Il-Papa f’Santa Marta: Il-paċi m’għandhiex prezz

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 4 ta’ April 2013: Il-paċi la tinxtara u lanqas tinbiegħ: hija rigal ta’ Alla. U hemm bżonn li nitolbuhielu. Dan fakkar il-Papa Franġisku nhar il-Ħamis filgħodu, 4 ta’ April 2013, waqt li tkellem fuq l-istagħġib manifestat mid-dixxipli ta’ Emmaws quddiem il-mirakli ta’ Ġesù. L-okkażjoni kienet il-kumment tas-silta evanġelika ta’ Luqa (24, 35-48), ipproklamata fil-liturġija tas-solita quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, fil-preżenza ta’ dipendenti Vatikani, li dalgħodu kienu madwar ħamsin responsabbli u operaturi tat-Tipografija Vatikana.

Il-Papa qal li d-dixxipli, li kienu għadhom kemm raw il-fejqan taz-zopp u issa jaraw lil Ġesù, jinsabu ftit jew wisq mitlufin.  Mhux għaliex morda b’moħħhom: iżda mitlufin minħabba l-istagħġib. Imma x’inhuwa dan l-istagħġib? Il-Qdusija Tiegħu qal li dan l-istagħġib huwa xi ħaġa li toħroġna ftit jew wisq barra minna nfusna bil-ferħ.  Il-Papa rrimarka li dan huwa kbir; huwa ferm kbir. Mhuwiex sempliċement entużjażmu.  Ukoll is-sapporters fil-grawnd ikunu entużjasti meta t-tim tagħhom jirbaħ, le? Le, mhuwiex entużjażmu, huwa xi ħaġa iktar profonda: huwa l-istagħġib li jaħkimna meta niltaqgħu ma’ Ġesù.

Dan l-istagħġib, spjega l-Papa, huwa l-bidu tal-istat abitwali tan-Nisrani.  Huwa sostna li, bla dubju, ma nistgħux ngħixu l-ħin kollu fl-istagħġib, imma din il-kundizzjoni hija l-bidu li jippermetti li jħalli timbru fir-ruħ, u l-konsolazzjoni spiritwali. Infatti, l-istat tan-Nisrani għandu jkun il-konsolazzjoni spiritwali minkejja l-problemi, id-duluri u l-mard. L-aħħar tarġa tal-konsolazzjoni, qal il-Papa, hija l-paċi.  Iva, tibda bl-istagħġib, u t-ton minuri ta’ dan l-istagħġib, ta’ din il-konsolazzjoni, huwa l-paċi. In-Nisrani, ukoll fil-provi l-iktar dolorużi, qatt ma jitlef  il-paċi u l-preżenza ta’ Ġesù u, b’naqra kuraġġ, nistgħu ngħidu lill-Mulej: ‘Mulej, tini din il-grazzja li hija t-timbru tal-laqgħa miegħek.’

U fuq kollox, saħaq Franġisku, qatt ma għandna nitilfu l-paċi. Inħarsu lejn il-Mulej, li bata tant fuq is-salib, imma ma tilifx il-paċi. Il-paċi, din mhix tagħna: la tinbiegħ u lanqas tinxtara. Hija rigal ta’ Alla li rridu nitolbu. Il-paċi hija bħall-aħħar tarġa ta’ din il-konsolazzjoni spiritwali li tibda bl-istagħġib tal-ferħ. Minħabba dan m’għandniex inħallu lilna nfusna niġu ingannati mill-fantasiji tagħna u tant oħrajn li jwassluna biex nemmnu li dawn il-fantasiji huma r-realtà. Infatti, huwa ferm iktar nisrani li temmen li r-realtà ma tistax tkun tant sabiħa.

Il-Papa temm billi talab il-grazzja tal-konsolazzjoni spiritwali u tal-paċi, li tibda b’dan l-istagħġib ta’ ferħ fil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: