It-Tlieta, 18 ta’ Marzu 2014: Ir-Randan hu żmien li matulu nirranġaw ħajjitna u nersqu lejn il-Mulej. Dan qalu l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-Papa wissa li ħadd m’għandu jħossu superjuri għall-oħrajn. Wissa wkoll li l-ipokriti jilbsu ta’ nagħaġ u ma jifhmux li ħadd mhu ġust minnu nnifsu, li lkoll kemm aħna neħtieġu l-ġustifikazzjoni.
Konverżjoni: il-Papa Franġisku beda l-omelija billi qal li l-qofol tar-Randan huwa din il-kelma. Dan hu ż-żmien tajjeb biex nersqu lejn Ġesù. Hu u jikkummenta dwar l-ewwel qari tal-liturġija tallum, meħud mill-ktieb ta’ Iżaija, innota li l-Mulej isejjaħ għall-konverżjoni żewġt ibliet midinba: Sodoma u Gomorra. Dan ifisser, kompla jgħid il-Papa, li lkoll għandna bżonn inbiddlu ħajjitna, li nħarsu sew lejn ruħna fejn dejjem se nsibu xi ħaġa.
Għalhekk ir-Randan hu proprju dan: li nirranġaw ħajjitna billi nersqu lejn il-Mulej. Hu, żied il-Papa, iridna qrib tiegħu u jiżgurana li qed jistenniena biex jaħfrilna. Madankollu, kompla jwissi, il-Mulej irid li nersqu lejH bis-sinċerità u jwiddibna biex ma nkunux ipokriti.
X’jagħmlu l-ipokriti? Ixiddu libsa, libsa ta’ nies twajba, u jagħmlu wiċċ ta’ qaddisin, meta jitolbu jħarsu lejn is-sema biex jidhru, iħossuhom aktar ġusti mill-oħrajn, jiddisprezzaw lill-oħrajn. Jgħidu: ‘Jien Kattoliku ħafna għax zijuwi kien benefattur kbir, il-familja tiegħi hija…’; ‘Jien ukoll… naf lit-tali isqof, lit-tali kardinal, lil Patri…’; ‘Jien…’ Iħossuhom aħjar mill-oħrajn. Din hi l-ipokrisija. Il-Mulej jgħid: ‘Le, dak le.’ Ħadd mhu ġust minnu nnifsu. Ilkoll neħtieġu l-ġustifikazzjoni. U l-uniku wieħed li jiġġustifikana huwa Ġesù Kristu.
Għaldaqstant, żied jgħid il-Papa, irridu nersqu lejn il-Mulej biex ma nkunux Insara foloz, li meta tinkixef din l-apparenza, tidher ir-realtà, li ma nkunux verament insara. Allura liema hi l-ġebla tal-paragun li biha ma nkunux ipokriti u nersqu lejn il-Mulej? It-tweġiba, enfasizza l-Papa, jagħtihielna l-Mulej fl-ewwel qari meta jgħid: ‘Inħaslu, ippurifikaw ruħkom, biegħdu minn għajnejja l-ħażen tagħkom, ieqfu agħmlu l-ħażin, tgħallmu agħmlu t-tajjeb.’ Din hi l-istedina. Imma, staqsa Franġisku, liema hu s-sinjal li jurina li mixjin fit-triq it-tajba?
Għin lill-magħkus, agħmel ġustizzja mal-orfni, iddefendi l-kawża tal-armla. Ħu ħsieb il-proxxmu: il-marid, il-fqir, dak li hu fil-bżonn, l-injorant. Din hi l-ġebla tal-paragun. L-ipokriti ma jafux jagħmluh dan, ma jistgħux, għax tant huma mimlijin bihom infushom, li għandhom għamad biex iħarsu lejn l-oħrajn. Meta wieħed jimxi ftit u jersaq qrib il-Mulej, id-dawl tal-Mulej jurih dawn l-affarijiet u hu jersaq lejn ħutu. Dan hu s-sinjal, is-sinjal tal-konverżjoni.
Ċertament din mhix il-konverżjoni kollha. Infatti l-konverżjoni sħiħa hija l-laqgħa ma’ Ġesù Kristu u s-sinjal li aħna ma’ Ġesù Kristu huwa dan: induru b’ħutna, dawk l-aktar foqra, bil-morda, kif jgħallimna l-Mulej u kif naqraw fil-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ San Mattew.
Ir-Randan jiġi biex nirranġaw ħajjitna, inqegħduha f’postha, nibdluha, biex nersqu lejn il-Mulej. Is-sinjal li aħna bogħod mill-Mulej hu l-ipokrisija. L-ipokrita m’għandux bżonn lill-Mulej, isalva lilu nnifsu… Hekk jaħseb, u jxidd il-libsa tal-qdusija.
Is-sinjal li aħna qrobna lejn il-Mulej bil-penitenza, bit-talb għall-maħfra, hu li aħna nieħdu ħsieb ħutna li huma fil-bżonn. Jalla l-Mulej itina lkoll id-dawl u l-kuraġġ: id-dawl biex nagħrfu x’qed jiġri ġewwa fina u l-kuraġġ biex nikkonvertu, biex nersqu lejn il-Mulej. Kemm hu sabiħ li tkun qrib il-Mulej, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta