Tgħallimni!


Patri Mario Attard OFM Cap

Fil-ħajja uħud mill-persuni huma tabilħaqq riżorsi. Mhux l-għaliex il-ħajja tidħkilhom tafux! Anzi! Il-ħajja taf tkun ħafna iebsa magħhom. Madankollu, huma jitfgħu rashom hemm u jibqgħu jaqdfu. Minkejja l-irjieħ li jonfħu f’wiċċhom u kontra tagħhom!

Hija ż-żgħira. Minn tlett ibniet. Suppost, almenu aħna bil-Malti, ngħidulha l-fessuda. Mela ċ-ċentru tal-attenzjoni. Iżda, fil-każ tagħha, dan qatt ma seħħ. Meta oħt ommha spiċċat mardet bl-alzheimer, ommha ħassitha fid-dmir li tieħu ħsieb oħtha, xebba. Dan kien ifisser li kellha tqatta’ perjodi mhux ħażin ‘il bogħod minn darha. Għalhekk, din il-povra mara, sa minn età daqshekk tenera, kellha tqatta’ ħajjitha ‘il bogħod mill-kura ta’ ommha.

Imnalla kien hemm oħtha l-kbira li, bi grazzja mill-Mulej, daħlet għaliha u kienet it-tieni omm għaliha hi. Mela, jekk kienet tmur l-iskola araha tmur twassalha u ġġibha lura hi. Kienet toħroġha hi. Issajrilha hi. Titkellem magħha hi. Sal-punt li, għal din it-tifla, ommha kienet oħtha l-kbira.

It-tifla minn dejjem kienet intelliġenti. Moħħha jixrob mill-ewwel. Id-dar dejjem kienet bil-kotba f’idejha, tistudja. Meta bdiet titfarfar riedet titgħallem aktar. Għalhekk applikat biex tidħol fl-università tal-belt fejn kienet toqgħod. Fil-passat l-isem tal-università ta’ beltha kien magħruf ma’ pajjiżha. Fil-fatt, minn din l-università kienu ħarġu l-aqwa ġuristi tan-nazzjon tagħha. Madankollu ġara li, minħabba għadd ta’ raġunijiet, l-università ta’ beltha tant kemm marret lura bħall-granċ li l-unika ħaġa li kien fadlilha tagħmel kienet li taqbad l-ajruplan u titrasferixxi l-istudji tagħha fil-belt kapitali ta’ pajjiżha.

Hemmhekk, fost ħafna sagrifiċċji, seħħilha tiggradwa fil-letteratura. U, illum, spiċċat waħda mill-ħafna ġurnalisti li joffri pajjiżha. Is-sitwazzjoni tax-xogħol f’artha m’hijiex daqshekk tajba. Għalhekk kellha tikkuntenta ruħha tgħallem lit-tfal. Għal darb’oħra kellha titrasferixxi ruħha f’belt oħra u tagħraf tikkuntenta ruħha b’appartament ċkejken, basta taqla’ l-ħobżna ta’ kuljum.

Il-ħajja ta’ din il-mara żgħażugħa hija ikkaratterizzata minn sfidi kontinwi li għaddejja minnhom. Issa hawn u mbagħad hemm. Mela dejjem f’moviment. Biss, minkejja daqshekk sfidi, hija qatt ma qatgħet qalbha. Anzi! Issuktat tbaħħar. U dejjem tbaħħar ‘il barra! Mingħajr ma tieqaf!

Din l-esperjenza turini kemm fil-ħajja m’għandna għalfejn naqtgħu qalbna qatt! Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li rrid nħabbtu wiċċna magħhom. Veru, il-ħajja mhux faċli. Biss, irrid niffissa ħarsti lejn id-destinazzjoni li fiha irrid nasal. U ejja nrabbi fija l-attitudni li fil-ħajja jiena dejjem rebbieħ u rebbieħa! Inkluż meta, ta’ bniedem u bniedma, niżbalja. L-importanti hu li nammetti u nara f’hiex nista’ nikber u nirranġa dak li ma nkunx għamilt sewwa.

Ħajjet din il-mara tfakkarni f’xi ħaġa li kien għallimni s-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM, Victor Delicata, meta qalli: “Vapur mhuwiex mibni biex jibqa’ imkennen fil-port iżda biex ibaħħar fil-wesgħat tal-ibħra”. Kemm hu importanti li jkollna l-kuraġġ li nbaħħru fil-wesa’ tal-ibħra tal-ħajja. U mhux nibqgħu magħluqa fil-mentalità tagħna!

Personalment il-fidi Kattolika toġgħobni immens. Hija l-istess ħajti! It-teżor li l-Mulej tani! U niddefendiha b’qalbi kollha! B’daqshekk imma ma jfissirx li ma ninteressax ruħi dwar x’jaħseb ħaddieħor. U x’jemmen ħaddieħor. Tiskanta kemm, meta ninfetħu għall-oħrajn, tgħidx kemm nitgħallmu minnhom. Inklużi nies ta’ reliġjonijiet oħra li, b’sinċerità u mhux bħala protesta jew rejazzjoni irrabjata għax ġew maqrusa, jħaddnu b’konvinzjoni l-valuri tagħhom.

Għax dan hu li tgħallimni din il-mara żgħażugħa: interessa ruħek f’kollox. U, ħabibi San Pawl, jorqomli l-kumplament f’din il-biċċa għerf tal-ħajja: “Ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen” (1 Tess 5:21-22). Imbagħad jagħlaq hekk: “U Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu” (1 Tess 5:23).

Għax tassew, meta ma naqtax qalbi, meta nibqa’ għaddej u għaddejja, meta, wara li nkun ippruvajt kollox it-tajjeb inkun żammejtu u l-ħażin warrabtu, x’jonqosni aktar għajr il-barka tal-qdusija? Bħalma nemmen li miexja lejha din il-mara żgħażugħa?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: