“Il-Knisja għandha jkollha l-kuraġġ li titkellem bis-sinċerità”

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 13 ta’ April 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-mixja tal-Knisja hi dik tas-sinċerità, li tgħid l-affarijiet kif inhuma bil-libertà, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Kif indunaw l-Appostli wara l-qawmien ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jibdel l-atteġġjament tagħna, l-istorja ta’ ħajjitna, u jnissel fina l-kuraġġ.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=UYUNnWmtfog&w=560&h=315%5D

‘Aħna ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dak li smajna u rajna.’  Il-Papa Franġisku bena l-omelija fuq din l-affermazzjoni tal-Appostli Pietru u Ġwanni, li nsibu fl-Atti tal-Appostli, fis-silta tal-ewwel qari tal-liturġija tal-lum.

Il-Qdusija Tiegħu fakkar li wara li għamlu l-miraklu, Pietru u Ġwanni ntefgħu l-ħabs u kienu mwissijin mis-saċerdoti biex ma jitkellmux aktar f’isem Ġesù.  Imma huma baqgħu għaddejjin bil-predikazzjoni u, meta reġgħu lura, huma ħeġġew lil ħuthom biex ixandru l-Kelma t’Alla bis-sinċerità.  U jitolbu lill-Mulej biex idawwar ħarstu lejn it-theddid li kienu qed jirċievu l-qaddejja tiegħU, iħeġġuhom biex ma jaħarbux, biex ixandru bis-sinċerità kollha l-kelma tiegħU.

Illum ukoll, kompla jgħid il-Papa, il-messaġġ tal-mixja tal-Knisja hu dak tas-sinċerità, il-mixja tal-kuraġġ Nisrani.  Dawn iż-żewġ persunaġġi sempliċi, kif tgħidilna l-istess Bibbja, bla skola, kienu mimlijin kuraġġ.  Kelma li nistgħu nittraduċuha: sinċerità, libertà tal-kelma, nuqqas ta’ biża’ biex jgħidu l-affarijiet….  Hija kelma li għandha bosta tifsiriet fl-oriġini tagħha.  U dawn iż-żewġ Appostli mill-biża’ għaddew għas-sinċerità… bdew ixandru bil-libertà.

Franġisku mbagħad għadda biex jirrifletti dwar il-Vanġelu tal-lum li jirrakkonta djalogu ftit jew wisq misterjuż bejn Ġesù u Nikodemu, dwar it-tieni twelid, dwar ħajja ġdida differenti minn dik ta’ qabel.

Il-Papa fisser kif anke f’din l-istorja, ‘f’dan il-vjaġġ ta’ sinċerità’, il-veru protagonista hu l-Ispirtu s-Santu, għax Hu l-uniku li għandu ħila jtina l-grazzja tal-kuraġġ biex inħabbru lil Ġesù Kristu.

Dan il-kuraġġ tat-tħabbira hu dak li jiddistingwina minn mixja ta’ sempliċi prożelitiżmu.  Aħna ma nagħmlux reklami, jgħid Ġesù Kristu, biex ikollna aktar imsieħba fl-għaqda spiritwali tagħna, hux hekk?  Dan ma jiswa għal xejn, mhux Nisrani.  Dak li jagħmel in-Nisrani hu li jħabbar bil-kuraġġ, u t-tħabbir ta’ Ġesù Kristu, permezz tal-Ispirtu s-Santu jqanqal dak l-istagħġib li jgħinna nimxu ‘l quddiem.

Il-veru protagonista ta’ dan kollu, tenna l-Papa, hu l-Ispirtu s-Santu.  Meta Ġesù jitkellem dwar twelid ġdid, irid ifissrilna li hu l-Ispirtu li jibdilna, li jiġi ħdejna kull fejn inkunu ninsabu, bħar-riħ: u nisimgħu leħnU. L-Ispirtu s-Santu biss jista’ jibdel l-atteġġjament tagħna, jista’ jibdel l-istorja ta’ ħajjitna.

Kien l-Ispirtu, żied jgħid, li ta lil dawn l-irġiel sempliċi u mingħajr skola, Pietru u Ġwanni, il-qawwa li jħabbru lil Ġesù Kristu sax-xhieda aħħarija: il-martirju.

Il-mixja tal-kuraġġ Nisrani hija grazzja mogħtija mill-Ispirtu s-Santu.  Hemm tant toroq li aħna nistgħu nieħdu, li jistgħu wkoll ituna ftit kuraġġ…  Ara ftit kemm għandu kuraġġ, x’deċiżjoni ħa!!  Ara ftit kif organizza l-affarijiet, kemm hu bravu!  Dan hu ta’ għajnuna imma huwa wkoll strument ta’ xi ħaġ’oħra li hi ferm akbar: l-Ispirtu.  Mingħajru ma nkunux nistgħu nagħmlu tant affaijiet, inwettqu tant ħidma.

Wara l-Għid, żied Franġisku, il-Knisja tħejjina biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu.   Għalhekk, temm b’din l-eżortazzjoni: Fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù nistgħu nfakkru l-istorja kollha tas-salvazzjoni u nitolbu wkoll il-grazzja li nirċievu l-Ispirtu biex itina l-veru kuraġġ li bih inħabbru lil Ġesù Kristu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading