Il-Papa f’Santa Marta: Meta s-skiet ikun mużika

Il-Ħamis, 12 ta’ Diċembru 2013: Il-Milied huwa festa li fiha jsir tant ħoss. Waqt li ngħixu dan il-perjodu ta’ stennija jkun importanti li minflok nerġgħu niskopru s-skiet, bħala waqt ideali biex niġbru l-mużikalità tal-lingwaġġ li bih il-Mulej ikellimna. Lingwaġġ – qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta, nhar il-Ħamis, 12 ta’ Diċembru 2013, filgħodu – li tant jixbah lil dak ta’ missier u ta’ omm: rassikuranti, mimli mħabba u ħlewwa.

Bħas-soltu l-Papa ħa spunt mis-silta tal-liturġija meħuda mill-ktieb tal-Profeta Iżaija (41, 13-20), dak li ftit jiem ilu kien iddefinixxa bħala l-‘ktieb tal-konsolazzjoni ta’ Iżrael’, bħalma hu stess fakkar. Il-Papa Franġisku fada li kien irrifletta ‘mhux wisq fuq dak li l-Mulej jgħid’ daqskemm pjuttost ‘fuq il-kif il-Mulej jgħidu’: jiġifieri, huwa spjega, permezz ta’ similitudni mhux tant fl-ittra imma fil-mużika.

Kif ikellimna l-Mulej? Forsi, enfasizza l-Qdusija Tiegħu, jista’ jidher stramb li tisma’ Alla kbir jgħid: ‘Jien hu l-Mulej Alla tiegħek, li nżommok fuq il-lemin, bħalma missier lil ibnu. U ngħidlek: la tibżax! Jien niġi ngħinek.’ Huwa proprju bħal missier li jiġri ħdejn ibnu meta, billejl, ikollu ħolma kerha u jgħidlu: ‘La tibżax! Hawn jien ħdejk.’

Bl-istess mod ikellimna Ġesù. Huwa joqrob lejna. Meta nħarsu lejn missier jew omm li joqorbu lejn binhom, spjega l-Isqof ta’ Ruma, aħna naraw li huma jsiru żgħar, jitkellmu b’leħen ta’ tifel u jagħmlu ġesti tat-tfal. Min jarahom minn barra jista’ jasal li jaħseb li huma redikoli. Imma l-imħabba tal-omm u tal-missier hemm bżonn li toqrob, li titbaxxa għad-dinja tal-iben. U wkoll jekk il-missier u l-omm ikellmuh b’mod normali, l-iben jifhimhom; imma huma jkunu jridu jieħdu l-mod tad-diskors tal-iben, joqorbu, isiru tfal. Hekk ukoll il-Mulej.

Il-Papa Franġisku reġa’ fakkar fit-teoloġi Griegi li, meta kienu jitkellmu dwar dan, kienu jgħidu kelma tassew diffiċli: sincatabasi, il-konformità ta’ Alla li jaċċetta li jsir wieħed minna. B’dan il-mod jitkellem il-Mulej. U saħansitra jagħmel kif jagħmlu l-ġenituri, li lil uliedhom jgħidulhom ħwejjeġ ftit jew xejn redikoli – ġugarell tiegħi! – u dawn il-ħwejjeġ kollha. Fil-fatt ukoll Ġesù jgħid ‘dudu ċkejken’ dwar Ġakobb: ‘Int bħal dudu ċkejken għalija’ – int ħaġa tassew ċkejkna – ‘imma jien tant inħobbok.’ Dan huwa l-lingwaġġ tal-Mulej: lingwaġġ ta’ mħabba, ta’ missier, ta’ omm.

Bla dubju, kompla l-Papa, hemm bżonn li nisimgħu kelmet il-Mulej, dak li jgħidilna hu; imma hemm bżonn ukoll li nisimgħu kif jgħidhulna. U hemm bżonn li nagħmlu bħalu, jiġifieri nagħmlu dak li jgħid, imma nagħmluh kif jgħidu: bi mħabba, bi ħlewwa, b’dik il-konformità lejn ħutna.

Dejjem laqtitni, fada l-Papa, il-laqgħa tal-Mulej ma’ Elija, meta l-Mulej tkellem ma’ Elija. Kien fuq il-muntanja u meta rah għaddej, il-Mulej ma kienx fis-silġ, fix-xita, fit-tempesta, fir-riħ… il-Mulej kien fiż-żiffa ħelwa (cfr. 1 Slaten 19, 11-13).  Fl-oriġinal, speċifika l-Isqof ta’ Ruma, hemm użata kelma l-iktar sabiħa, li ma tistax tiġi tradotta bi preċiżjoni: ‘kien f’ħajta risonanti ta’ skiet’.  Ħajta risonanti ta’ skiet: hekk joqrob lejna l-Mulej, b’dak il-ħoss tas-skiet li huwa proprju tal-imħabba. U lil kull bniedem jgħidlu: ‘Inti ċkejken, midneb dgħajjef, imma jiena ngħidlek li nagħmlek bħal qiegħa penetranti ġdida, armata b’ħafna ponot. Inti tidres il-muntanji u tisħaqhom, tirriduċi l-għoljiet fi trab. Int tgħarbilhom u r-riħ iġorrhom, ir-riefnu jferrixhom.’ Hekk hu jsir ċkejken biex jagħmilni qawwi. Hu jmur għall-mewt, bis-sinjal ta’ dik il-konformità, sabiex jien inkun nista’ ngħix.

Din, reġa’ tenna l-Papa Franġisku, hija l-mużika tal-lingwaġġ tal-Mulej. Aħna, waqt li nippreparaw għall-Milied, hemm bżonn li nisimgħuha. Tagħmlilna tajjeb, tant tajjeb. Is-soltu l-Milied huwa  festa ta’ ħafna ħoss. Jagħmlilna tajjeb li nżommu ftit skiet biex nisimgħu dan il-kliem ta’ mħabba, ta’ tant viċinanza, dan il-kliem ta’ ħlewwa. U kkonkluda: Hemm bżonn inżommu s-skiet f’dan iż-żmien għaliex, kif jgħid il-prefazju, aħna ninsabu viġilanti fl-istennija.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb