Il-Papa f’Santa Marta: Ħniena, festa u tifkira

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju 2013: Inħallu lilna nfusna niġu mgħassa mill-ħniena ta’ Ġesù; nagħmlu festa miegħu; inżommu ħajja t-tifkira tal-waqt li fih f’ħajjitna ltqajna mal-fidwa. Din hija l-istedina trippla li ħarġet mir-riflessjoni tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Fost il-konċelebranti kien hemm il-Kardinal Jorge Liberato Urosa Savino, Arċisqof  ta’ Caracas, preżenza li l-Papa ried jenfasizza fil-bidu tar-rit, waqt li fakkar li llum taħbat il-festa nazzjonali tal-Venezuela.

Waqt l-omelija l-Papa kkummenta dwar is-silta tal-Evanġelju ta’ Mattew (9, 9-13) li fiha l-awtur jitkellem dwar il-proprja konverżjoni: il-ġabbar tat-taxxi li Ġesù jsejjaħ biex ikun parti mit-tnax. Il-Papa spjega li l-messaġġ li Ġesù jrid jagħti huwa meħud mit-tradizzjoni tal-poplu ta’ Iżrael. Messaġġ profetiku, imma li l-poplu dejjem kellu diffikultà biex jifhmu: ‘ħniena rrid u mhux sagrifiċċji’. Infatti dan Alla tagħna huwa Alla tal-ħniena. Dan jidher ċar fil-biċċa ta’ Mattew, spjega l-Papa Franġisku, li mhix parabbola imma hija fatt storiku.  Dan seħħ.

Il-Papa Franġisku  rrijevoka l-immaġni ta’ Ġesù li jgħaddi fost dawk li jirċievu l-flus tat-taxxi u mbagħad kienu jeħduhom lir-Rumani.  Huwa ġibed l-attenzjoni li dawn kienu kkunsidrati bħala rġiel ftit li xejn rakkomandabbli, għaliex kienu midinbin doppji: imwaħħlin mal-flus u wkoll tradituri ta’ pajjiżhom.  Fosthom kien hemm Mattew, ‘ir-raġel bilqiegħda mal-bank tat-taxxi’. Ġesù jħares lejh u dik il-ħarsa ġġiegħlu jsib ġewwa fih xi ħaġa ġdida, xi ħaġa li ma kienx jafha. Il-ħarsa ta’ Ġesù, spjega l-Qdusija Tiegħu, iġġiegħlu jħoss stagħġib intern; iġġiegħlu jisma’ l-istedina ta’ Ġesù:  ‘Imxi warajja.’ U f’dak l-istess waqt Mattew jimtela bil-ferħ. Insomma, ikkummenta l-Papa waqt li rrijevoka pittura famuża tal-Caravaggio, għal Mattew kien biżżejjed mument biss biex jifhem li dik il-ħarsa kienet bidlitlu ħajtu għal dejjem. F’dak il-waqt preċiż, Mattew jgħid ‘iva’; iħalli kollox u jmur mal-Mulej. Huwa l-waqt tal-ħniena riċevuta u aċċettata: ‘ġej miegħek’.

Wara l-ewwel mument tal-laqgħa, li tikkonsisti f’esperjenza spiritwali profonda, isegwi ieħor: dak tal-festa. Il-Papa Franġisku kkummenta li, infatti, ir-rakkont evanġeliku jkompli bid-deskrizzjoni ta’ Ġesù bilqiegħda mal-mejda, flimkien ma’ pubblikani u midinbin, għal festa ma’ dawk kollha li ma kinux preċiżament il-krema tas-soċjetà. Imma din, għall-Papa, hija l-kontradizzjoni tal-festa ta’ Alla: il-Mulej jagħmel festa flimkien mal-midinbin, waqt li rarament jagħmilha mal-ġusti. Għal dan il-għan il-Papa fakkar il-kapitlu 15 tal-Evanġelju ta’ Luqa fejn jgħid b’mod l-iktar ċar li jkun hemm iktar festa fis-sema għal midneb ikkonvertit, milli għal disgħa u disgħin ġust li ma jkollhomx bżonn konverżjoni. U iktar ’il quddiem, fl-istess kapitlu, jirrakkonta dwar dak il-missier li jagħmel festa għar-ritorn ta’ ibnu midneb. Hekk hu allura li, għall-Papa Franġisku, il-festa hija tassew importanti, għaliex tiffesteġġja l-laqgħa ma’ Ġesù, il-ħniena ta’ Alla.  Huwa jħares bil-ħniena, ibiddel il-ħajja u jagħmel festa.

Imma l-ħajja mhix kollha kemm hi festa. Dan jafu sewwa l-Papa Bergoglio li, kif stqarr waqt iċ-ċelebrazzjoni, tul l-esperjenza pastorali tiegħu ta’ saċerdot u ta’ isqof  spiss sab lilu nnifsu jitlob: ‘Missier, wara dawn iż-żewġ waqtiet, l-istagħġib tal-laqgħa u l-festa, il-ħajja kollha tkun festa?’ It-tweġiba, qal il-Papa, hija ‘le’ għaliex il-festa hija li tibda triq ġdida, imma mbagħad irid ikun hemm ix-xogħol ta’ kuljum li jrid ifornixxi bit-tifkira ta’ dik l-ewwel laqgħa. Proprju bħal ma seħħ fil-ħajja ta’ Mattew, li dan ix-xogħol kien għamlu billi mar jipprietka l-Evanġelju. F’dan il-każ, ippuntwalizza l-Papa, m’għandux x’jaqsam mument; għandu x’jaqsam żmien li jibqa’ jinfirex sa tmiem il-ħajja.

Imma, staqsa l-Papa, minn xiex irridu nagħmlu tifkira? Proprju ta’ dawk il-fatti, ta’dik il-laqgħa ma’ Ġesù li bidlitli ħajti, li kellu ħniena, li kien hekk twajjeb miegħi – kienet it-tweġiba – li qalli wkoll: ‘Stieden lil ħbiebek midinbin sabiex nagħmlu festa.’ Infatti t-tifkira ta’ dik il-ħniena u ta’ dik il-festa tagħti qawwa lil Mattew u lil dawk kollha li ddeċidew li jsegwu lil Kristu biex ikomplu javvanzaw. Dan, żied il-Papa, hemm bżonn li niftakruh dejjem, bħal meta nonfħu fuq il-ħatab biex inżommu n-nar ħaj.

Waqt li għaqqad il-fil tad-diskors tiegħu, il-Qdusija Tiegħu individwa żewġ waqtiet  u żmien: il-waqt tal-laqgħa, fejn Mattew isib ruħu b’Ġesù jħares lejh b’dik il-ħarsa ta’ ħniena, u l-waqt tal-festa, sabiex jibda l-mixja; u ż-żmien tat-tifkira, it-tifkira ta’ dawk il-fatti. Ukoll għaliex il-predikazzjoni ta’ Kristu kienet mixja tul it-toroq, ifittex il-foqra, il-morda, biex jagħmel festa magħhom. Festa li ried jestendi wkoll għall-midinbin, waqt li ġibed fuqu kritika numeruża. Imma t-tweġiba tiegħu nafuha: ‘Morru biex titgħallmu x’ried jgħid meta qal: ‘Ħniena jien irrid u mhux sagrifiċċji.’ Jiena ma ġejtx biex insejjaħ lill-ġusti, imma lill-midinbin.’  Donnu ried jgħid, ikkonkluda l-Papa Franġisku, li dak li jidhirlu li hu ġust, isajjar lilu nnifsu fil-brodu tiegħu stess. Huwa ġie għalina, midinbin.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: