Il-Familja, Il-Missier (II)


5. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 4 ta’ Frar 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq inkompli bit-tieni parti tar-riflessjoni tiegħi fuq il-figura tal-missier fil-familja. L-aħħar darba tkellimt dwar il-periklu tal-missirijiet “assenti”, imma l-lum pjuttost nixtieq inħares lejn l-aspett pożittiv. Anki San Ġużepp kien imġarrab jitlaq lil Marija, meta skopra li kienet tqila; imma ndaħal l-anġlu tal-Mulej li wrieh x’kien il-pjan ta’ Alla u liema kellha tkun il-missjoni tiegħu ta’ missier putattiv; u Ġużeppi, raġel ġust, “ħa lil martu għandu” (Mt 1:24) u sar il-missier tal-familja ta’ Nazaret.

Kull familja għandha bżonn tal-missier. Il-lum nieqfu ftit nitkellmu fuq il-valur tar-rwol tiegħu, u nixtieq nibda minn xi espressjonijiet li nsibu fil-Ktieb tal-Qwiel, kliem li missier jgħid lil ibnu, u jgħid hekk: “Ibni, jekk qalbek tħobb l-għerf, lili wkoll tferraħli qalbi; nifraħ b’qalbi kollha, meta minn fommok joħroġ is-sewwa” (Prov 23:15-16). M’hemmx mod aħjar kif wieħed jesprimi kemm ikun imkabbar u jħossu mqanqal missier meta jintebaħ li rnexxielu jgħaddi lil ibnu dak li tassew jgħodd fil-ħajja, jiġifieri qalb għarfa. Dan il-missier ma jgħidx: “Inħossni kburi bik għax ħriġt propju bħali, għax tirripeti l-ħwejjeġ li ngħid u nagħmel jien”. Le, ma jgħidlux sempliċement xi ħaġa. Jgħidlu xi ħaġa wisq aktar importanti, li nistgħu ninterpretawha hekk: “Nifraħ kull darba li narak timxi bl-għerf, u nħossni mqanqal kull darba li nisimgħek titkellem bis-sewwa. Dan hu li ridt inħallilek, biex tagħmlu tiegħek: l-imġiba li tisma’ u taġixxi, titkellem u tiġġudika bl-għerf u s-sewwa. U biex tkun hekk, għallimtek ħwejjeġ li ma kontx taf, sewwejt żbalji li ma kontx qed tara. Ġagħiltek tħoss imħabba profonda u fl-istess ħin diskreta, li forsi li meta kont għadek żagħżugħ u inċert ma stajtx tagħraf b’mod sħiħ. Tajtek xhieda ta’ serjetà u fehma soda li jista’ jkun li ma fhimtx, meta forsi xtaqt biss min jaqbel miegħek u jipproteġik. L-ewwel ridt inqiegħed lili nnifsi għall-prova ta’ l-għerf tal-qalb, u ngħasses fuq l-eċċessi tas-sentiment u tar-rabja, biex stajt nerfa’ t-toqol ta’ ċirkustanzi fejn inevitabbilment ma stajniex nifhmu lil xulxin u ma stajtx insib l-aħjar kliem biex infisser ruħi. Issa”, ikompli l-missier, “meta nara lilek tipprova tkun hekk ukoll ma’ wliedek, u ma’ kulħadd, qalbi titqanqal. Nifraħ li jien missierek”. Dan hu li jlissen missier għaref, missier matur.

Il-missier jaf sewwa xi prezz jiswielu biex jista’ jgħaddi dan il-wirt: kemm hemm bżonn ikun qrib, juri ħlewwa u fl-istess ħin rieda soda. Imma, x’faraġ u xi premju jirċievi, meta l-ulied jagħmlu ġieħ lil dan il-wirt! Hu ferħ li jpatti għal kull taħbit, li jegħleb kull nuqqas ta’ ftehim u jfejjaq kull ġerħa.

Għalhekk, l-ewwel ħaġa li hi meħtieġa hi propju din: li l-missier ikun preżenti fil-familja. Li jkun qrib ta’ martu, biex jaqsmu kollox flimkien, ferħ u niket, taħbit u tamiet. U li jkun qrib ta’ wliedu huma u jikbru: waqt il-logħob u waqt ix-xogħol, meta jkunu moħħ ir-riħ u meta mħassbin, meta jiftħu qalbhom u meta jżommu fommhom mitbuq, meta huma qalbiena u meta beżgħana, meta jagħmlu pass żbaljat u meta jsibu lura t-triq; missier preżenti, dejjem. Meta ngħid preżenti, dan m’hux l-istess bħal meta ngħid jikkontrolla! Għax missirijiet li moħħhom iżżejjed biex jikkontrollaw kollox ikunu qed iħassru lil uliedhom, ma jħalluhomx jikbru.

Il-Vanġelu jkellimna fuq l-eżempju tajjeb ta’ Missierna li qiegħed fis-Smewwiet – l-uniku wieħed, jgħidilna Ġesù, li jista’ jissejjaħ tabilħaqq “Missier twajjeb” (ara Mk 10:18). Kulħadd jafha dik il-parabbola ta’ l-għaġeb imsejħa ta’ l-“iben il-ħali”, jew aħjar, tal-“missier ħanin”, li nsibuha fil-Vanġelu ta’ Luqa fil-kapitlu 15 (ara 15:11-32). Kemm dinjità u kemm ħlewwa fl-istennija ta’ dak il-missier li joqgħod fuq l-għatba tal-bieb jistenna lil ibnu rieġa’ lura! Il-missirijiet iridu jkunu paċenzjużi. Ħafna drabi m’hemmx ħaġa oħra x’tagħmel ħlief li tistenna; titlob u tistenna bis-sabar, bil-ħlewwa, b’qalb miftuħa, bi ħniena.

Missier tajjeb jaf jistenna u jaf jaħfer, minn qiegħ qalbu. Ċertament, jaf ikun sod u jikkoreġi: m’hux missier dgħajjef, li jaqa’ għal kollox, sentimentali żżejjed. Il-missier li jaf iwissi mingħajr ma jaqta’ qalb uliedu hu l-istess wieħed li jaf jipproteġi bla qatt jegħja. Darba waqt laqgħa tal-miżżewġin smajt missier jgħid: “Xi drabi jkolli nsawwat xi ftit lil ibni… imma qatt f’wiċċu biex ma nbaxxihx”. Xi ġmiel! Għandu sens ta’ dinjità. Ikollu jikkastiga, u jagħmlu b’mod ġust, u jibqa’ miexi.

Mela jekk hemm xi ħadd li jista’ jispjega b’mod sħiħ it-talba tal-Missierna, mgħallma minn Ġesù, dan hu sewwa sew min jgħix il-paternità fl-ewwel persuna. Mingħajr il-grazzja li tiġi mill-Missier li qiegħed fis-Smewwiet, il-missirijiet jitilfu l-kuraġġ, u jabbandunaw il-kamp. Imma l-ulied għandhom bżonn isibu missier jistenniehom meta jerġgħu lura mill-waqgħat tagħhom. Minn kollox jagħmlu biex ma jammettuhx dan, biex ma jurux li hu hekk, imma għandhom bżonnu; u meta ma jsibuhx, dan jiftħilhom ġerħat li diffiċli jitfejqu.

Il-Knisja, l-omm tagħna, hi impenjata biex twieżen bil-qawwa kollha tagħha l-preżenza tajba u ġeneruża tal-missirijiet fil-familji, biex ikunu għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda ħarriesa u medjaturi – li ħadd ma jista’ jeħdilhom posthom – tal-fidi fit-tjieba, tal-fidi fil-ġustizzja u fil-ħarsien ta’ Alla, bħalma kien San Ġużepp.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.