Il-Papa f’Santa Marta: In-Nisrani huwa persuna li jaf jistenna lil Ġesù


It-Tlieta, 21 ta’ Ottubru 2014: Il-Papa Franġisku llum qal li n-Nisrani huwa persuna li jaf jistenna lil Ġesù u jikkultiva tama qawwija fis-Salvazzjoni. Il-Papa qal dan fl-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Huwa kien qed jirrifletti dwar l-Evanġelju ta’ Luqa u l-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin u qal li l-poplu t’Alla huwa magħqud fi Kristu u grazzi għaliH għandu isem u jmur lil hinn minn kull għadu.

Huwa u jikkwota minn San Luqa, il-Papa Franġisku qal li mberkin huma dawk il-qaddejja li jistennew lil sidhom jiġi lura bl-imsiebaħ mixgħula. U Ġesù semma li s-sid, meta ġie lura, serva lill-qaddejja tiegħu.

L-ewwel servizz li l-Mulej jagħti lill-Insara hija l-identità. Mingħajr Kristu – qal il-Papa – m’għandniex identità. U huwa semma l-kliem ta’ San Pawl li jgħid lill-pagani biex jiftakru li mingħajr Kristu huma kienu barra mill-komunità ta’ Iżrael.  Dak li Kristu ġie jagħmel kien li jagħtina ċittadinanza, li nkunu parti minn poplu b’isem u kunjom. Għalhekk minn għedewwa bla paċi Kristu għamilna ħaġa waħda bid-demm tiegħu u kisser il-ħitan li kienu jifirduna.

Ilkoll nafu li meta m’aħniex fil-paċi mal-oħrajn ikun hemm ħajt: ikun hemm ħajt li jifridna.  Iżda Ġesù joffrilna s-servizz tiegħu biex ikisser dan il-ħajt sabiex inkunu nistgħu niltaqgħu. Jekk aħna mifrudin, ma nkunux ħbieb iżda għedewwa. U Ġesù għaqqadna lkoll flimkien f’Alla bħala ħbieb, bħala għedewwa, bħala barranin, bħala wlied.

Minn sempliċiment nies fit-triq, nies li lanqas biss ma kienu mistiedna, sirna ċittadini mal-qaddisin, membri tad-Dar ta’ Alla. U hawnhekk il-Papa staqsa x’inhuma l-kundizzjonijiet t’Alla. Il-kundizzjoni hija li nistennewh, hekk kif il-qaddejja jistennew lis-sid tagħhom.  U min hu dak li ma jistenniex lil Ġesù?, staqsa l-Papa.  Dak li jagħlaq il-bieb lil Ġesù, li ma jħallihx iwettaq il-ħidma tiegħu ta’ paċi, ta’ komunità, ta’ ċittadinanza.

Ġesù jagħmel aktar minn hekk: jagħtina isem. Jagħmilna wlied Alla. Jeħtieġ li nadottaw attitudni li hi mimlija bit-tama nisranija. In-Nisrani huwa bniedem ta’ tama għax jaf li l-Mulej se jiġi. Ma nafux meta u ma nafux xħin, iżda Alla se jiġi u ma jridx isibna mifrudin. Irid isibna ħbieb li ngħixu fil-paċi.

U hawnhekk il-Papa għamel mistoqsija oħra li għandu jistaqsi kull Nisrani: jien kif nistenna lil Ġesù u, qabel xejn, jien għadni nistennieh jew le?

Il-Papa kompla jħeġġiġna nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex fiduċja f’din it-tama li huwa se jiġi u jekk il-qalb tagħna hijiex miftuħa biex tisimgħu jħabbat fuq il-bieb tagħha biex jidħol. In-Nisrani huwa bniedem li jaf jistenna lil Ġesù. Il-pagan egoist iġib ruħu bħallikieku hu xi alla u li kapaċi jasal bil-ħila tiegħu biss. Dan ma jispiċċax tajjeb għax jispiċċa bla isem, bla qrubija u bla ċittadinanza.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta