Il-Papa f’Santa Marta: Bla biża’ mil-libertà

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru 2013: Jeżistu Nsara li għandhom ċerta allerġija għall-predikaturi tal-Kelma: jaċċettaw il-verità tar-rivelazzjoni imma mhux lill-predikatur, waqt li jippreferu ħajja ingabbjata. Dan seħħ fi żmien Ġesù u sfortunatament għadu jseħħ ukoll illum f’dawk li jgħixu magħluqin fihom infushom, għaliex jibżgħu mil-libertà li tiġi mill-Ispirtu Santu.

Dan kien għall-Papa Franġisku t-tagħlim li joħroġ mill-qari tal-liturġija ċcelebrata l-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa waqaf b’mod speċjali fuq is-silta tal-Evanġelju ta’ Mattew (11, 16-19) li fiha Ġesù jqabbel il-ġenerazzjoni ta’ dawk ta’ żmienu ma’ dawk it-tfal bilqiegħda fil-misraħ li jduru fuq sħabhom l-oħra u jgħidu: ‘Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, kantajnielkom lament u ma bkejtux.’

Dwar dan l-Isqof ta’ Ruma fakkar li Kristu fl-Evanġelju dejjem jitkellem tajjeb dwar it-tfal, billi joffrihom bħala mudelli tal-ħajja nisranija u billi jistieden biex inkunu bħalhom sabiex nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Għall-kuntrarju, ġibed l-attenzjoni l-Papa, is-silta in kwistjoni hija l-unika darba li ma tantx jitkellem daqstant sabiħ dwarhom. Għall-Papa din hija xbiha ta’ tfal daqsxejn waħda speċjali: maledukati, imdejqin, saħansitra screanzati; tfal li ma jafux ikunu ferħanin waqt li jilagħbu u li dejjem jirrifjutaw l-istedina tal-oħrajn – xejn ma jinżlilhom tajjeb. B’mod partikolari Ġesù juża din ix-xbiha biex jiddeskrivi l-mexxejja tal-poplu tiegħu, definiti mill-Papa bħala nies li ma kinux miftuħin għall-kelma ta’ Alla.

Għall-Qdusija Tiegħu hemm aspett interessanti f’dan l-atteġġjament:  appuntu, ir-rifjut tagħhom ma kienx għall-messaġġ; dan kien għall-messaġġier. Biżżejjed inkomplu naqraw is-silta evanġelika biex ikollna konferma.  ‘Ġie Ġwanni, li la jiekol u lanqas jixrob, u dawn qalu: għandu demonju. Ġie Bin il-Bniedem, li jiekol u jixrob, u dawn jgħidu: hawn hu, wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u tal-midinbin.’ Prattikament il-bnedmin dejjem isibu motivi biex jilleġittimaw lill-predikatur. Biżzejjed naħsbu dwar in-nies ta’ dak iż-żmien, li kienu jippreferu jistaħbew f’reliġjon ftit jew wisq elaborata: fil-preċetti morali, bħall-Fariżej; fil-kompromess politiku, bħas-Saduċej; fir-rivoluzzjoni soċjali, bħaż-Żeloti; fl-ispiritwalità njostika, bħall-Esseni. Ilkoll, żied jgħid il-Papa, bis-sistema tagħhom tassew pulita, magħmula sewwa, imma li ma taċċettax lill-predikatur. Hekk hu, għaliex Ġesù jirrinfreskalhom il-memorja billi jfakkarhom fil-Profeti, li kienu ġew ippersegwitati u maqtula.

Għall-Papa, li taċċetta l-verità tar-rivelazzjoni u mhux lill-predikatur jirrivela mentalità frott ta’ ħajja ingabbjata fil-preċetti, fil-kompromessi, fil-pjani rivoluzzjonarji, fl-ispiritwalità mhix imlaħħma. Il-Papa Franġisku għamel riferiment, b’mossa speċjali, għal dawk l-Insara li jippermettu li ma jiżfnux meta l-predikatur itik aħbar sabiħa ta’ ferħ, u jippermettu li ma jibkux meta l-predikatur itik aħbar ta’ niket; lil dawk l-Insara, jiġifieri, li huma magħluqin, ingabbjati, li mhumiex liberi. U l-motiv huwa  l-biża’ mil-libertà tal-Ispirtu s-Santu, li tiġi permezz tal-predikazzjoni.

Mill-bqija, dan huwa l-iskandlu tal-predikazzjoni li dwaru tkellem San Pawl; l-iskandlu tal-predikazzjoni li jispiċċa fl-iskandlu tas-salib. Infatti, jiskandalizza li Alla jkellimna permezz ta’ bnedmin limitati, bnedmin midinbin; u jiskandalizza iktar li Alla jkellimna u jsalvana permezz ta’ bniedem li jgħid li hu l-Iben ta’ Alla, imma li jispiċca bħala kriminal. Hekk il-Papa Franġisku jispiċċa biex ikopri l-libertà li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, għaliex f’analisi aħħarija dawn l-Insara mdejqin ma jemmnux fl-Ispirtu s-Santu; ma jemmnux f’dik il-libertà li tiġi mill-predikazzjoni, li twissik, tgħallmek, saħansitra ttik bil-ħarta, imma hija proprju l-libertà li tgħin lill-Knisja tikber.

Mela x-xbiha tal-Evanġelju, bit-tfal li jibżgħu jiżfnu, li jibku, li jibżgħu minn kollox, li jitolbu sikurezza f’kollox, iġġiegħlek taħseb fl-Insara mdejqin, li dejjem jikkritikaw lill-predikaturi tal-verità, għaliex jibżgħu jiftħu l-bieb lill-Ispirtu s-Santu. Minn hawn l-eżortazzjoni tal-Papa biex nitolbu għalihom u biex nitolbu wkoll għalina nfusna, sabiex ma nsirux Insara mdejqin, minn dawk li jneħħu lill-Ispirtu s-Santu l-libertà li jiġi għandna permezz tal-iskandlu tal-predikazzjoni.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb