Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia
IL-ĠIMGĦA TAR-RABA’ ĠIMGĦA
Ġw 7,1-2.10.25-30 – Għerf 2,1a.12-22
“O Alla, int ħejjejt għalina għajnuna xierqa biex nirbħu dejjem in-nuqqas ta’ ħila tagħna; agħmel li nilqgħu bil-ferħ il-frott tat-tiġdid tagħna, u bil-qawwa tiegħu, li taħdem fina, ngħixu ħajja tajba.”
[Il-waqfa penitenzjali tar-Rumani f’dan il-jum tar-Randan hi tradizzjonalment marbuta mal-knisja ta’ Sant’Ewsebju “all’Esquilino”. Ewsebju kien qassis Ruman li nqatel minn imperatur eretiku minħabba l-gwerra li għamel kontra l-ereżija Arjana li kienet tiċħad li Ġesu’ hu “Alla veru minn Alla veru”.]
L-iskop tar-Randan, fl-aħħar mill-aħħar, hu li nitgħallmu “ngħixu ħajja tajba”. Alla jrid jgħinna fl-akkwist ta’ dan il-għan, u għalhekk ħejja għalina dik li, fit-talba tallum, il-Knisja ssejħilha “għajnuna xierqa”. X’inhi din l-għajnuna xierqa?
Hija l-grazzja t’Alla, jiġifieri l-qawwa tas-sema li Alla jagħtina permezz tal-Knisja tiegħu, permezz tal-medjazzjoni u l-ministeru tagħha. Imma biex ikun jista’ jimliena bil-qawwa tas-sema, aħna rridu nneħħu minn ġo fina l-qawwa tax-xitan. U dan nagħmluh bit-talb, is-sawm, iċ-ċaħda tagħna nfusna, l-attenzjoni sħiħa biex naħarbu kull ħażen u nagħmlu t-tajjeb.
Bit-tiġdid tar-Randan, sostnuti mill-grazzja t’Alla, nistgħu niksbu ħafna frott ta’ tiġdid. Nitolbu lil Maria Addolorata – illum tibda s-“Settiena” tradizzjonali – sabiex tgħinna nħallu l-qawwa t’Alla taħdem fina u ngħixu kemm nistgħu “ħajja tajba”.