Il-kunjata


Patri Mario Attard OFM Cap

Il-kunjata! Omm ir-raġel. Omm il-mara. Li fuqha, tista’ tgħid f’kull ilsien taħt ix-xemx, hemm xi ċajta marbuta magħha. U, dak li jkun arah jidħakha. Forsi l-għaliex biha jkun irid iwassal xi messaġġ ukoll!

Kunjati hawn minn kull tip. Żgħar. Naqra ikbar. U kbar ukoll fiż-żmien. Iva, jeżiżtu kunjati mdaħħlin sewwa fiż-żmien. Uħud minnhom huma luċidi. U, fuq xejn, jaqbdulek parlata sħiħa. Jeżiżtu oħrajn li huma, kemxejn, mistħijin. U, msieken, is-skiet tagħhom jew jittieħed bi strambizza inkella b’tattika. Ġieli sibt min qalli fuq il-kunjata tiegħu u tagħha: “Dik għax ma tafhiex Patri!” (Mt 6:4). Diskors bħal dan nippreferi inħallih għall-Imħallef Suprem. Dak “li jara dak li hu fil-moħbi”. U għalhekk ħa jagħmel il-verdett aħħari Hu x’kull waħda!

Imma hawn kunjati tassew bil-għaqal. Tajbin u li jibżgħu għall-familja ta’ wliedhom. Hawn kunjati li, letteralment jissallbu, anki jekk issa m’għadhomx ta’ xi tletin. Arahom, jissallbu! Basta jgħinu lil uliedhom. Kemm nifraħ meta nisma’ l-istejjer ta’ dawn il-kunjati qalbiena! Kunjati li fehmu li biex binhom jew binthom jseħħlu u jseħħilha tibda’ taqta’ dawk il-loans hemm bżonn li joħroġ u toħroġ taħdem. Imma kif toħroġ taħdem meta hemm it-tfal żgħar? Imma, dawn il-kunjati, minflok li ħaslu idejhom bħal Pilatu, arahom jidħlu għal din il-biċċa xogħol b’ħafna ferħ. U bi pjaċir! Ejjew aħna, li qiegħdin niġu moqdijin mill-kunjati, napprezzaw x’inhuma jagħmlu magħna. Il-kunjati jagħmlu sagrifiċċji kbar biex lilna jaqduna. Jgħinuna. Ikunu ta’ spalla għalina. Ilkoll nafu li t-tfal jibqgħu tfal. Mimlija enerġija. U m’hijiex faċli li tikber fiż-żmien u jkollok tieħu ħsieb it-tfal żgħar. Qisek ħa terġa’ tibda’ trabbi. Dawn il-kunjati ma joqgħodu jaraw xejn għajr il-ġid tal-familja ta’ binhom jew binthom. Mela, lil dawn il-kunjati, ngħidulhom minn qalbna GRAZZI! Għaliex intom benefatturi kbar tas-soċjetà tagħna! Intom żammejtu magħkom, għal sigħat twal mill-ġurnata, lin-neputijiet tagħkom sabiex tagħtuhom imħabbitkom li hija insostitwibbli.

Imbagħad hemm il-kunjati li tgħidx kemm jibilgħu ilsienhom biex fil-familja iġibu l-paċi. Hemm dik il-kunjata li lesta taqla’ fuq wiċċha basta tibqa’ sewwa ma’ żewġ bintha jew mart binha. Għax dik il-kunjata, għaliha, il-ħajja mhux li jkollok toqol fuq l-istonku u taqbad u tarmieh fejn issib. Ma min ġie! In-nies l-oħra m’humiex miżbla tal-ħmieġ tiegħi. Mela, jekk jien irrabbjat jew irrabjata ma nistax le ninfexx f’xi ħadd. Dak mhux il-miżbla tiegħi. Dak persuna. U dan, l-għaliex dawn il-kunjati jaħilfu bih, arahom jibkulek xi bikja waħedhom. Inkella jitħaddtu ma’ żwieġhom. Jekk dejjem jistgħu u l-affarijiet ma jiġux aktar agħar. Interessanti mbagħad li ssib dawk il-kunjati, u f’pajjiżna, għall-grazzja ta’ Alla, kbir huwa n-numru tagħhom, li jitolbu. Kif jafu. Ġieli jaqbdu dik il-kuruna u jitolbulek il-Kurunella tal-Ħniena Divina jew ir-Rużarju. Inkella jitolbulek xi ġakulatorja bħal: Ġesù, f’idejk nafda lill-familja tiegħi. Jew, hemm minnhom, li huma tant u tant għaqlin, li jmorrulek f’xi Kappella tal-Adorazzjoni lil Ġesù Sagramentat u hemm iferrgħu l-inkwiet tagħhom quddiemu. Sintendi hemm min ikellem lil xi Patri jew Qassis fil-qrar jew f’xi counseling session. U hemm min jiżvoga mal-ħbieb jew ifittex xi psikologu.

