Alla jaħfirli imma jitlob minni li naħfer lill-oħrajn


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Biex nitolbu maħfra lil Alla jeħtiġilna nimxu fuq it-tagħlim tat-talba tal-Missierna: nindmu bis-sinċerità minn dnubietna għax nafu li Alla jaħfer dejjem, imma naħfru lill-oħrajn bl-istess qalb miftuħa beraħ li biha jaħfrilna Alla.  Il-Papa Franġisku għamel din l-istqarrija dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

Alla jista’ kollox, imma l-omnipotenza tiegħu sa ċertu punt tieqaf quddiem qalb bil-bieb magħluq, qalb li m’għandhiex ħsieb li taħfer lil min weġġagħha.  Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni mnebbħa mill-Vanġelu tal-ġurnata li fih Ġesù jispjega lil Pietru li hemm bżonn li l-maħfra tingħata ‘sebgħa għal sebgħin darba’, li jfisser ‘dejjem’.  Ġesù qal dan biex jafferma li hemm rabta intima bejn il-maħfra li jtina Alla u l-maħfra li nagħtu aħna lill-oħrajn.

Kollox jibda, spjega Franġisku, minn kif aħna nippreżentaw ruħna quddiem Alla biex nitolbuH jaħfrilna.  Il-Papa ġab l-eżempju li hemm fil-qari tal-lum li jurina lill-Profeta Ażarija jitlob ħniena minħabba d-dnub tal-poplu tiegħu li qed ibati, imma li hu wkoll ħati li tbiegħed mil-liġi tal-Mulej.  Ażarija, osserva Franġisku, ma jipprotestax, ma joqgħodx ‘jokrob’ quddiem Alla minħabba t-tbatija.  Pjuttost, huwa jagħraf l-iżbalji tal-poplu u ‘jindem’.

Li titlob maħfra hu differenti milli titlob skuża.  Jien niżbalja?  Skużani, żbaljajt… Dnibt!  M’hemmx x’tagħmel, ħaġa ġġib lill-oħra.  Iżda d-dnub mhux sempliċi żball.  Id-dnub hu idolatrija, hu li tadura l-idolu, l-idolu tal-kburija, tal-vanità, tal-flus, tal-ħajja komda, tal-egoiżmu.  Dawn huma l-ħafna idoli li għandna.  U minħabba f’hekk Ażarija ma jitlobx skuża imma jitlob maħfra.

Il-maħfra għandha tintalab bis-sinċerità, mill-qalb, u mill-qalb għandha tingħata lil min ikun għamillek xi tort.  Bħas-sid tal-parabbola tal-Vanġelu, li jaħfer id-dejn enormi lill-qaddej tiegħu għax iħossu mqanqal mill-ħniena quddiem it-tnehid tal-qaddej.  U mhux bħal kif dak l-istess qaddej mexa ma’ wieħed tamparu, li ttrattah mingħajr ħniena u tefgħu l-ħabs minkejja li kellu jtih somma flus li ma kinitx kbira.  Id-dinamika tal-maħfra, fakkar il-Papa Franġisku, hi dik li għallimna Ġesù stess fit-talba tal-Missierna.

Ġesù jgħallimna nitolbu hekk: ‘Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.’  Jekk jien m’għandix ħila naħfer, allura m’għandix ħila nitlob maħfra.  U tgħiduli, ‘Imma jien immur inqerr.’  U x’tagħmel qabel ma tqerr?  ‘Jien naħseb dwar in-nuqqasijiet li għamilt.’ Tajjeb.  ‘Imbagħad nitlob maħfra lill-Mulej u nwiegħed li ma nerġax.’  Tajjeb ukoll. ‘Imbagħad immur għand is-saċerdot.’  Imma qabel jonqsok xi ħaġa oħra: ħfirt lil min għamillek id-deni?

Fi kliem ieħor, żied josserva l-Qdusija Tiegħu, il-maħfra li se jtik Alla titlob minnek li int taħfer lil ħaddieħor.  Dan hu d-diskors ta’ Ġesù li bih jgħallimna naħfru.  L-ewwel, li meta nitolbu l-maħfra ma jfissirx biss li nitolbu skuża, imma li nkunu konxji tad-dnub, tal-idolatrija li wettaqna, ta’ tant idoli li nqimu.

It-tieni – u dan kien il-ħsieb tal-għeluq tal-omelija tal-Papa Franġisku – Alla jaħfer dejjem, u jekk jien ma naħfirx, f’ċertu sens inkun qed nagħlaq il-bieb għall-maħfra t’Alla.  ‘Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina,’ tenna b’insistenza l-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.