L-istil ta’ Alla hu l-umiltà u s-silenzju, mhux l-ispettaklu


It-Tnejn, 9 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Alla jaġixxi fl-umiltà u fis-silenzju; l-ispettaklu mhux l-istil tiegħu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jċanfar lill-abitanti ta’ Nazaret minħabba n-nuqqas ta’ fidi. Għall-ewwel semgħuh bl-ammirazzjoni imma wara splodew ir-rabja u d-disprezz.

Dak il-ħin in-nies kienu qed jisimgħu dak li kien qed jgħid Ġesù b’interess, imma kliemu ma għoġobx lil xi tnejn jew tlieta, u xi ħadd li jidhirlu li jaf ħafna qam u qal: ‘Imma dan kif jiġi jkellimna hekk? Fejn studja biex ikun jaf dan kollu? Ħa jurina l-lawrja! F’liema università studja? Dan iben il-mastrudaxxa, lil dan nafuh tajjeb!’

U qamet l-għagħa u anke l-vjolenza. Keċċewh ‘il barra mill-belt u ħaduh fix-xifer tal-għolja biex jixħtuh għal isfel.

L-ewwel qari jitkellem dwar Naman, il-kmandant tal-eżerċtu Sirjan, li kien lebbruż. Il-Profeta Eliżew jgħidlu biex imur jinħasel seba’ darbiet fil-Ġordan biex ifiq. Iżda anke Naman issuppervja għax kien qed jittama f’xi ġest spettakolari. Imbagħad jisma’ mis-servi, jagħmel dak li qallu l-Profeta u l-lebbra tiegħu tgħib.

Kemm l-abitanti ta’ Nazaret u anke Naman, osserva l-Papa, riedu l-ispettaklu, imma l-istil tat-twajjeb Alla mhux l-ispettaklu. Alla jaħdem fl-umiltà u fis-skiet, fl-affarijiet iż-żgħar. Ibda mill-ħolqien, fejn il-Mulej ma jaqbadx il-bakketta maġika imma lill-bniedem joħolqu mit-tajn. Dan l-istil insibuh jittenna fl-istorja tas-salvazzjoni kollha.
Meta Alla ried jeħles lill-poplu tiegħu, ħelsu minħabba l-fidi ta’ bniedem wieħed, Mosè. Meta ried iwaqqa’ l-belt qawwija ta’ Ġeriko, għamel dan bis-saħħa ta’ prostituta. Anke għall-konverżjoni tas-Samaritani, uża l-ħidma ta’ midinba oħra.
Meta bagħat lil David jiġġieled kontra Gulija kien jidher li hu att ta’ ġenn. Iċ-ċkejken David quddiem dak il-ġgant armat bix-xabla u b’armi oħra, filwaqt li kull ma kellu David kienu żbandola u ftit ċagħak.

Meta ried juri lill-Maġi li kien twieled ir-Re tar-rejiet, x’sabu dawn is-slaten? Sabu tarbija mfisqija f’maxtura. L-affarijiet sempliċi, l-umiltà ta’ Alla. Dan hu l-istil divin, qatt mhu l-ispettaklu.

Il-Papa fakkar li l-ispettaklu kien wieħed mit-tentazzjonijiet li kellu Ġesù fid-deżert. Satana jistiednu jintefa’ għal isfel minn fuq il-quċċata tat-tempju biex in-nies jemmnu fih wara li jkunu raw il-miraklu. Iżda l-Mulej jirrivela ruħu fis-sempliċità, fl-umiltà.

Matul dan ir-Randan jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar ħajjitna, dwar kif il-Mulej kien ta’ għajnuna għalina, dwar kif il-Mulej għinna nimxu ‘l quddiem, u nsibu li dan għamlu dejjem bl-affarijiet sempliċi.

Hekk jaħdem il-Mulej: jagħmel l-affarijiet sempliċi. Ikellmek fis-silenzju ta’ qalbek. Niftakru kemm matul ħajjitna ħassejna l-umiltà ta’ Alla, l-istil tiegħu, is-sempliċità tal-istil tiegħu.

Anke fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, ikkonkluda l-Papa, fis-sagramenti, is-sabiħ hu li tidher l-umiltà ta’ Alla u mhux l-ispettaklu mondan. Jagħmlilna tajjeb induru dawra ma’ ħajjitna u naħsbu dwar kemm-il darba l-Mulej żarna bil-grazzja tiegħu, u dejjem b’dan l-istil ta’ umiltà tiegħu, l-istil li Hu jitlob ukoll minna: l-umiltà.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.