Il-mondanità ma tħalliniex naraw il-ħtiġijiet tal-foqra

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Meta kien qed jikkummenta dwar il-qari tal-liturġija tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku osserva li dar-raġel liebes ilbies fin, li kien jagħmel ikliet kbar kuljum, qatt ma nisimgħu xejn ħażin dwaru.

Il-Vanġelu ma jgħidilniex li kien raġel ħażin. Anzi, bil-mod tiegħu, żied il-Papa, forsi kien reliġjuż ukoll, jitlob xi ftit kuljum u jmur it-tempju joffri somom kbar lis-saċedoti li, fid-dgħufija klerikali tagħhom, kienu jtuh il-postijiet ta’ quddiem.

Imma ma ndunax bil-fqir, Lazzru, li kien qiegħed ħdejn il-bieb, bniedem mimli ġrieħi u bil-ġuħ, is-sinjali li hu kien jinsab fi bżonn kbir.

Meta r-raġel għani kien idur mal-belt, kompla jgħid il-Papa Franġisku, nimmaġinaw li forsi kellu karozzella bil-ħġieġ skur biex ma jidhirx minn barra! Min jaf! Imma żgur li l-għajnejn ta’ ruħu kienu mdallmin u ma kienx jista’ jara barra. Kien iħares biss lejn ħajtu u lejn dak li jiġri lilu. Ma kienx ħażin imma kien marid bil-mondanità, u l-mondanità tibdel ir-ruħ u tirrendiha indifferenti għar-realtà. L-erwieħ mondani jgħixu f’dinja artifiċjali, dinja li jagħmluha huma għalihom infushom. Il-mondanità hija l-loppju tar-ruħ u għalhekk dan il-bniedem mondan ma setax jara r-realtà.

Ir-realtà hi li hawn ħafna foqra jgħixu fostna. Hawn ħafna nies li jgħixu f’diffikultajiet kbar. Imma jekk qalbi tkun marbuta mal-mondanità qatt ma nista’ nifhem dan. Għall-bniedem li qalbu hi marbuta mad-dinja, hu impossibbli li jagħraf il-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor. B’qalb mondana tista’ tmur il-knisja, titlob u tagħmel elf ħaġ’oħra.

Imma waqt l-Aħħar Ċena, Ġesù x’talbu lill-Missier? Qallu: ‘Nitolbok, Missier, żomm lil dawn id-dixxipli bogħod mid-dinja’ – bogħod mill-mondanità. Il-mondanità hija dnub sottili, u hija iktar minn dnub: hija ruħ fl-istat tad-dnub.

Il-Qdusija Tiegħu għadda mbagħad biex jitkellem dwar iż-żewġ ġudizzji li naqraw fl-istorja: saħta fuq il-bniedem li kien marbut mad-dinja u barka fuq min kellu fiduċja fil-Mulej. Ir-raġel għani biegħed qalbu minn Alla, ruħu kienet vojta, art għerja u mielħa, għax min hu mondan, fil-verità jgħix mal-egoiżmu tiegħu. Dawn huma nies morda u tant marbutin mal-ħwejjeġ ta’ dil-ħajja li hu diffiċli ħafna li jfiqu.

Il-Papa nnota wkoll li l-fqir għandu isem, Lazzru, imma r-rakkont ma jtiniex isem l-għani, għaliex min hu mondan jitlef ismu, ikun wieħed mill-ħafna qalb folla affluwenti li m’għandha bżonn xejn, u għalhekk jitlef l-identità tiegħu.

Meta l-għani jmut u jsib ruħu fit-tbatija tal-infern, jitlob lil Abraham biex jibgħat lil xi ħadd imur iwissi lill-membri tal-familja tiegħu li għadhom ħajjin. Imma Abraham iwieġeb li jekk ma jisimgħux lil Mosè u lill-Profeti, ħadd mhu se jipperswadihom, lanqas jekk xi ħadd iqum mill-mewt.

Il-bnedmin mondani jridu jaraw manifestazzjoni straordinarja filwaqt li fil-Knisja kollox hu ċar. Ġesù tkellem ċar u fl-aħħar tal-parabbola hemm kelma ta’ faraġ.

Meta l-imsejken għani fit-tbatija jitlob li Lazzru jmur bi ftit ilma biex itaffilu n-nixfa, kif iwieġbu Abraham? Abraham hu l-figura ta’ Alla l-Missier. ‘Ibni, ftakar…’

Il-bnedmin mondani tilfu isimhom u aħna wkoll, jekk qalbna tkun marbuta mad-dinja, inkunu tlifna tagħna. Iżda aħna m’aħniex orfni, temm il-Papa, għax sal-aħħar mumenti hemm il-fiduċja li għandna Missier li qed jistenniena. Ejjew nintelqu f’idejh. ‘Ibni,’ jgħidilna. Isejħilna ‘Ibni’ minn fost id-dinja mondana, isejħilna ‘Uliedi’, u għalhekk aħna m’aħniex orfni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: