Il-Ġimgħa, 17 ta’ Jannar 2014: Id-don li aħna wlied Alla ma jistax ‘jinbiegħ’ bl-iskuża ta’ ‘normalità’ li twassalna biex ninsew il-Kelma t’Alla u biex ngħixu qisu Alla ma jeżistix. Din kienet ir-riflessjoni ewlenija tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
It-tentazzjoni li rridu nkunu ‘normali’ meta fil-fatt aħna wlied Alla, fis-sustanza tfisser li ninsew il-Kelma tal-Missier u nimxu wara waħda li hi biss umana, il-kelma ta’ ‘dak li għandi aptit’, u b’hekk nagħżlu li nbiegħu r-rigal tas-sejħa tagħna biex nimxu mal-moda tal-‘uniformità tad-dinja’.
Fl-Antik Testment il-poplu ta’ Iżrael kellu din it-tentazzjoni aktar minn darba, fakkar il-Papa Franġisku, hu u jikkummenta l-qari tal-liturġija tallum li hu meħud mill-ewwel ktieb ta’ Samwel. Fis-silta naqraw li l-kapijiet tal-poplu jitolbu lil Samwel stess, li kien xjaħ, biex jagħmlilhom re ġdid, imma fil-fatt il-ħsieb tagħhom kien li huma jrieġu lilhom infushom. F’dak il-waqt, il-poplu, osserva l-Papa, kien qed jirrifjuta lil Alla: mhux biss ma kienx qed jismagħha l-Kelma, imma kien qed jirrifjutaha.
Il-frażi li turina dan id-distakk hi dik li jgħidu l-anzjani ta’ Iżrael: ‘Irridu re li jkun imħallef għax inkella aħna wkoll inkunu bħall-popli l-oħrajn kollha.’ Jiġifieri, osserva l-Papa, jirrifjutaw lill-Mulej tal-imħabba, jirrifjutaw l-s-sejħa tagħhom, u jfittxu t-triq tal-mondanità bħalma jagħmlu llum ħafna Nsara.
In-normalità tal-ħajja titlob min-Nisrani fedeltà lejn is-sejħa tiegħu u mhux li jbiegħha biex jimxi wara l-uniformità tad-dinja. Din hi t-tentazzjoni tal-poplu u anke tagħna. Ħafna drabi ninsew il-Kelma t’Alla, dak li jgħid il-Mulej, u nintrabtu ma’ dak li tgħid il-moda, mhux veru? Anke t-telenovella hi moda: ejjew nemmnu lilha għax fiha aktar gost! Id-dnub tal-apostasija hu proprju dak li niksruha mal-Mulej. Imma diċ-ċaħda tidher ċar ħafna. Il-mondanità hi tal-akbar periklu għax tidħol fin, fin.
Hu minnu, żied il-Papa, li n-Nisrani jrid ikun ‘normali’ kif inhuma normali bnedmin oħra. Imma, insista l-Qdusija Tiegħu, hemm valuri li n-Nisrani ma jistax jagħmilhom tiegħu. In-Nisrani jrid iżomm mal-Kelma t’Alla li tgħidlu: ‘Int ibni, int maħtur, jien miegħek, jien nimxi miegħek.’
Allura rridu nirreżistu t-tentazzjoni – bħalma naqraw fit-test Bibliku – li nqisu ruħna vittmi ta’ ċertu ‘kumpless ta’ inferjorità’ għax ma nħossux li aħna ‘poplu normali’.
Meta din it-tentazzjoni tasal, twebbes il-qalb, u meta l-qalb tkun iebsa, meta l-qalb ma tkunx miftuħa, il-Kelma t’Alla ma tistax tidħol fiha. Lid-dixxipli ta’ Emmaus Ġesù kien qalilhom boloh u ta’ qalb iebsa! Kellhom qalbhom iebsa u ma setgħux jifhmu l-Kelma t’Alla.
Il-mondanità trattab il-qalb imma f’sens ħażin: il-qalb merħija qatt mhi ħaġa tajba. Il-qalb it-tajba hi dik miftuħa għall-Kelma t’Alla u li tirċeviha kif għamlet il-Madonna li ‘f’qalbha kienet timmedita fuq dan kollu’, jgħidilna l-Evanġelju. Jeħtieġ nilqgħu l-Kelma t’Alla biex ma nitilfux is-sejħa.
Għalhekk, temm il-Papa Franġisku, nitolbu l-grazzja li negħlbu l-egoiżmu tagħna, l-egoiżmu li rrid nagħmel dak li jidhirli u kif nixtieq jien. Nitolbu
l-grazzja li negħlbu dan u nitolbu l-grazzja tal-manswetudni spiritwali, jiġifieri li niftħu qlubna għall-Kelma t’Alla u ma nagħmlux kif għamlu dawn ħutna, li għalqu qalbhom għax kienu tbiegħdu mill-Mulej u għal tul ta’ żmien ma baqgħux jisimgħu u jifhmu l-Kelma t’Alla.
Jalla l-Mulej itina l-grazzja li jkollna qalbna miftuħa biex nirċievu l-Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha dejjem. Minn hemm nibdew il-mixja fit-triq il-vera.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta