Ordni, intom ingħatajtu sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu, hekk li mhux biss tirrappreżentaw lil Kristu, mhux biss teżerċitaw il-ministeru tiegħu, imma tgħixu lil Kristu. Kristu jgħix fikom. Safejn intom marbutin miegħu b’mod hekk għoli u hekk mimli parteċipazzjoni fil-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni, tistgħu tgħidu, kif qal San Pawl dwaru nnifsu: «Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda Kristu jgħix fija» (Gal 2:20). Dan jiftaħ għas-saċerdot spiritwalità kbira, l-ogħla triq miftuħa għall-bniedem, triq li tasal sal-qċaċet tal-ħajja axxetika u mistika. Jekk xi darba tħossukom waħedkom, jekk xi darba tħossu li intom bnedmin dgħajfa u tad-dinja, jekk xi darba tkunu ttentati tabbandunaw l-impenn sagru tas-saċerdozju tagħkom, ftakru li intom «permezz tiegħu, miegħu u fih»; kull wieħed minnkom hu «Kristu ieħor».

It-tieni tip ta’ relazzjonijiet li minn issa ’l quddiem jorbotkom mal-Knisja huma dawk mal-isqof, mal-Poplu ta’ Alla, mal-persuni mad-dinja. Is-saċerdot m’għadux iktar għalih innifsu; hu għall-ministeru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. Hu qaddej, strument tal-Kelma u tal-grazzja. It-tħabbira tal-Evanġelju, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-maħfra tad-dnubiet, l-eżerċizzju tal-ħidma pastorali, il-ħajja tal-fidi u tal-qima, u t-tixrid tal-karità u tal-qdusija huma dmir tiegħu — dmir li jasal sas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, sas-salib, kif kien għal Ġesù. Hu piż tqil ħafna. Imma Ġesù jġorru mal-magħżul tiegħu u jagħtih li jħoss il-verità ta’ kliemu: «Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif» (Mt 11:30). Għax, kif jgħallimna Santu Wistin, «il-piż tiegħi huwa mħabbti» (Conf. 13:9). Meta l-imħabba ta’ Kristu ssir il-prinċipju suprem u waħdieni tal-ħajja tas-saċerdot, kollox isir faċli, kollox possibbli, kollox hieni.

Nixtiequ li l-għarfien li intom ġejtu imsejħin bħala rgħajja biex taqdu lill-proxxmu tagħkom qatt ma jintefa ġewwa fikom; nixtiequ li jagħmilkom dejjem sensittivi għall-mard, għall-ħtiġijiet u għat-tbatijiet li jdawru l-ħajja tas-saċerdot. Il-klassijiet soċjali kollha donnhom jtawwlu jdejhom lejh u jitolbuh li jifimhom, iħoss għalihom u jgħinhom; it-tfal, iż-żgħażagħ, il-foqra, il-morda, dawk li għandhom il-ġuħ għall-ħobż u għall-ġustizzja, l-imnikktin, il-midinbin — ilkoll għandhom bżonn l-għajnuna tas-saċerdot. Qatt tgħidu li ħajjitkom hi irrilevanti jew bla siwi. «Min hu dgħajjef», jgħid San Pawl, «u jien miniex dgħajjef miegħu?» (2 Kor 11:29). Jekk ikollkom din is-sensittività għall-ħtiġijiet fiżiċi, morali u soċjali tal-bniedem, issibu wkoll fikom sensittività oħra: dik lejn il-ġid potenzjali li dejjem jinsab f’kull bniedem; għas- aċerdot, kull ħajja hi denja tal-imħabba. Din is-sensittività doppja lejn il-ħażen u lejn it-tajjeb fil-bniedem hija t-taħbit tal-qalb ta’ Kristu fil-qalb tas-saċerdot fidil. Dan it-taħbit huwa xi ħaġa mirakoluża — miraklu psikoloġiku, morali u, jekk tridu, mistiku, filwaqt li jibqa’ wkoll wieħed profondament soċjali. Hu miraklu tal-karità fil-qalb tas-saċerdot.

Intom se tagħmlu esperjenza tiegħu. Din hija x-xewqa Tagħna għalikom fil-jum tal-ordinazzjoni tagħkom għas-saċerdozju.

N.B. Hemm parti żgħira oħra mill-omelija fl-aħħar li mhix inkluża.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading