Il-Ħamis, 16 ta’ Ottubru 2014: Faċli titlob biex taqla’ xi grazzja, waqt li hu aktar diffiċli tgħid talb ta’ tifħir, madankollu dan hu t-talb li jagħti l-ferħ veru. Din l-affermazzjoni għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Il-Papa ħa spunt mill-Ittra lill-Efesin li fiha San Pawl jgħolli t-tifħir u l-barka lejn Alla. Hija talba ta’ tifħir – osserva Franġisku – li aħna ma tantx aħna mdorrijin nagħmluha: li nfaħħru lil Alla. Imma din hija talba ta’ gratwità pura u tfisser li aħna nidħlu f’ferħ kbir.
Aħna nafu nitolbu tajjeb ħafna meta rridu xi ħaġa u anke meta niżżu ħajr lill-Mulej, imma t-talb ta’ tifħir hu ftit diffiċli għalina. M’aħniex imdorrijin wisq infaħħru lill-Mulej. Dan nistgħu nagħmluh aħjar meta niftakru fl-affarijiet li l-Mulej għamel magħna tul ħajjitna.
FiH, fi Kristu, aħna konna magħżulin sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja: Ikun imbierek il-Mulej, għax Hu għażilni! Huwa l-ferħ ta’ qrubija paterna u tenera. It-talb ta’ tifħir, kompla l-Papa, inissel fina dan il-ferħ, li nkunu hienja quddiem il-Mulej. Ejjew nagħmlu sforz biex insibuh dal-ferħ, imma l-punt tat-tluq hu proprju li niftakru fl-għażla: il-Mulej għażilni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Imma din diffiċli nifhmuha!
Dan la nistgħu nifhmuh u lanqas nimmaġinawh: li l-Mulej kien jafni minn qabel il-ħolqien tad-dinja, li ismi kien fil-qalb tal-Mulej. Din hi l-verità! Din hi r-rivelazzjoni! Jekk aħna dan ma nemmnuhx m’aħniex Insara, eh!, qal Franġisku. Forsi nkunu mħeġġin ħafna minn reliġjożità li temmen f’Alla, imma ma nkunux Insara! In-Nisrani hu bniedem magħżul: huwa magħżul minn Alla sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Anke dan il-ħsieb jimla lil qlubna bil-ferħ: jien magħżul. U dan itina s-sigurezza.
Isimna, osserva l-Papa, jinsab fil-qalb ta’ Alla proprju fil-qiegħ nett bħalma tarbija tkun fil-ġuf ta’ ommha. Dan hu l-ferħ li jiġina mill-fatt li aħna magħżulin. Din hi ħaġa li ma tistax tifhimha biss b’moħħok u lanqas b’qalbek biss. Biex nifhmu dan hemm bżonn li nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù Kristu, il-misteru tal-Iben il-Maħbub. Hu xerred demmu fuqna, bl-abbundanza, b’kull għerf u intellett, u wriena l-misteru tar-rieda tiegħu. Dan hu t-tielet atteġġjament: li nidħlu fil-misteru.
Meta niċċelebraw l-Ewkaristija nidħlu f’dan il-misteru li ma nistgħux nifhmuh għal kollox: il-Mulej hu ħaj, jinsab magħna fil-glorja tiegħu, fil-milja tiegħu, u jerġa’ jagħti ħajtu mill-ġdid għalina. Dan l-atteġġjament li nidħlu fil-misteru rridu nitgħallmuh kuljum. In-Nisrani huwa bniedem li jagħmel ħiltu biex jidħol fil-misteru, misteru li ma nistgħux nikkontrollawh għax huwa misteru. Imma jien nidħol fih xorta waħda.
It-talb ta’ tifħir, temm l-omelija l-Papa, huwa qabel kollox talb ta’ ferħ u mbagħad talb ta’ tifkira: Imma kemm għamel ħwejjeġ miegħi l- Mulej! B’liema tenerezza akkumpanjani, kemm tbaxxa għalija: tbaxxa bħalma missier jintlewa biex jgħin lil ibnu jimxi.
Nitolbu għalhekk lill-Ispirtu s-Santu biex itina l-grazzja li nidħlu fil-misteru, speċjalment meta nkunu qed niċċelebraw l-Ewkaristija.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta