Il-Papa f’Santa Marta: Midinbin iva, korrotti le

It-Tnejn, 11 ta’ Novembru 2013: Midinbin iva, korrotti le. Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tnejn 11 ta’ Novembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, reġa’ lura biex jitkellem dwar il-korruzzjoni, jew aħjar dwar il-korrotti li l-ħajja doppja tirrendihom jixbhu lil miżbla mbajda.

Ir-riflessjoni tal-Papa ħadet spunt mill-qari ta’ silta mill-Evanġelju ta’ Luqa (17, 1-6): ‘Jekk ħuk jikkommetti ħtija, ċanfru; imma jekk jindem, aħfirlu. U jekk jikkommetti ħtija seba’ darbiet kuljum kontra tiegħek u seba’ darbiet jiġi fuqek, jgħidlek: ‘Jiddispjaċini,’ inti taħfirlu.’ Nara dejjem ritratt ta’ Ġesù, kompla Franġisku. Smajnieh tant drabi: hu ma jegħja qatt jaħfer. U jagħtina l-parir li nagħmlu l-istess.

L-Isqof ta’ Ruma mbagħad waqaf fuq il-figura tal-midneb li jitlob maħfra, imma li għalkemm tassew ikun nidem, jerġa’ jaqa’ u jerġa’ jaqa’ iktar drabi fid-dnub. Hu, spjega l-Papa, jindem imma ma jistax joħroġ minn dan; huwa dgħajjef. Din hija d-dgħufija tad-dnub tan-nisel. Hemm ir-rieda tajba, imma hemm ukoll id-dgħufija u l-Mulej jaħfer. L-unika kundizzjoni hija dik li mmorru għandu, żied il-Papa, u ngħidu: ‘Dnibt, aħfirli. Irrid ma nagħmlux iktar, imma jien dgħajjef.’ Dan huwa l-midneb. U l-atteġġjament ta’ Ġesù huwa dejjem dak tal-maħfra.

Fis-silta tal-Evanġelju hemm paragrafu ieħor li fih, innota l-Isqof ta’ Ruma, Ġesù jgħid: ‘Gwaj għal dak li minħabba fih jiġu l-iskandli.’ Ġesù, huwa spjega, ma jitkellimx dwar id-dnub imma dwar l-iskandlu u jgħid li jkun aħjar għalih li jorbtulu ħaġra ta’ mitħna m’għonqu u jitfgħuh il-baħar, milli jiskandalizza wieħed minn dawn iż-żgħar. Attenti minnkom infuskom! Il-Papa mbagħad staqsa: Imma x’differenza hemm bejn li tidneb u li tiskandalizza? X’differenza hemm bejn li tagħmel dnub u li tagħmel xi ħaġa li tagħti skandlu u tagħmel tant u tant ħażin? Id-differenza, huwa qal, hija li min jidneb u jindem, jitlob maħfra, iħossu dgħajjef, iħossu bin Alla, jumilja ruħu u jitlob il-fidwa ta’ Ġesù. Imma min jagħti skandlu ma jindimx u jkompli jidneb u jilgħabha li huwa nisrani. Donnu jgħaddi ħajja doppja u, kompla jżid Franġisku, il-ħajja doppja tan-Nisrani tant tagħmel ħsara.

Għal dan il-għan il-Papa ġab bħala eżempju lil dak li jdaħħal idu fil-but u jagħmel ta’ birruħu li qiegħed jgħin lill-Knisja waqt li b’idu l-oħra jisraq lill-Istat, lill-foqra. Dan mhux għajr inġust għal min kien ikun aħjar – ‘u mhux qed ngħidu jien imma Ġesù,’ enfasizza l-Papa – li jorbtulu ħaġra ta’ mitħna m’għonqu u jitfgħuh il-baħar. Hawnhekk ma nitkellmux dwar maħfra, għaliex din il-persuna tkun tqarraq, qal il-Papa, waqt li mbagħad għamel referenza għall-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Għerf (1, 1-7), fejn naqraw: ‘Is-santu spirtu, li jħarreġ, jaħrab kull qerq, iżomm ’il bogħod mid-diskorsi bla sens u jiġi mkeċċi mal-wasla tal-inġustizzja.’

Fejn hemm il-qerq, ikkummenta l-Papa Franġisku, m’hemmx l-Ispirtu ta’ Alla. Din hija d-differenza bejn il-midneb u l-korrott. Dak li jidneb minflok ikun irid li ma jidnibx, imma hu dgħajjef jew isib ruħu f’kundizzjoni li ma jkunx jista’ jsib soluzzjoni għaliha, imma jmur għand il-Mulej u jitlob maħfra. Lil dan il-Mulej iridlu l-ġid, jakkumpanjah, huwa miegħu. U aħna hemm bżonn ngħidu, aħna lkoll li ninsabu hawn: midinbin iva, korrotti le. Il-korrotti, reġa’ spjega l-Papa, ma jafux x’inhi l-umiltà. Ġesù kien iqabbilhom ma’ oqbra mbajda: sbieħ minn barra imma minn ġewwa mimlijin għadam imħassar. U Nisrani li jiftaħar li huwa nisrani imma ma jgħixx il-ħajja ta’ nisrani, huwa rrimarka, huwa korrott.

Ilkoll nafu lil xi ħadd li jinsab f’din is-sitwazzjoni u lkoll nafu, żied il-Papa, kemm jagħmlu ħażin lill-Knisja l-Insara korrotti, il-qassisin korrotti. Kemm deni jagħmlu lill-Knisja! Ma jgħixux fl-ispirtu tal-Evanġelju, imma fl-ispirtu tal-mondanità. U San Pawl jgħidu ċar u tond lir-Rumani: ‘La tadattawx irwieħkom għal din id-dinja’ (cfr. Rumani 12, 2). Imma fit-test oriġinali hija ferm iktar qawwija: la tidħlux fl-iskemi ta’ din id-dinja, fil-parametri ta’ din id-dinja, għaliex huma proprju dawn, din il-mondanità, li jwasslu għall-ħajja doppja.

Waqt li ġibed għall-konklużjoni, il-Qdusija Tiegħu qal li l-ħajja tal-korrott hija miżbla mbajda. U Ġesù lil dawn ma kienx isejħilhom midinbin, imma kien jgħidilhom ‘ipokriti’. Ġesù, reġà fakkar il-Papa, jaħfer dejjem; ma jegħjiex jaħfer. L-unika kundizzjoni li jitlob hija li ma jridx li ngħixu din il-ħajja doppja. Nitolbu llum lill-Mulej li naħarbu minn kull qerq, li nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin. Midinbin iva, korrotti le.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb