Il-Papa f’Santa Marta: L-ilma li jiġri fil-Knisja

Is-Sibt, 9 ta’ Novembru 2013: Hemm bżonn li nitolbu sabiex il-Knisja tkun tista’ dejjem tħalli jissawwab l-ilma tal-grazzja, tkun dejjem imwaqqfa fuq Kristu u tibqa’ fidila lejH, u li l-membri tagħha jħallu lilhom infushom jiġu kkonvertiti minn Ġesù kuljum. Dan irrakkomandah il-Papa Franġisku lill-fidili li ħadu sehem fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, is-Sibt 9 ta’ Novembru 2013.

Il-Papa ġibed l-attenzjoni fuq is-sinifikat tat-tifkira liturġika tad-dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran, il-katidral ta’ Ruma li għandu t-titolu ta’ ‘Omm il-knejjes kollha tal-belt u tad-dinja’. Din, huwa qal, hija l-festa tal-belt ta’ Ruma, tal-Knisja ta’ Ruma, tal-Knisja universali. Imbagħad, mill-qari silet tliet ikoni li jitkellmu dwar il-Knisja: mill-ewwel qari (Eżekjel 47, 1-2, 8-9, 12) u mis-Salm 45, id-dehra tax-xmara ta’ ilma li jbaqbaq mit-tempju u li jforni l-belt ta’ Alla, figura tal-grazzja li ssostni u titma’ l-ħajja tal-Knisja; mit-tieni qari (Korintin 3, 9-11, 16-17), l-ikona tal-blata li hija Ġesù Kristu, il-pedament li fuqu hija mibnija l-Knisja; mill-Evanġelju tal-purifikazzjoni tat-Tempju (Ġwanni 2, 13-22), l-ikona tar-riforma tal-Knisja: Ecclesia semper reformanda. Il-Knisja dejjem tinħtieg li tiġġedded għaliex il-membri tagħha huma midinbin u għandhom bżonn il-konverżjoni.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb