Morali li ma ssaħħanx, il-bard aħjar minnha

Is-Sibt, 14 ta’ Jannar 2017: Diskors tal-Awguri tas-Sena l-ġdida mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex lill-kleru. Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria.

Diskors mill-E.T. Mons. Mario Grech

Għadna qegħdin nomogħdu u nixtarru l-Eżortazzjoni Appostolika Amoris lætitia, partikularment Kapitlu VIII, li fih il-Papa Franġisku mhux biss jippreżentalna diskors minsuġ b’punti ewlenin tat-Teoloġija Morali, imma jesprimi wkoll il-ħtieġa li l-Knisja tagħmel tiġdid pastorali tal-istess Teoloġija Morali billi żżomm quddiem għajnejha d-dixxerniment kollu ħniena. Il-Papa jgħid li “mqar jekk hu minnu li jeħtieġ ngħożżu l-integrità tat-tagħlim morali tal-Knisja, dejjem irridu nfittxu b’mod speċjali li nuru u ninkuraġġixxu l-valuri l-iżjed għolja u ċentrali tal-Evanġelju, partikularment il-primat tal-karità, bħala tweġiba għall-inizjattiva ħielsa tal-imħabba ta’ Alla. Għax xi drabi jiswielna ħafna li fil-pastorali tagħna nagħtu wisa’ lill-imħabba bla kundizzjonijiet ta’ Alla. Tant nagħmlu kundizzjonamenti għall-ħniena, li nbattluha mit-tifsira konkreta tagħha u mis-sens veru tagħha, u dan hu l-agħar mod kif inkunu nġibu fix-xejn l-Evanġelju” (AL 311). Liġi morali li ma tkebbisx il-qalb tal-bniedem tfakkarni fil-qawl li jgħid li “xemx li ma ssaħħanx, il-bard ta’ Jannar aħjar minnha”.

Dawn il-premessi jħarsuna “milli niżviluppaw morali kiesħa tal-iskrivanija meta niġu biex nittrattaw it-temi l-iżjed delikati, u pjuttost iqegħduna fil-kuntest ta’ dixxerniment pastorali mimli mħabba ħanina, li dejjem issibha lesta tifhem, taħfer, issieħeb, tittama, u fuq kollox tintegra. Din hi l-loġika li għandha tirbaħ fil-Knisja, biex ‘nagħmlu l-esperjenza li niftħu qalbna għal dawk kollha li qed jgħixu fl-iżjed periferiji eżistenzjali differenti li jeżistu’. Nistieden lill-fidili li qed jgħixu sitwazzjonijiet imqallba biex jersqu bil-fiduċja lejn kollokju mar-Ragħajja tagħhom u ma’ lajċi li ddedikaw ħajjithom lill-Mulej. Mhux dejjem se jsibu fihom konferma tal-ideat u tax-xewqat tagħhom, imma żgur sa jirċievu dawl li jgħinhom jifhmu aħjar dak li għaddejjin minnu u jkunu jistgħu jiskopru mixja ta’ maturità personali. U nistieden lir-Ragħajja jisimgħu bi mħabba u serenità, bix-xewqa sinċiera li jidħlu fil-qalba tad-dramma tal-persuni u jidħlu fiż-żarbun tagħhom, ħa jgħinuhom jgħixu aħjar u jagħrfu x’inhu posthom fil-Knisja” (AL 312).

Jgħarrilna qatigħ jekk naħsbu li hawnhekk għandna impostazzjoni laxka tat-Teoloġija Morali! Niftakru li l-proposta morali Alfonsjana proprju sserraħ fuq dan il-prinċipju ta’ dixxerniment pastorali animat bi mħabba miżerikordjuża li dejjem lesta li “tilqa’” lill-bniedem. Għal San Alfons, it-Teoloġija Morali tagħmel parti minn proġett aktar wiesa’ ta’ evanġelizzazzjoni missjunarja li tilħaq lil min hu abbandunat: il-konfessur jidħol fl-istorja ta’ dak li jkun, jisimgħu, jgħinu jikkonfronta ħajtu mal-Evanġelju, u jakkumpanjah b’ħafna sabar b’tali mod li ma jgħakksux għax huwa dgħajjef imma jiddisponih biex din id-dgħufija tissaħħaħ bil-qawwa tal-copiosa redemptio. Hawnhekk naqra wkoll dak li qed jgħidilna l-Papa Franġisku: it-tiġdid fit-Teoloġija Morali propost fl-Amoris lætitia jinkwadra fl-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-Vanġelu fejn il-Papa jipproponi Knisja missjunarja.

Għal San Alfons l-applikazzjoni tal-liġi tal-gradwalità li tirrispetta l-istorja konkreta ta’ dak li jkun u għalhekk id-dgħufija tiegħu, hija linja-gwida li għandha tmexxi l-ministeru tagħna: “It-twissija, jiġifieri dik li tiftaħ lill-penitent għall-verità, dejjem għandha ssir bħalma jagħmel ‘tabib’. Hekk kif it-tabib ma jistax jillimita ruħu biss għall-preskrizzjoni ta’ mediċina li tikkorrispondi għall-marda tal-pazjent, imma għandu jindikalu wkoll id-doża li tagħmilha tiswa għall-marid, hekk il-konfessur għandu jinkarna l-verità fid-dgħufija tal-penitent b’mod li tirriżulta tassew effikaċi”.

Għal min tħarreġ fit-Teoloġija Morali b’impostazzjoni rigoruża, ikun interessanti naqraw x’jikteb San Alfons de Liguori li wkoll kellu formazzjoni fit-Teoloġija Morali b’taglio rigido u eżerċita l-ministeru tiegħu f’kuntest ta’ pastorali riġida. San Alfons jistqarr li kien il-kuntatt tiegħu man-nies permezz tal-appostolat waqt il-Missjonijiet popolari fost il-foqra li wasslu biex skopra l-benignitas pastorali: “Waqt il-missjoni sirna nafu li la sentenza benigna kienet aċċettata minn ħafna persuni onesti u għorrief. […] Fl-istess waqt skoprejna li la sentenza rigida mhux biss kellha ftit sostenituri – u dawn aktar kienu moħħhom fl-ispekulazzjoni milli biex jisimgħu l-qrar – imma kienet ukoll ftit probabbli… u miżgħuda b’diffikultajiet, tbatija u perikli. Għall-kuntrarju deher ċar li la sentenza benigna kienet aċċettata komunement, kienet wisq aktar probabbli mill-oħra, anzi probabilissima, u skont oħrajn, mhux mingħajr fundament serju, kienet moralment ċerta”. Kien effett ta’ din il-konverżjoni, li personalment għandi ħjiel tagħha, li mbagħad San Alfons żviluppa t-Teoloġija Morali tiegħu li mhux biss hija prattika imma salvificamente pratica.

Flimkien mal-kontemporanju tiegħu San Franġisk de Sales, San Alfons jgħid li l-uffiċċju tal-konfessur huwa l-aktar importanti u l-aktar diffiċli minn kollha. Fi kliemu, “ix-xjenza tal-morali hija diffiċli għax titlob l-għarfien ta’ kważi x-xjenzi u l-arti l-oħra kollha. Dan għaliex normalment il-morali tinkludi ħafna liġijiet pożittivi li wieħed irid japplika skont interpretazzjoni ġusta. Kull waħda minn dawn il-liġijiet issir diffiċli ħafna minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każijiet. Għalhekk mhux possibbli li wieħed jieqaf fil-prinċipji ġenerali tal-morali biex isolvi l-każijiet partikulari kollha. Mhux qed ngħid li ma għandniex bżonn tal-prinċipji ġenerali biex insolvu l-każijiet; imma hawn hija l-ikbar sfida: biex wieħed japplika l-prinċipji li jaqblu mal-każijiet partikulari. Imma dan ma jistax isir jekk mhux billi tiżen il-motivi ta’ naħa u tal-oħra” (Prattica del confessore).

Kliem għaref dak li jikteb il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika Spiritus Domini biex ifakkar il-mitejn sena mill-mewt ta’ San Alfons. Filwaqt li jippreżenta lil San Alfons bħala wieħed li ġedded il-morali, jikteb: “Dwar ir-rigoriżmu li spiss jitħaddem fis-Sagrament tal-Penitenza, li hu kien isejjaħ ‘ministeru ta’ grazzja u ta’ maħfra’, kien spiss itenni: ‘Kif il-laxkezza, fis-smigħ tal-qrar, tirvina l-erwieħ, hekk ukoll hi ta’ ħsara kbira għalihom ir-riġidità… Mal-midinbin hemm bżonn tal-karità u l-ħlewwa: dan kien il-karattru ta’ Ġesù Kristu. U aħna, jekk irridu nwassalu l-erwieħ għand Alla u nsalvawhom, lil Ġesù Kristu u mhux lil Ġansenju rridu nixbhu, li  hu l-kap tal-missjunarji kollha’. U fl-akbar opra tiegħu tal-morali kiteb, fost l-oħrajn, dawn il-kelmiet tal-għaġeb: ‘Hi ħaġa ċerta, jew li għandha titqies b’ċerta… li l-bnedmin m’għandhomx jiġu imposti bi ħwejjeġ taħt ħtija gravi, sakemm ma jkunx hemm raġuni ċara li tissuġġerixxi dan… Meta tqis id-dgħufija attwali tal-kundizzjoni umana, mhux dejjem huwa minnu li iktar hu żgur li turi lill-erwieħ it-triq l-iżjed dejqa, meta naraw li l-Knisja kkundannat tant il-laxkiżmu u tant ieħor ir-rigoriżmu’”.

Konfessur tajjeb mhux biżżejjed li jkollu manwal bil-liġijiet morali u l-liġi kanonika, imma jrid ikollu l-arti kif jipproponi l-verità u jistenna l-kuxjenza tal-penitent tagħmilha tagħha. Għax kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “il-bniedem jagħraf u jifhem l-amar tal-liġi divina bl-għajnuna tal-kuxjenza tiegħu. Hu għandu jimxi magħha bil-fedeltà fil-ħidma tiegħu sabiex jasal għand Alla” (Dignitatis humanæ, 3). Ma jiswiex li “aħna nippretendu li nistgħu nimponu normi bl-id qawwija tal-awtorità. Hu mitlub minna sforz iżjed responsabbli u ġeneruż li jikkonsisti f’li nagħtu r-raġunijiet u l-motivazzjonijiet tal-għażla tagħna favur iż-żwieġ u l-familja, biex hekk l-oħrajn ikunu iżjed disposti li jwieġbu għall-grazzja li Alla qed jagħtihom” (AL 35). Din hija impostazzjoni perfettament Tomista, għax kif jgħid San Tumas, att ta’ fidi mingħajr intellectus fidei lanqas biss huwa att uman. Ma għandniex nibżgħu nħallu spazju lill-kuxjenza tal-penitenti “li ħafna drabi minkejja l-limiti tagħhom xorta jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-Evanġelju u jafu jwettqu d-dixxerniment personali tagħhom imqar f’sitwazzjonijiet fejn l-iskemi kollha jitfarrku. Aħna msejħin niffurmaw il-kuxjenzi u mhux neħdulhom posthom” (AL 37).

Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet familjari kumplessi l-Knisja qed toffrilhom “mixja ta’ tisħib u ta’ dixxerniment li torjenta lil dawn il-fidili biex jagħrfu fil-kuxjenza tagħhom u quddiem Alla l-qagħda li jinsabu fiha. Il-kollokju mas-saċerdot, fil-foro interno, jgħin biex jissawwar ġudizzju korrett fuq dak li qed ixekkel il-possibbiltà ta’ sehem iżjed sħiħ fil-ħajja tal-Knisja, u fuq il-passi li jistgħu jiffavorixxu u jsaħħu din il-parteċipazzjoni” (AL 300). Il-Linji-gwida li aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex tajna dan l-aħħar huma maħsuba bħala għodda għal dan il-kollokju.

Ma jfissirx li l-Eżortazzjoni u l-Linji-gwida ma jirrikonoxxux il-valur u l-ħtieġa tan-norma, imma mmorru ’l hinn minn hekk. Il-liġi hija neċessarja imma għandha l-limitazzjonijiet tagħha, peress li fil-formulazzjoni ġenerika tagħha ma tħaddanx is-sitwazzjonijiet partikulari kollha. Għalhekk il-Papa qed jurina li l-liġi, peress li hija astratta, ħafna drabi mhix biżżejjed biex twieġeb għas-sitwazzjonijiet kumplessi tal-ħajja. Għalhekk huwa meħtieġ id-dixxerniment biex il-bniedem ikun jista’ jsib relazzjoni bejn in-norma u l-libertà, bejn il-liġi u l-kuxjenza.

Id-dixxerniment personali altru li mhux eżerċizzju fl-astratt, għax ma jistax ma jqisx l-istorja tal-individwu. Permezz tad-dixxerniment il-persuna tfittex taqra l-istorja tagħha fid-dawl tar-rieda ta’ Alla bili tikkonfronta ruħha mal-Kelma u l-Maġisteru tal-Knisja. Alla jagħmel is-sejħa tiegħu fil-ġrajja konkreta u d-dinamiżmu interjuri tal-persuna. Alla ma jehdiex juri li jħobb ukoll fejn hemm id-dgħajjef u l-hekk imsejjaħ irregolari. Ir-realtà hija ogħla mill-idea. Id-dixxerniment jagħti l-libertà lill-persuna li tfittex dawk il-mezzi li jgħinuha tgħix dak li temmen fil-kuxjenza taghha. “Il-kuxjenza tal-persuni għandu jkollha sehem akbar fil-prassi tal-Knisja f’ċerti sitwazzjonijiet li ma jwettqux oġġettivament dak li aħna nifhmu bħala żwieġ… Din il-kuxjenza tista’ tagħraf mhux biss li hemm qagħda li mhix twieġeb oġġettivament għall-proposta ġenerali tal-Evanġelju; tista’ tagħraf ukoll b’sinċerità u onestà dik li għall-mument ta’ issa hi t-tweġiba ġeneruża li tista’ toffri lil Alla, u tiskopri b’xi ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qed jitlob minnha qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, anki jekk dan għadu mhux l-ideal oġġettiv sħiħ” (AL 303). Bħala eżempju konkret ta’ dan, l-AL issemmi lil dawk li “huma konvinti fil-kuxjenza tagħhom li ż-żwieġ ta’ qabel, imfarrak għalkollox, qatt ma kien validu” (298).

Huwa fatt li l-AL toffri reviżjoni dwar kif aħna nħarsu lejn il-kuxjenza li pjuttost konna diffidenti quddiemha. Ma nsejjaħlux tagħlim ġdid, imma rġajna sibna mill-ġdid tagħlim akkwiżit imma ttraskurat. Biżżejjed insemmu dak li jgħid San Alfons dwar il-kuxjenza: “aditus ad universam morale Theologiam”. Il-kuxjenza mhix meqjusa bħala kontejner li fih nistivaw in-normi elaborati fl-uffiċċji ekkleżjastiċi; għall-kuntrarju, illum il-Knisja qed tesprimi fiduċja fil-kuxjenza onesta tal-Insara, u fejn qabel kienet il-kuxjenza ekkleżjali li tifforma l-kuxjenza tal-individwi, illum huwa possibbli wkoll li l-kuxjenza tal-individwi tikkontribwixxi biex tissawwar il-kuxjenza ekkleżjali, ladarba huma dixxipli ta’ Kristu u għandhom l-esperjenza tal-laboratorju tad-dinja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading