Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Fl-Ewkaristija Ġesù huwa ‘Alla magħna

Fl-Ewkaristija Ġesù huwa ‘Alla magħna


It-Tnejn 9 ta’ Jannar 2017, is-seminaristi Anton D’Amato u Bernard Micallef ingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Kappella tas-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kappella tas-Seminarju, Tal-Virtù.

Għeżież Anton u Bernard,

L-ewwel nett immaġinaw lil Ġesù jitħallat mal-folla, jidħol fil-kju ta’ dawk li kienu qegħdin jistennew biex jitgħammdu fil-Ġordan minn Ġwanni. Ma nafx jekk qatt rajtux il-film ‘Il Vangelo Secondo Matteo’ ta’ Pier Paolo Pasolini, imma f’din ix-xena – ħafna xeni fil-film jiġbidhom mill-bogħod u mill-għoli – li jimpressjonani hu dan, il-kju kbir tan-nies li qegħdin jersqu lejn Ġwanni l-Battista biex jgħoddoshom fix-xmara Ġordan, u Ġesù huwa wieħed minnhom. B’din ix-xena, Pasolini, bil-ġenju artistiku tiegħu jispjegalna xi tfisser li Alla jsir wieħed minna, isir bniedem. F’dik il-folla ta’ nies mil-Lhudija, Ġesù huwa wieħed minna, huwa tassew Għimmanu-El, Alla magħna, li jidħol fil-kju tal-midinbin u jistenna r-ritwal tal-purifikazzjoni, tal-indiema, mibdi minn Ġwanni.

Il-missjoni tiegħu kienet magħżula sa mill-ġuf, bħalma kien magħżul sa’ mill-ġuf l-isem tiegħu ‘Yohannan’, Alla ħanin. Dan il-profeta kbir, wieħed mill-ulied l-iżjed prominenti li twieldu min- nisa: “fost dawk kollha li twieldu minn nisa, ħadd ma deher bħal Ġwanni” (ara Lq 7, 28), dan il-profeta “il-vuċi fid-deżert” li tgħajjat “ħejju t-triq għall-Mulej’” (Mt 3, 3), fl-istess ħin għandu missjoni ta’ ħniena. Il-missjoni tiegħu li jindika lil dak li ismu wkoll ġie mxandar fil-ġuf bħala ‘Yeshua’, dak li se jġib is-salvazzjoni.

“Ħallik minn dan, għax hekk jixraq li nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu” (v.15). X’inhuwa dan is-sewwa li Ġesù jrid itemm b’dan il-ġest tiegħu? L-għorrief ewlenin tal-Knisja, meta jimmeditaw fuq dan l-avveniment li huwa l-bidu uffiċjali tal-ħidma u l-missjoni pubblika ta’ Ġesù, jgħidu “Il-Mulej ried jinżel fl-ilma tal-indiema u jerfagħna ’l fuq miegħu”. Din hija s-sewwa. Minħabba li l-ilma huwa rappreżentat b’mod pjuttost negattiv fit-tradizzjoni Bibblika, Ġesù jagħti dinjità ġdida lil dan l-element negattiv, lill-ilma jagħmlu u jagħtih il-qawwa li tassew inaddaf. Illum li qed niċċelebraw, il-Knisja fil-liturġija tagħha, “l-għejun tal-ilma jaqbżu bil-ferħ u jifirħu għaliex l-Iben t’Alla niżel fix-xmara u ppurifika l-ilmijiet kollha”.

Dan l-avveniment huwa wkoll il-mument fejn aħna, waqt li qed nammiraw dan l-avveniment, niltaqgħu ma’ Alla l-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ilbieraħ iċċelebrajna l-Epifanija, illum niċċelebraw Teofanija, din l-esperjenza ta’ Alla l-Missier li jgħid: “dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi” (v.17), tal-Iben, li huwa ddikjarat Iben u għalhekk Alla la għandu Iben huwa ddikjarat Missier, u tal-Ispirtu Qaddis li jinżel fuq l-Iben “qisu ħamiema”.

Illum ukoll il-ħamiema fuq l-ilmijiet ixxandar il-paċi u r-rikonċiljazzjoni bħalma kienet għamlet wara d-dulluvju. Il-ħamiema li telaq Noe, u l-ewwel ġiet lura, imbagħad reġgħet ġiet lura, imbagħad ma ġietx lura, qaltlu issa sibt fejn immidd riġlejja. Imma dik il-ħamiema tar-rikonċiljazzjoni li hija sinjal ta’ paċi f’ħafna kulturi u llum ukoll l-Ispirtu saret forma ta’ ħamiema, biex iħabbar li fuq l-ilmijiet illum ukoll hemm sinjal ta’ rikonċiljazzjoni. Hemm ukoll il-qawsalla – “dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi”.

Aħna nagħmlu din l-esperjenza teofanika f’kull Ewkaristija. F’kull Ewkaristija l-Missier jibgħat l-Ispirtu qaddis tiegħu u jittrasforma l-offerti fqajra tagħna fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu. F’kull quddiesa l-Missier iħares lejn l-Ewkaristija u jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi”. Aħna wkoll inħarsu lejn l-Ewkaristija u ngħidu: “dan hu Ġesù, fih insibu l-għaxqa tagħna”. Il-ġakulatorja: “O Ġesù Ewkaristija, kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha” hija talba li b’xi mod tfisser: ‘agħmel li l-qalb tiegħi, O Missier tħabbat ħal tiegħek, li meta jiena nħares lejn Ġesù fl-Ewkaristija, ngħid “dan huwa l-għaxqa tiegħi”.

Din is-sejħa li intom qed tirċievu, għeżież Anton u Bernard, fl-Akkolitat, li jikkonfermakom li inti dixxipli għax il-kelma akolouthos hija li timxi wara xi ħadd. L-akkoliti huma dawk li jsegwu ċ-ċelebrant u f’dak kollu li għandu bżonn. Intom dixxipli, intom se tirċievu din il-missjoni li tippreparakom ħafna mill-qrib għas-saċerdozju, għax l-Isqof f’isem il-Knisja llum se jgħidilkom biex ħajjitkom tkun tixraq lill-Ewkaristija li se taqdu fuq l-artal. Ftakru li fl-ordinazzjoni presbiterali, l-Isqof se jgħidilkom biex tfasslu ħajjitkom fuq il-misteru tal-salib tal-Mulej u biex tilqgħu l-offerta qaddisa tal-poplu ta’ Alla. Dan biex tifhmu sewwa dak li qegħdin tagħmlu, biex tfasslu ħajjitkom fuq dak li tiċċelebraw illum bi preparazzjoni għal dak il-mandat kbir li jibdilkom minn ġewwa, qegħdin tiġu ppreparati biex tieħdu fuqkom ir-responsabbiltà li ħajjitkom tkun ħajja ewkaristika, ħajja ta’ tifħir, ‘ewkaristo’, jiena nirringrazzja li tkun offerta. Illum ukoll huwa antiċipazzjoni tas-sejħa għaċ-ċelebat, imma l-akkolitat jgħallimkom li, għalkemm intom żgħażagħ, għalkemm intom m’intomx denji, xorta għandkom dan l-ideal qawwi li permezz tal-ħniena tal-Mulej, permezz tal-istess Ewkaristija, intom ssiru inqas indejni u iżjed denji.

Ejjew illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan Ġesù, li ma jiddejjaqx ikun Għimmanu-El, Alla magħna. Din il-ħaġa aħna niċċelebrawha u nadurawha fl-Ewkaristija. Fl-Ewkaristija Ġesù huma l-Għimmanu-El, huwa Alla magħna u allura jekk huwa Alla magħna, qiegħed fil-kju tal-midinbin biex jinżel fl-abbiss tad-dgħufija u jtellagħna miegħu, huwa Alla magħna fl-Ewkaristija fejn jieħu l-offerta fqajra tagħna u jibdilha fih, issir Hu. Jalla jkollkom il-grazzja, għeżiez Anton u Bernard, li timmeditaw fuq dan il-misteru kbir, intom issiru ministri straordinarji tat-tqassim tal-Ewkaristija, qaddejja tal-artal u hekk tippreparaw ruħkom biex l-ispiritwalità tal-Ewkaristija ssir għalikom nifs ta’ ħajjitkom, it-taħbita ta’ qalbkom, il-fokus ta’ ħsibijietkom u tal-għemil tagħkom.

Illum ukoll fuqkom il-Mulej jgħid: “dan hu ibni l-għażiż”, imma fuq Ġesù jgħid: “dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” għaliex din it-teofanija terġa tirrepeti ruħha fuq it-Tabor, u dak il-Ħadd dakinhar il-Mulej jgħidilna: “isimgħu lil Ġesù Alla, fl-Evanġelju tal-llum għażlu bħala qaddej magħżul u midluk, il-Kristos tiegħu. It-Tabor hija wkoll antiċipazzjoni tal-qawmien mill-imwiet, jgħidilna biex nisimgħuh. Il-Katekiżmu jgħid li l-Magħmudija hija sagrament tal-ewwel tiġdid tal-Magħmudija u t-Trasfigurazzjoni hija s-sagrament tal-qawmien mill-imwiet. Dawn jingħaqdu flimkien bħala esperjenza tas-sbuħija ta’ Ġesù, li kontinwament jerfagħna miegħu biex idewwaqna l-glorja li qiegħda tistenniena. Jalla kull min jiltaqa’ magħkom ikollu togħma bnina tal-missjoni sabiħa ta’ Ġesù, tal-qalb ħanina tiegħu li turi ruħha fil-misteru tal-Ewkaristija.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: