Il-Knisja hija għarusa tistenna lil għarustha


10. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 15 t’Ottubru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Matul dan iż-żmien tkellimna dwar il-Knisja, dwar ommna l-Knisja mqaddsa ġerarkika, il-poplu ta’ Alla li jinsab f’mixja. Il-lum nixtiequ nistaqsu lilna nfusna: Imma fl-aħħar, x’sa jseħħ mill-poplu ta’ Alla? X’ħa jiġri minn kull wieħed u waħda minna? X’għandna nistennew? L-Appostlu Pawlu għamel il-qalb lill-Insara tal-komunità ta’ Tessalonika, li kienu jagħmlu dawn l-istess mistoqsijiet, u wara l-argumentazzjoni tiegħu stqarrew dan il-kliem li hu fost l-isbaħ fit-Testment il-Ġdid: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej” (1 Tess 4:17). Hu kliem sempliċi, imma mimli b’tama hekk kbira!

Hemm tifsira kbira f’dak li jgħid Ġwanni fil-ktieb ta’ l-Apokalissi, meta jerġa’ jaqbad l-intuwizzjoni tal-Profeti, u jfisser id-dimensjoni aħħarija, defenittiva, fit-termini ta’ “Ġerusalemm il-ġdida, nieżla mis-sema minn għand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (Apok 21:2). Dan hu li hemm jistenniena! Din, mela, hija l-Knisja: hi l-poplu ta’ Alla miexi wara l-Mulej Ġesù u li qed jitħejja jum wara l-ieħor għal-laqgħa miegħu, bħal għarusa ma’ għarustha. U dan m’hux biss mod ta’ kif ngħidu l-affarijiet: din sa tkun festa tat-tieġ vera u propja! Iva, għax Kristu, li sar bniedem bħalna u għamilna lkoll ħaġa waħda miegħu, bil-mewt u l-qawmien tiegħu, tassew tgħarras magħna u minna bħala poplu għamel l-għarusa tiegħu. U dan m’hux ħlief it-twettiq tal-pjan ta’ komunjoni u ta’ mħabba li niseġ Alla matul l-istorja kollha, l-istorja tal-poplu ta’ Alla u anki l-istorja propja ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu l-Mulej li jagħmel dan.

Hemm aspett ieħor, imma, li jżid ifarrġilna u jiftħilna qalbna: Ġwanni jgħidilna li fil-Knisja, għarusa ta’ Kristu, tidher “Ġerusalemm il-ġdida”. Dan ifisser li l-Knisja, barra li hi għarusa, hi msejħa biex issir belt, simbolu per eċċellenza tal-konvivenza u tar-relazzjonalità umana. Mela kemm hu sabiħ li nistgħu nikkontemplaw minn issa, skond xbieha oħra daqshekk ieħor suġġestiva ta’ l-Apokalissi, il-ġnus u l-popli kollha miġbura flimkien f’din il-belt, bħal f’tinda, “l-għamara ta’ Alla” (ara Apok 21:3)! U f’din il-qagħda glorjuża ma jkunx hemm iżjed iżolamenti, abbużi ta’ poter u distinzjonijiet ta’ kwalunkwe tip – ta’ natura soċjali, etnika jew reliġjuża – imma nkunu lkoll ħaġa waħda fi Kristu.

Quddiem dan ix-xenarju liema bħalu u meraviljuż, qalbna ma tistax ma tħosshiex imwettqa b’mod qawwi fit-tama. Araw kif it-tama Nisranija m’hix sempliċement xewqa, awgurju, m’hix ottimiżmu: għan-Nisrani, it-tama hi stennija, stennija mħeġġa, imqanqla tat-twettiq aħħari u defenittiv ta’ misteru, il-misteru ta’ l-imħabba ta’ Alla, li fih aħna twelidna mill-ġdid u diġà qed ngħixu. U hi stennija ta’ xi ħadd li għoddu wasal: hu Kristu l-Mulej li qed joqrob dejjem lejna, jum wara jum, u li ġej biex sa fl-aħħar idaħħalna darba għal dejjem fil-milja tal-komunjoni tiegħu u tal-paċi tiegħu. Il-Knisja għalhekk għandha d-dmir li żżomm mixgħul u f’post fejn jidher tajjeb il-musbieħ tat-tama, biex ikompli jiddi bħala sinjal żgur ta’ salvazzjoni li jdawwal il-bnedmin kollha fil-mixja li twassal għal-laqgħa mal-wiċċ kollu ħniena ta’ Alla.

Għeżież ħuti, araw mela x’aħna nistennew: li Ġesù jiġi lura! Il-Knisja għarusa tistenna ’l-għarus tagħha! Imma rridu nistaqsu lilna nfusna, b’ħafna sinċerità: aħna qed inkunu tassew xhieda hienja u kredibbli ta’ din l-istennija, ta’ din it-tama? Il-komunitajiet tagħna għadhom jgħixu fis-sinjal tal-preżenza tal-Mulej Ġesù u fl-istennija mħeġġa tal-miġja tiegħu, jew donnhom għajjiena, imħeddla, mifluġa taħt it-toqol ta’ l-għeja u tar-rassenjazzjoni? Qed nirriskjaw aħna wkoll li jinħlielna ż-żejt tal-fidi, u żejt il-hena? Noqogħdu attenti!

Nitolbu lill-Verġni Marija, Omm it-tama u Sultana tas-Sema, biex iżżomm dejjem ħajja fina mġiba ta’ smigħ u ta’ stennija, biex hekk nistgħu nkunu minn issa mimlija bl-imħabba ta’ Kristu u jum wieħed għad nagħmlu parti mill-ferħ ta’ bla tmiem, fil-komunjoni sħiħa ta’ Alla, u tinsewx, qatt tinsew: “Hekk inkunu dejjem mal-Mulej!” (1 Tess 4:17).

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.