Il-Papa f’Santa Marta: Inħarsu x-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 21 ta’ Jannar 2014: Inħarsu x-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej. Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Qdusija Tiegħu enfasizza li l-Mulej għandu rapport personali magħna: id-djalogu tiegħu qatt mhu djalogu mal-massa u l-Mulej dejjem jagħżel liż-żgħar u lil min għandu l-anqas poter għax iħares lejn l-umiltà tagħna.

Il-Mulej u ċ-ċkejknin.  Il-Papa Franġisku ffoka l-omelija tiegħu fuq dawn iż-żewġ kelmiet u qal li r-rapport tal-Mulej mal-poplu tiegħu hu rapport personali u dejjem bejn persuna u oħra.  Hu, żied jgħid, hu l-Mulej, u għalih il-poplu għandu isem: mhux djalogu bejn min għandu l-poter u l-massa, imma hu djalogu personali.

U fil-poplu, kull wieħed u waħda għandhom  posthom.  Imma l-Mulej qatt ma jitkellem hekk man-nies: mal-massa, qatt.  Jitkellem dejjem personalment, bl-isem ta’ dak li jkun.   U jagħżel personalment.  Ir-rakkont tal-ħolqien jurina dan: hu l-istess Mulej li b’idejh, artiġjanalment, jagħmel lir-raġel u jtih isem: ‘Int tissejjaħ Adam.’

B’hekk bdiet ir-rabta bejn Alla u l-bniedem.  Imbagħad hemm ħaġ’oħra: hemm rapport bejn Alla u aħna fix-xejn tagħna, Alla l-kbir u aħna ċ-ċkejknin.  Kull meta Alla jkun irid jagħżel lil persuni, dejjem jagħżel liż-żgħar.  Alla, kompla l-Papa, jagħżel lill-poplu tiegħu għax hu l-aktar żgħir, għandu anqas setgħa mill-popli l-oħra.  Jeżisti proprju djalogu bejn Alla u ċ-ċokon tal-bniedem.  Anke l-Madonna qalet: ‘Il-Mulej ħares lejn l-umiltà tiegħi.’  Il-Mulej jagħżel liċ-ċkejknin.

Fl-ewwel qari tallum, osserva Franġisku, jidher ċar dan l-atteġġjament tal-Mulej.  Il-profeta Samwel jinsab quddiem l-akbar fost ulied Jesse u jaħseb li se jikkonsagrah għax hu raġel twil u godli.  Imma l-Mulej, osserva l-Papa, jgħidlu biex ma jħarisx lejn l-aspett u l-istatura tiegħu, u jżid: ‘Jien warrabtu għax dak li jara l-bniedem ma jgħoddx.’  Infatti, saħaq il-Papa, il-bniedem josserva dak li jidher imma l-Mulej jara l-qalb.  Il-Mulej jagħżel skont il-kriterji tiegħu. U jagħżel iż-żgħar, il-mansweti, biex iħawwad lil min għandu s-setgħa fid-dinja.

Fl-aħħar il-Mulej jagħżel lil David, l-iżgħar wieħed li ma kien jinġieb xejn minn missieru.  Ma kienx id-dar;  kien qiegħed jirgħa n-nagħaġ. Madankollu David kien il-magħżul.

Ilkoll kemm aħna, bil-Magħmudija aħna magħżulin mill-Mulej.  Ilkoll magħżulin, għażilna wieħed wieħed, tana isem u jħares lejna.  Hemm djalogu, għax din hi l-imħabba tal-Mulej.  David ukoll sar re u żbalja.  Forsi għamel ħafna, imma l-Bibbja tirrakkuntalna tnejn kbar, żewġ żbalji mill-aktar ħoxnin.  X’għamel David?  Umilja ruħu.  Reġa’ lura għax-xejn tiegħu u qal: ‘Jien midneb,’ u talab maħfra u għamel il-penitenza.

U wara t-tieni dnub, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, David qal lill-Mulej:  ‘Ikkastiga lili imma mhux lill-poplu.  Il-poplu m’għandux ħtija, il-ħtija hija tiegħi.’  David, irrifletta l-Papa, ħares lejn iċ-ċokon tiegħu bl-indiema, bit-talb, bid-dmugħ.  Meta naħsbu dwar dawn il-ħwejjeġ, dwar dan id-djalogu bejn il-Mulej u x-xejn tagħna, nistaqsi: fejn hi l-fedeltà nisranija?

Il-fedeltà nisranija, il-fedeltà tagħna, hi sempliċiment li aħna nħarsu ċ-ċokon tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-Mulej.  Inħarsu ċ-ċokon tagħna. Għalhekk  l-umiltà, il-manswetudni, it-tjubija huma importanti ħafna fil-ħajja tan-Nisrani, għax huma kenn għaċ-ċokon tagħna li l-Mulej iħobb iħares lejh.  U dejjem hekk se tibqa’: djalogu bejn iċ-ċokon tagħna u l-kobor tal-Mulej.

Jalla l-Mulej, bl-interċessjoni ta’ San David u anke bl-interċessjoni tal-Madonna li bil-ferħ kantat lill-Mulej għax kien ħares lejn l-umiltà tagħha, itina l-grazzja li nħarsu ċ-ċokon tagħna quddiemu, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta


%d bloggers like this: