IL-ĦAMIS TAR-RABA’ ĠIMGĦA
Ġw 5,31-47 – Es 32,7-14
“O Alla, inti tħobb is-safa u troddulna mill-ġdid jekk nitilfuh; mexxi lejk il-qlub tagħna
u ħeġġiġna bl-ispirtu qaddis tiegħek.”
[Li-“statio” tallum hu assenjat lil knisja, “San Martino ai Monti”, li oriġinarjament kienet telgħet f’post fejn, fil-bidu tas-seklu 4, il-kleru Ruman kien ħaraq il-kitbiet ta’ Arjanu kontra d-divinita’ ta’ Kristu. Tallum hi binja rinaxximentali li fiha ġew mgħaqqda żewġ knejjes rispettivament f’ġieħ San Silvestru, papa, u San Martin, isqof ta’ Tours.]
Fit-talba tallum il-Knisja xxandar verità importantissima: Alla jrid jiġbed il-qlub tagħna lejh. Għalhekk, Alla hu lest li jħeġġiġna bl-Ispirtu tiegħu u hu lest ukoll li jagħtina s-safa tal-moħħ u tal-qalb li għandna bżonn biex nimxu u naslu għandu.
Jonqos biss min-naħa tagħna li nitolbuh il-grazzja tas-safa, jiġifieri l-għajnuna tiegħu biex niżbarazzaw ħajjitna minn kulma jfixkilna milli naraw lil Alla u nimxu fl-imħabba tiegħu. Hu appuntu għalhekk li huma importanti l-għemejjel qaddisa ta’ żmien tar-Randan.
Ma ninsewx li kull talba hi ukoll impenn. Inkunu nidħku bina nfusna jekk nitolbu lil Alla jmexxi l-qlub tagħna lejh u mbagħad ma nagħmlux ħilitna biex nersqu lejn Alla.