Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja, Il-Missier


4. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 28 ta’ Jannar 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nerġgħu naqbdu l-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-familja. Il-lum inħallu tmexxina l-kelma “missier”. Kelma li għalina l-Insara hi egħżeż minn kull kelma oħra, għax dan hu l-isem li bih Ġesù għallimna nsejħu lil Alla: missier. Is-sens ta’ dan l-isem kiseb qawwa ġdida meta Ġesù użah biex idur lejn Alla u juri r-relazzjoni speċjali tiegħu miegħU. Il-misteru mbierek mill-intimità ta’ Alla, Missier, Iben u Spirtu, muri minn Ġesù, hu l-qalba tal-fidi Nisranija tagħna.

“Missier” hi kelma li jafha kulħadd, kelma universali. Hi tindika relazzjoni fundamentali li r-realtà tagħha hi qadima daqs l-istorja tal-bniedem. Imma l-lum, wasalna biex ngħidu li din tagħna hi “soċjetà bla missirijiet”. Fi kliem ieħor, b’mod partikulari fil-kultura Oċċidentali, il-figura tal-missier hi simbolikament assenti, għebet, tneħħiet. Għall-ewwel din il-ħaġa dehret donnha liberazzjoni: liberazzjoni mill-missier-sid, mill-missier li jirrappreżenta l-liġi imposta minn barra, mill-missier bħala ċensur tal-ferħ ta’ l-ulied u xkiel għall-emanċipazzjoni u l-awtonomija taż-żgħażagħ. Kultant f’xi djar fil-passat kien isaltan l-awtoritarjaniżmu, f’xi każi saħansitra l-abbuż: ġenituri li kienu jittrattaw lil uliedhom bħala qaddejja, bla ebda rispett ta’ xejn lejn dak li kellhom bżonn biex jistgħu jikbru; missirijiet li ma kinux jgħinu lil uliedhom isibu b’libertà t-triq tagħhom – għax m’hix ħaġa ħafifa teduka lil uliedek fil-libertà –; missirijiet li ma kinux jgħinuhom jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom biex jibnu l-futur tagħhom u dak tas-soċjetà.

Din, bla dubju ta’ xejn, m’hix imġiba tajba; imma kif jiġri spiss, ngħaddu minn estrem għall-ieħor. Il-problema ta’ żminijietna ma jidhirx li għadha tant il-preżenza invadenti tal-missirijiet, daqskemm in-nuqqas tagħhom, il-ħabi tagħhom. Il-missirijiet xi kultant tant huma moħħhom fihom infushom u fix-xogħol tagħhom u xi drabi fir-realizzazzjonijiet individwali tagħhom, li jinsew ukoll il-familja. U jħallu liċ-ċkejknin u ż-żgħażagħ tagħhom waħidhom. Diġà bħala Isqof ta’ Buenos Aires stajt inħoss dan is-sens ta’ ltiema li qed jgħixu t-tfal tal-lum; u spiss kont nistaqsi lill-missirijiet jekk isibux ħin jilagħbu ma’ wliedhom, jekk kellhomx il-kuraġġ u l-imħabba li jitilfu l-ħin ma’ wliedhom. U t-tweġiba kienet tkun kerha, fil-parti l-kbira tal-każi: “Imma ma nistax, għax għandi ħafna x’nagħmel…”. U l-missier kien assenti mill-ħajja ta’ ibnu li qed jikber, ma kiex jilgħab miegħu, le, ma kienx jaħli ħin miegħu.

Issa, f’din il-mixja komuni ta’ riflessjoni fuq il-familja, nixtieq ngħid lill-komunitajiet Insara kollha li jeħtieġ noqogħdu iżjed attenti: in-nuqqas tal-figura paterna fil-ħajja taċ-ċkejknin u taż-żgħażagħ tipproduċi lakuni u ġrieħi li jistgħu anki jkunu gravi ħafna. U fil-fatt id-devjanzi tat-tfal u l-adolexxenti fil-parti l-kbira tagħhom ġejjin minn dan in-nuqqas, min-nuqqas ta’ eżempji u ta’ gwida awtorevoli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, min-nuqqas ta’ qrubija, min-nuqqas ta’ mħabba min-naħa tal-missier. Hu ħafna iżjed qawwi milli naħsbu aħna s-sens ta’ ltiema li qed jgħixu ħafna żgħażagħ.

Huma ltiema fil-familja, għax il-missirijiet spiss huma assenti, anki fiżikament, mid-dar, imma fuq kollox għax, meta jkunu hemm, ma jġibux ruħhom ta’ missirijiet, ma jiddjalogawx ma’ wliedhom, ma jwettqux id-dmir edukattiv tagħhom, lil uliedhom ma jagħtuhomx, bl-eżempju tagħhom flimkien mal-kliem, dawk il-prinċipji, dawk il-valuri, dawk ir-regoli tal-ħajja li għandhom bżonn daqs il-ħobż. Il-kwalità edukattiva tal-preżenza paterna hi aktar meħtieġa aktar ma l-missier minħabba x-xogħol ikollu jgħaddi ħin imbiegħed mid-dar. Kultant donnu l-missirijiet ma jafux sew x’post għandu jkollhom fil-familja u kif jedukaw lil uliedhom. U allura, fid-dubju li jkollhom, jastienu, jirtiraw u jittraskuraw ir-responsabbiltajiet tagħhom, forsi wkoll isibu kenn f’tip ta’ relazzjoni inċerta fejn iġibu ruħhom qishom kienu “ta’ mpar” uliedhom. Veru li int għandek tkun “sieħeb” ta’ ibnek, imma bla ma tinsa li int il-missier! Jekk int iġġib ruħek biss ta’ ħabib ta’ mpar ibnek, dan lilu ma tantx ħa jgħinu.

U din il-problema narawha wkoll fil-komunitajiet ċivili. Il-komunità ċivili, bl-istituzzjonijiet tagħha, għandha ċerta responsabbiltà – nistgħu ngħidu paterna – lejn iż-żgħażagħ, responsabbiltà li xi kultant tittraskuraha jew tħaddimha ħażin. Anki hi spiss tħallihom iltiema u ma tipproponilhomx verità ta’ perspettiva. U hekk iż-żgħażagħ jibqgħu ltiema minn toroq żguri li fihom għandhom jimxu, iltiema minn għalliema ta’ fiduċja, iltiema minn ideali li jsaħħnu l-qalb, iltiema minn valuri u tamiet li jweżnuhom ta’ kuljum. Forsi jimtlew b’idoli, imma jisirqulhom qalbhom; huma mħeġġa joħolmu b’divertiment u pjaċir, imma jibqgħu bla xogħol; jimlewlhom moħħhom bl-alla flus, u jċaħħduhom mill-għana veru.

U allura jiswa lil kulħadd, missirijiet u wlied, li nisimgħu mill-ġdid il-wegħda ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Ma nħallikomx iltiema” (Ġw 14:18). Fil-fatt Hu t-triq li għandna nimxu, l-Imgħallem li għandna nisimgħu, it-Tama li d-dinja tista’ tinbidel, li l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, li jista’ jkun hemm futur fejn l-aħwa kollha jgħixu flimkien fis-sliem. Forsi xi ħadd minnkom jaf jgħidli: “Imma Dun, int il-lum kont wisq negattiv. Tkellimt biss dwar in-nuqqas tal-missirijiet, x’jiġri meta l-missirijiet m’humiex qrib ta’ wliedhom…”. Veru, ridt nagħfas iktar fuq hekk, għax nhar l-Erbgħa li ġej sa nkompli b’din il-katekeżi u nitkellem fuq il-ġmiel tal-paternità. Għalhekk għażilt li nibda mid-dlam biex nasal għad-dawl. Il-Mulej jgħinna nifhmu tajjeb dawn il-ħwejjeġ. Grazzi.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s