Dawn il-ħsibijiet juruna li f’pajjiżna ma jeżiżtux biss dawk il-kunjati li jkesksu lil bint kontra żewġha. Jew lil iben kontra martu. Lanqas ma jeżiżtu dawk li jieħdu minn ras in-neputijiet tagħhom bil-għan li jsibu modi ġodda kif ħa jindaħlulhom ħa jisfrattawlhom il-familja tagħhom. Ma jeżiżtux biss dawk il-kunjati li lanqas lit-tfal ta’ uliedhom ma jridu jaraw jew l-għaliex ippreferew ulied it-tifel aktar minn tat-tifla inkella għamlu boycott u nies iżjed id-dar ma jridux. Fl-aħħar nett, ma jeżiżtux biss il-kunjati li, minflok bierku lill-familja ta’ wliedhom irrikorrew għas-saħta u l-magħmul biex jagħmlulhom vendetta.
Minn naħa l-oħra ejjew napprezzaw il-fatt li l-kunjata għadha ħajja. Meta uliedna tridhom igawduha? Meta tmut? Għalhekk ejjew nagħmlu ħin u immorru inżuruha. Jekk qiegħdha d-dar tagħha inkella f’Dar tal-Anzjani, qiegħdha fejn qiegħdha, il-preżenza tagħha qed isejħilna biex nieħdu lil uliedha magħna ħa jarawha.

U, biex ma ninsiex, ejjew nieħdu ħajjitna bis-serjetà billi nsewwu l-firdiet ta’ bejnietna. Kif nista’ jien, ir-raġel jew il-mara, inwaqqaf lil marti jew lil żewġi milli iżur lil għażiża ommu u lil għażiża ommha? X’ġid inkun qed nagħmel, għall-familja tiegħi stess, jekk dħalt fi gwerra mal-parter tiegħi għax jien kontra ommu u ommha? U, fuq kollox, x’ġid qed nagħmel lill-istess uliedi, u lili stess, meta ntellagħhom f’tant rabja kontra n-nanna? Meta, jekk Alla jrid, nixjieħ jien, x’taħsbu li dawn it-tfal se jagħmluli? Tgħid ma jiftakrux fil-mod kif ġibt ruħi man-nanniethom? Omm marti u omm żewġi? Tgħid ma nkunx qed nirriskja li, bl-imġieba belha tiegħi, inkun qed inħajjarhom jiena stess biex ikunu ostili lejja? U jien niflaħ immut miġġieled minn mal-għeżież uliedi? Lest li ngħaddi għad-dinja l-oħra mingħajr ma nara lil wiċċhom?

Fl-aħħar nett nixtieq insellem minn qalbi lil sezzjoni oħra tal-poplu tagħna, jiġifieri lil dawk in-nies li lill-kunjata mhux biss ma ħelsux minnha meta xjaħet talli laqgħuha f’darhom u ħadu ħsiebha sal-aħħar. Lil dawn l-eroj niżżiehom ħajr li qed jagħtuna eżempju kbir u mill-aqwa biex lill-anzjani tagħna, sakemm dejjem huwa possibbli, inħalluhom jgħixu magħna sal-aħħar. B’dan il-mod inkunu qed nuru li l-progress f’pajjiżna huwa tassew sħiħ. L-għaliex jagħmilna aktar solidali lejn il-batut. Ibda’ mill-familjari tagħna stess.

Grazzi kunjata li int kunjata. Ibqa’ ħobb! Kun ġeneruża! Għidha kelma għall-ġid. Imma tindaħalx! U, importanti ħafna, qabel tgħid kelma qisha u erġa’ qisha. Grazzi kunjat!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: