Il-Ġimgħa, 7 ta’ Frar 2014: Għandna nħabbru l-Evanġelju mingħajr ma napprofittaw ruħna u nitkabbru għax aħna nsara. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Ir-riflessjoni li għamel kienet imnebbħa mill-martirju ta’ Ġwanni l-Battista. Franġisku wera li, bħall-Battista, id-dixxiplu veru ta’ Kristu jagħżel it-triq tal-umiltà mingħajr pretensjonijiet profetiċi. Erodi joqtol lil Ġwanni biex jikkuntenta lill-konkubina tiegħu Erodjade u l-kapriċċi ta’ bintha. Il-Papa għamel omelija li fiha tkellem dwar il-mewt traġika tal-Battista kif insibuha rrakkuntata fl-Evanġelju tallum.
Gwanni, osserva l-Papa, kien bniedem li għex ħajja qasira, ħajja qasira biex iħabbar il-Kelma t’Alla. Kien il-bniedem li Alla kien bagħat biex iħejji t-triq għal Ibnu. U ħajjet Ġwanni tintemm ħażin fil-palazz ta’ Erodi li kien qiegħed jiċċelebra b’ikla. Meta tkun imdawwar mill-ħbieb tal-palazz ikun possibbli tagħmel kollox: korruzzjoni, vizzjijiet, kriminalità, għax is-sitwazzjoni tagħti wisa’ għal dan kollu. X’għamel Ġwanni? L-ewwelnett ħabbar lill-Mulej. Ħabbar li s-Salvatur kien qrib, li kienet qrib is-Saltna t’Alla. Dan għamlu b’enerġija kbira. Kien jgħammed. Kien iħeġġeġ lil kulħadd biex jikkonverti. Kien bniedem qawwi. U kien iħabbar lil Ġesù Kristu.
L-ewwel ħaġa li għamel il-kbir Ġwanni kienet li ħabbar lil Ġesù Kristu. Ħaġ’oħra li għamel, kompla l-Papa, kienet li ma ppretendiex li hu xi awtorità morali. Fil-fatt, fakkar il-Papa, Ġwanni kien ingħata l-possibiltà li jgħid: ‘Jien il-Messija,’ għax kellu awtorità morali kbira, in-nies kollha kienu jmorru għandu. L-Evanġelju jirrakkonta li Ġwanni kien jgħid lil kulħadd biex jikkonverti. L-imgħallmin, il-fariżej kien jagħrfu din il-qawwa. Kien bniedem rett. Għalhekk jistaqsuh jekk hux il-Messija. F’dak il-waqt ta’ tentazzjoni ta’ vanità, seta’ għamel wiċċu u b’umiltà falza jgħid: ‘Ma nafx…’ Minflok, kien ċar: ‘Le miniex! Warajja ġej wieħed li hu aqwa minni u li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa biex inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.’ Ġwanni, tenna l-Papa, kien ċar u ma seraq ebda titlu. M’għamilx tiegħu dak li ma kienx. Din, allura, hija t-tieni ħaġa li għamel: kien bniedem tal-verità: ‘Tisraqx id-dinjità.’
It-tielet ħaġa li għamel Ġwanni kienet li imita lil Kristu. Anke Erodi, li qatlu, kien jemmen li Ġwanni kien Kristu. Ġwanni, osserva l-Papa, imita lil Kristu l-aktar, għax tbaxxa: Ġwanni umilja ruħu u tbaxxa sal-aħħar, sal-mewt. U fih hemm ukoll l-istess stil ta’ mewt: mewt tal-mistħija għax Ġesù miet bħal brigant, bħal ħalliel, bħala kriminali, fuq is-salib. Imwiet umiljanti. Imma anke Ġwanni għadda mill-‘ġnien taż-żebbuġ’ tiegħu: id-diqa ta’ qalb fil-ħabs, meta ħaseb li kien żbalja u bagħat lid-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: ‘Għidli, int hu jew żbaljajt u jrid jiġi ħaddieħor?’ Id-dalma tar-ruħ, id-dlam li jsaffi bħal Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ.
Ġesù wieġeb lil Ġwanni bl-istess tweġiba li tah il-Missier: ikkonfortah. Dik id-dalma tal-bniedem ta’ Alla. Bħalissa, ikkummenta l-Papa, qed naħseb dwar id-dalma tar-ruħ tal-beata Tereża ta’ Kalkutta. Ah, il-mara li kienet imfaħħra mid-dinja kollha, rebbieħa tal-Premju Nobel! Imma hi kienet taf li f’mument twil ta’ ħajjitha, ġo fiha kellha biss dlam.
Bħala ħabbâr ta’ Ġesù Kristu, żied jgħid il-Papa, Ġwanni m’għamilx tiegħu l-profezija. Hu l-ikona tad-dixxiplu. Imma, staqsa l-Papa, fejn kienet l-għajn li minnha nixxa dan l-atteġġjament ta’ dixxiplu? F’laqgħa, wieġeb Franġisku stess. L-Evanġelju, fakkar il-Qdusija Tiegħu, ikellimna dwar il-laqgħa ta’ Marija u Eliżabetta meta Ġwanni qabeż bil-ferħ fil-ġuf t’ommu. Kienu kuġini. Forsi wara kienu ltaqgħu xi drabi. Imma dik il-laqgħa mliet bil-ferħ, b’tant ferħ, il-qalb ta’ Ġwanni, u bidlitu f’dixxiplu.
Ġwanni hu l-bniedem li jħabbar lil Ġesù Kristu imma li ma jqegħidx lilu nnifsu minfloku, jimxi fit-triq ta’ Ġesù. Jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna dwar id-dixxipolat tagħna: inħabbruh aħna lil Ġesù Kristu? Napprofittaw ruħna jew le mill-fatt li aħna nsara, qisu dan kien xi privileġġ? Il-profezija Ġwanni m’għamilhiex tiegħu. It-tielet: mixjin fit-triq ta’ Ġesù Kristu, it-triq tal-umiljazzjoni, tal-umiltà, li nitbaxxew biex inkunu ta’ servizz?
U jekk insibu li f’dan m’aħniex sodi nistaqsu lilna nfusna: meta kien li ltqajt ma’ Ġesù Kristu, meta kienet dik il-laqgħa li mlietni bil-ferh? U nerġa’ lura għal-laqgħa, immur lura għal-laqgħa fl-ewwel Galilea. Ilkoll għandna waħda minn dawn il-laqgħat. Nirritornaw hemm. Nerġgħu niltaqgħu mal-Mulej u nimxu ‘l quddiem f’dit-triq tant sabiħa, li fiha Hu jikber u aħna niċċekknu, temm l-omelija l-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta