Il-Papa f’Santa Marta: Bħal fl-istennija tal-ħlas

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 23 ta’ Diċembru 2013: Fil-Milied jgħixu proprju l-intuwiti interjuri femminili tal-istennija ta’ ħlas: atteġġjament spiritwali li jipprevedi stil ta’ ftuħ. Minħabba f’hekk m’għandna qatt inpoġġu fil-bieb ta’ qalbna tikketta edukata bil-kitba: ‘Jekk jogħġbok, la tiddisturbanix.’

Hija sejħa qawwija għas-sinifikat tassew veru tal-Milied dik li l-Papa Franġisku ppropona waqt il-quddiesa ċċelebrata t-Tnejn 23 ta’ Diċembru 2013, fil-kappella tad-dar Santa Marta. F’din l-aħhar ġimgħa li tiġi qabel il-Milied, fakkar il-Papa, il-Knisja tirrepeti t-talba: ‘Ejja, Mulej!’ U waqt li tagħmel hekk, issejjaħ lill-Mulej b’tant ismijiet differenti, mimlijin messaġġi dwar il-Mulej innifsu: ‘O għerf, o għaqal, o għerq ta’ Ġesse, o xemx, o re tal-popli, o Emmanuel.’

Il-Qdusija Tiegħu spjega li l-Knisja llum tagħmel dan għaliex tinsab fi stennija tal-ħlas.  Infatti l-Knisja wkoll, f’din il-ġimgħa, hija bħal Marija: fl-istennija tal-ħlas. F’qalbha l-Verġni kienet tħoss dak li jħossu n-nisa kollha f’dak iż-żmien hekk partikolari: dawk l-intuwiti interni f’ġisimha u f’ruħha li minnhom tifhem li l-wild issa wasal biex jitwieled. U f’qalbha, bla ebda dubju ta’ xejn, kienet tgħid lit-tarbija li kienet qiegħda ġġorr f’ġufha: ‘Ejja, irrid inħares lejk f’wiċcek għax qaluli li int għad tkun kbir!’

Din hija esperjenza spiritwali li ngħixuha wkoll aħna, l-istess bħall-Knisja, għaliex nakkumpanjaw lill-Madonna f’din il-mixja ta’ stennija. U rridu nħaffu dan it-twelid tal-Mulej. Dan huwa l-motiv tat-talba: ‘Ejja, o muftieħ ta’ David, o xemx, o għaqal, o Emmanuel. Ejja!’  Invokazzjoni midwija mill-ġdid ukoll mill-aħhar vrus tal-Bibbja meta, fi tmiem il-ktieb tal-Apokalissi, il-Knisja ttenni: ‘Ejja, Mulej Ġesù.’  U dan tagħmlu b’dik il-kelma aramajka maranathà, li tista’ tfisser xewqa jew ukoll sikurezza li l-Mulej ġej.

Fir-realtà, il-Mulej jiġi darbtejn. L-ewwel darba, spjega l-Isqof  ta’ Ruma, hija dik li qegħdin infakkru issa, it-twelid fiżiku. Imbagħad se jiġi fl-aħħar, biex jagħlaq l-istorja. Imma, huwa żied, San Bernard jgħidilna li hemm it-tielet miġja tal-Mulej: dik ta’ kuljum. Infatti l-Mulej kuljum iżur il-Knisja tiegħu. Iżur lil kull wieħed u waħda minna. U wkoll ruħna tidħol f’dan ix-xebh: ruħna tixbah lill-Knisja; ruħna tixbah lil Marija. F’din il-prospettiva l-Papa Franġisku fakkar li l-missirijiet tad-deżert jgħidu li Marija, il-Knisja u ruħna huma femminili. Hekk, dak li jingħad dwar waħda, b’mod simili nistgħu ngħiduh dwar l-oħra.

Mela ruħna tinsab fl-istennija, f’din l-istennija għall-miġja tal-Mulej, ruħ miftuħa li ssejjaħ: ‘Ejja, Mulej!’ Proprju f’dawn il-jiem, qal il-Papa mill-ġdid, l-Ispirtu Santu jqanqal il-qalb ta’ kull wieħed u waħda biex nagħmlu din it-talba: ‘Ejja, ejja!’ Mill-bqija l-jiem kollha tal-Avvent, kif għidna fil-prefazju, aħna, il-Knisja, bħal Marija, ninsabu għassa fl-istennija. U l-għassa hija virtù, hija l-atteġġjament tal-pellegrini. Aħna lkoll pellegrini. Kundizzjoni li qanqlet mistoqsija fil-Papa: Qegħdin nistennew jew aħna magħluqin? Aħna għassa jew aħna sikuri f’lukanda, fil-mixja, u ma rridux navvanzaw? Aħna pellegrini jew aħna ġerrejja?

Hekk hu għaliex il-Knisja tistedinna biex nitolbu b’din l-‘Ejja!’  Fl-aħħar mill-aħħar din hija biex niftħu qlubna għaliex f’dawn il-jiem irridu nkunu għassa fl-istennija. Hija stedina biex nifhmu x’inhu jseħħ madwarna: jekk hux ġej jew mhux ġej il-Mulej; jekk hemmx post għall-Mulej jew jekk hemmx post għall-festi, biex nagħmlu l-ispejjes, biex nagħmlu l-istorbju. Riflessjoni li, skont il-Papa, twassal għal domanda oħra li rridu nagħmlu lilna nfusna: Ruħna hija miftuħa, bħal ma hi miftuħa l-qaddisa Ommna l-Knisja u bħal ma hi miftuħa l-Madonna? Jew ruħna hija magħluqa u waħhalna mal-bieb tikketta, tassew edukata, li tgħid: ‘Jekk jogħġbok, la tiddisturbanix’?

Id-dinja ma tintemmx magħna, enfasizza l-Papa, u aħna m’aħniex importanti iktar mid-dinja. Hekk, huwa kompla, mal-Madonna u ma’ Ommna l-Knisja nagħmlu sew li ntennu llum bħala talba din l-invokazzjoni: ‘O għaqal, o muftieħ ta’ David, o sultan tal-Gnus, ejja, ejja!’ U kompla jinsisti li jkun tajjeb li ntennu tant drabi: ‘Ejja!’ Talba li jsir eżami tal-kuxjenza biex nivverifikaw kif inhi ruħna u nagħmlu mod li tkun ruħ li tgħid lill-oħrajn biex ma tkunx iddisturbata, imma pjuttost ruħ miftuħa, ruħ kbira biex tirċievi l-Mulej f’dawn il-jiem;  ruħ, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, li tibda tħoss dak li għada l-Knisja tgħidilna fl-antifona: ‘Kunu afu li llum jiġi l-Mulej u għada taraw il-glorja tiegħu.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb