IT-TNEJN TAL-ĦAMES ĠIMGĦA
Ġw 8,1-11 – Dan 13,1-9.15-17.19-30.33-62
“O Alla, bi grazzja tiegħek li ma bħalha, aħna nistagħnew b’kull barka: agħtina li nwarrbu l-imgħoddi tagħna, u ninbidlu fi bnedmin ġodda, ħalli nitħejjew tajjeb għas-saltna glorjuża tas-sema.”
[It-tradizzjoni Rumana tar-Randan imiss teħodna fil-qasam ta’ Trastevere, sewwasew fil-bażilika ta’ San Krisogonu, suldat li miet martri taħt Djoklezzjanu f’Aquileia, l-Italja ta’ fuq. Hi knisja ħajja, ta’ fondazzjoni antiki ħafna u sallum ta’ valur storiku kbir. Tgħaqqadna, dil-waqfa wkoll, mal-Insara Rumani tal-qedem u ta’ żminijietna.]
Minn talba għal talba wasalna fl-aħħar ġimgħa tar-Randan, il-ġimgħa li ddaħħalna f’dik tal-festi solenni tal-Għid. Huma l-festi li jagħtuna “kull barka”: il-barka tal-ħelsien mill-imgħoddi midneb tagħna, il-barka tat-twelid ġdid għal ħajja ġdida u l-barka tal-mogħdija tagħna “għas-saltna glorjuża tas-sema”.
It-talba tallum, għalhekk hi sewwasew talba għal tliet grazzji li, jekk inkomplu ngħixu b’fedelta’ l-impenji tar-Randan, naqilgħuhom u nistgħu nibdew ingawduhom ġa minn issa.
Nitolbu, mela, illum, mal-Knisja, biex ma nitilfux il-ħeġġa għal dawk l-għemejjel li jgħinuna nitqaddsu: is-sawm li jħarriġna fis-sħuħija tar-rieda tagħna, il-karita’ li ġġagħalna ninsew lilna nfusna biex naħsbu f’min jeħtieġ l-għajnuna tagħna u t-talb veru, dak tar-ruħ, li jgħaqqad lil moħħ u l-qalb ma’ Alla. F’dawn il-proponimenti, ejjew nitolbu lil Marija Addolorata, tgħinna.