Il-Papa f’Santa Marta: Rinnovament bla biża’

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 6 ta’ Lulju 2013: Stedina biex inħallu lilna nfusna niġġeddu mill-Ispirtu s-Santu, biex ma nibżgħux mill-ġdid, biex ma nibżgħux mir-rinnovament fil-ħajja tal-Knisja, kienet espressa mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, is-Sibt 6 ta’ Lulju 2013, fid-Domus Sanctæ Marthæ, l-aħħar waħda qabel il-pawsa tas-sajf, iċċelebrata fil-preżenza ta’ gruppi partikolari u fuq kollox ta’ dipendenti vatikani.

Waqt li kkummenta l-Evanġelju tal-jum (Mattew 9, 14-17), il-Papa poġġa l-aċċent fuq l-ispirtu innovattiv li kien janima lil Ġesù. Per eżempju, huwa nnota li Ġesù kien jgħid li l-liġi tippermetti li tobgħod lill-għadu: ‘Obgħod lill-għadu; imma jiena ngħidilkom itolbu għall-għadu, la tobogħduhx.’ Preċett li kien japplika wkoll quddiem ħwejjeġ li kienu jidhru ftit li xejn ġusti. Per eżempju, kif irrakkontat fis-silta evanġelika, il-kwistjoni tas-sawm. Ġesù, spjega l-Papa, kien iħeġġeġ għas-sawm, imma b’ċerta libertà. Infatti diversi dixxipli ta’ Ġwanni kienu għamlulu din il-mistoqsija: ‘Għaliex aħna nsumu u d-dixxipli tiegħek dan ma jagħmluhx?’ Il-fatt hu li b’Ġesù d-duttrina tal-liġi tiġi mogħnija, tiġġedded. Ġesù jġedded l-affarijiet kollha, iġedded l-affarijiet. Mill-bqija huwa l-istess Ġesù li jgħid: ‘Jiena nġedded l-affarijiet kollha.’ Bħallikieku kienet il-vokazzjoni tiegħu li jġedded kollox. U dan huwa r-renju ta’ Alla li Ġesù jipprietka. Huwa rinnovament, tassew rinnovament. U dan ir-rinnovament huwa l-ewwel u qabel kollox ġewwa qalbna.

Lil min jaħseb li l-ħajja tan-Nisrani tikkonsisti biss f’sensiela ta’ sodisfazzjonijiet, il-Papa Franġisku fakkar li li tkun Nisrani jfisser li tħalli lilek innifsek tiġġedded minn Ġesù f’ħajja ġdida. Biex tkun Nisrani tajjeb, speċifika, mhux biżżejjed li tgħid: ‘Il-Ħdud kollha mill-ħdax sa nofsinhar immur għall-quddies, u nagħmel dan u dan,’ bħallikieku kienet xi kollezzjoni. Il-ħajja nisranija mhix xi muntaġġ ta’ affarijiet. Hija totalità armonjuża, opra tal-Ispirtu s-Santu. Iġedded kollox. Iġedded qalbna, ħajjitna u jġibna ngħixu bi stil differenti, totalizzanti. Ma tistax tkun Nisrani tal-biċċiet,  parttime, qal il-Papa. Li nkunu Nsara parttime mhux sewwa; hemm bżonn li nkunu fit-totalità u l-ħin kollu.

Li tkun Nisrani ma jfissirx tagħmel affarijiet, irrepeta l-isqof ta’ Ruma. Ifisser li nħallu li niġġeddu mill-Ispirtu s-Santu. Hekk hu.  Jew biex nużaw il-kliem ta’ Ġesù, ifisser li nsiru nbid ġdid. In-novità tal-Evanġelju hija novità fl-istess liġi inerenti fl-istorja tal-fidwa. U din hija novità li tmur lil hemm mill-persuni tagħna u ġġedded l-istrutturi. Għal dan Ġesù jgħid li għall-inbid il-ġdid huma meħtieġa damiġġjani ġodda. Fil-ħajja nisranija, kif ukoll fil-ħajja tal-Knisja, hemm strutturi fraġli. Hemm bżonn li nirrinovawhom. Il-Knisja dejjem kienet attenta għad-djalogu mal-kulturi u tfittex li ġgedded lilha nfisha biex twieġeb għad-diversi eżiġenzi ddettati mill-postijiet, miż-żminijiet u mill-persuni. Dan huwa xogħol li l-Knisja dejjem għamlet, sa mill-ewwel waqt. Niftakru fl-ewwel ġlieda teoloġika: biex issir Nisrani huwa neċessarju li twettaq il-prattiċi kollha Lhud, jew le?

Le, qalu li le. Ukoll il-ġentili, spjega l-Papa, jistgħu jidħlu fil-Knisja u jirċievu l-Magħmudija. Huwa żied li l-Knisja dejjem hekk imxiet ’il quddiem, billi ħalliet li jkun l-Ispirtu s-Santu li jirrinova l-istrutturi. U għallmet biex ma nibżgħux min-novità tal-Evanġelju li l-Ispirtu s-Santu jagħmel fina, ma nibżgħux mir-rinnovament tal-istrutturi. Il-Knisja hija libera; imexxiha ’l quddiem l-Ispirtu Santu. Huwa dan li Ġesù llum jgħallimna fl-Evanġelju: il-libertà meħtieġa biex dejjem insibu n-novità tal-Evanġelju f’ħajjitna kif ukoll fl-istrutturi. Għandna l-libertà li nagħżlu damiġġjani ġodda għal din in-novità. In-Nisrani huwa raġel jew mara liberi, b’dik il-libertà ta’ Ġesù Kristu. Mhuwiex ilsir ta’ drawwiet, ta’ strutturi.  Dak li dejjem iressaq dawn in-novità, kompla l-Papa, huwa minn dejjem l-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa mbagħad fakkar fil-jum tal-Pentekoste, waqt li saħaq dwar il-preżenza ta’ Marija maġenb l-appostli. Fejn hemm l-omm, l-ulied jinsabu sikuri.  U, waqt li ġab fi tmiemha l-omelija, l-Isqof ta’ Ruma stieden biex tintalab il-grazzja li ma nibżgħux min-novità tal-Evanġelju, biex ma nibżgħux mir-rinnovament li jagħmel l-Ispirtu s-Santu, biex ma nibżgħux inħallu jiġġarrfu l-istrutturi fraġli li jżommuna kalzrati. U, jekk nibżgħu, nagħrfu li magħna hemm l-omm. Bħal ma jagħmlu l-ulied li jfittxu kenn f’dirgħajn l-omm, hekk, meta ninħakmu minn xi ftit biża’, immorru għandha. U hi, bħal ma tgħid l-iktar antifona antika, tgħattina bil-mant tagħha, bil-protezzjoni tagħha ta’ Omm.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: