It-Tmien Jum tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Minn Mons Ġużeppi Farrugia

IL-ĦAMIS TAL-EWWEL ĠIMGĦA

Mt 7,7-12 – Est 14,1.3-5.12-14

“Nitolbuk, Mulej, biex ħsiebna jkun dejjem f’dak li hu sewwa u nagħmluh bil-ħeġġa ta’ qalbna, biex aħna, li mingħajrek ma aħna xejn, iseħħilna ngħixu kif jogħġob lilek.”

[It-talba tallum tradizzjonalment issir fil-waqfa – statio –  ta’ San Lawrenz “in Panisperna”, knisja li tinsab ħdejn il-post fejn kien jinsab il-ħabs li fih inqafel mill-pagani l-proto-djaknu ta’ Ruma u minn fejn ittieħed fl-10 t’Awwissu 258 biex jinħaraq ħaj. Hi t-talba li nagħmlu llum fil-knejjes tagħna.]

It-talba tallum hi mibnija fuq il-prinċipju li “dak li hu sewwa” hu appuntu “l-ħajja li togħġob lil Alla”. Il-Knisja taf li biex nagħmlu dak li hu sewwa, biex fi kliem ieħor ngħixu ħajja li togħġob ‘l Alla, hemm bżonn li ħsiebna jkun hemm, li qalbna tkun imħeġġa, li l-għajnuna t’Alla nfittxuha u li nistinkaw biex “iseħħilna” nimxu fit-triq t’Alla. Dan hu impenn li jlaqqa’ flimkien il-ħsieb mal-qalb, u mal-memorja u mal-għemil estern appuntu biex nirrealizza ħajja li togħġob lil Alla.

Hu diffiċli li ngħixu ħajja li tkun togħġob ‘l Alla? Nagħmlu kuraġġ! Hi diġa’ ħajja mogħġuba minn Alla l-ħajja ta’ min jixtieq u qed jagħmel ħiltu biex jogħġob lil Alla. Imma konkretament x’għandna nagħmlu aktar? Forsi hemm xi lista ta’ regoli li għandna nobdu? Aktar minn lista ta’ regoli x’nobdu, għandna mudell xi nsegwu: Ġesù. M’għandniex dubju li Ġesù għex ħajja li togħġob lil Alla.

Jekk irridu nogħġbu lil Alla kulma għandna nagħmlu hu li nsiru nixbħu lil Kristu li għalih il-Missier qal: Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”. Jiġifieri: Kunu bħalu, u l-ħajja tagħkom tkun togħġobni. Grazzja u mpenn!

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: