Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Hemm x’għandek?

Hemm x’għandek?


Patri Mario Attard OFM Cap

Ġieli nkun għaddej miexi. Min iwaqqafni minn hawn u min minn hemm. Ħafna iwaqqfuni l-għaliex jarawni fuq it-televiżjoni. Għalkemm ħbieb qatt ma nrexxieli s’issa nitla’ fuqu! L-għaliex naqsmu żgur bil-piż!

Intant! U, ħafna nies, mill-ewwel jirrimarkawli fuq dik l-imbierka pettolina taċ-ċoqqa li ngħix kontinwament ġo fiha. Jiġifieri fuq dak il-but ta’ quddiem nett tagħha li, biż-żmien, daħal jagħmel parti miċ-ċoqqa Kapuċċina. Issa dak beda jagħmel parti minnha mhux ta’ xejn tafux! Il-pettolina daħlet minħabba li dawn l-aħwa Kapuċċini qalbiena kienu jġorru l-Ewkaristija Mqaddsa u kienu jqassmuha, speċjalment, lill-morda. Għalhekk bil-pettolina kienu jgħattu s-Sagrament Imqaddes.

Meta dak li jkun jara din il-muntanja żgħira quddiemu, (imma nassigurakom li m’hijiex l-Everest!), jgħidli, biex jinbixni: “Patri! Kemm ħxint?” U jien, bit-tbissima fuq fommi, dan il-waqt inkun qed nistenna! Kemm nieħu gost noħroġ il-karti u s-santi li jkolli minn ġo fiha! U jibdew ħerġin tafux! U żaqqi, ovvjament, tibda’ tidħolli ‘l ġewwa ‘l ġewwa! Qishiex it-tide? U dak li jkun, li qabel ikun spara bl-addoċċ l-għaliex jaħseb li l-Patri jkun fih mod, wara jintebaħ kemm ikun xamm ħażin! U, quddiem ir-rejaltà li ma jista’ jiċħadha ħadd, lanqas l-iprem ras li hawn fl-univers, jinbela’ mhux ftit! “Għalhekk mela żaqqek kienet daqshekk kbira?” jweġibni sorpriż għall-aħħar. “U mela!” nissokta ngħidlu jien. “Għax mimlija bil-karti!”

Oħrajn, meta niltaqa’ magħhom, u nkun irrid nagħtihom xi santa sabiħa milli l-Mulej jipprovdili, ħalli jagħmlu kuraġġ, (l-għaliex il-mediċina m’hijiex biss dik kimika imma, u fuq kollox, dik spiritwali), jgħiduli: “Patri! Hemm x’għandek?” U jien nerġa’ naqbad nitbissem. U nidħak ukoll! Għaliex le! Għax il-ħajja li, kif jurina tajjeb il-video bl-arloġġ tal-kanzunetta Russians ta’ Sting, dejjem qiegħed jonqsilha ż-żmien, għandna ċans nagħmlu l-buli u nagħmlu t-tridijiet, il-kwindiċini, l-Erbgħat u s-Sibijiet li fihom ma nkellmu lil ħadd? U nidħlu f’silenzio stampa assolut? Ikolli nammetti … ma naħsibx!

Hemm x’għandek? X’kelma dik! X’għandek Patri ġo fik? Int, bħal dik, minn dak li għandek se tagħtini! U arani, u anki ismagħni, li minix se nistenna la iżjed u lanqas inqas. Se tagħtini li hemm fik! Din il-biċċa tal-pettolina tgħidx kemm ilha ittambar f’moħħi u f’qalbi. L-għaliex qalbna, moħħna, dak li aħna, huwa eżatt bħall-pettolina tal-Patri. F’kelma waħda, il-kwistjoni hi biex se nkun mimli.

Issa jekk jien moħħi mimli bl-inkwiet u dejjem ninkwieta meta se tkellimni kif taħseb li se nwieġbek? Jew ma nagħtix kasek l-għaliex moħħi dejjem jhewden. U allura inkun qisni ngħix fi dream land. Jiġifieri f’art il-ħolm. Inkella, jekk inkun bihom, tgħidli xi ħaġa, taħsadni, u, bħall-kelb maħsud, se ninbaħlek! U forsi, jekk terġa’ tkellimni u jien, l-għaliex inkun bihom, naħseb li qed tisfidani, nikxiflek snieni!

U qalbi m’hijiex nieqsa wkoll. Jekk fil-ħajja għadni ma ħfirtx u bħalissa qed ngħix qisni l-indannat u l-indannata jekk tilaqa’ miegħi jien x’taħseb li ħa nagħtik? Mhux rabja? Darba kont fi kju u rajt xena li qasmitli qalbi. Kien hemm mara li f’ħajjitha, milli jidher, ġarrbet mhux ħażen. Issa kien hemm raġel u, mingħajr l-ebda fini, qabiżha. Almenu hekk ħasbet li kien għamel hi. Tafu li ħebbet għalih? Mhux biss għajtet miegħu imma qaltlu wkoll li ħa ssibu barra! U ejja! Mela aħna tfal! Veru? Dak ir-raġel m’għamilx tajjeb li kien se jaqbiżha. U, fil-verità, mhux kien se jaqbiżha imma saqsa xi ħaġa li tal-Counter. Imma din, minħabba l-imgħoddi imfellel tagħha, kull ilma issa qed taħsbu misħun! U, fejn tara qalziet, qed tarma l-kanuni tal-gwerra ħa tispara u tiknes lil min jiġi quddiemha! Taqblu miegħi li żbaljatha. U għandha bżonn l-għajnuna immedjata miskina.

Il-bniedem milli għandu f’qalbu jagħtik. Xejn iżjed u xejn inqas. Tajjeb għalhekk li kull wieħed u waħda minna jistaqsi din il-mistoqsija serja u li tagħmlilna biżibilju ġid f’ħajjitna: “Jien x’għandi fija? X’hemm fija? X’għandi f’qalbi? X’għandi f’moħħi? X’għandi fl-ispirtu tiegħi?” Meta nistaqsu dawn l-għamliet ta’ mistoqsijiet aħna qiegħdin nagħmlu att erojku mill-kbar nett. Almenu quddiem il-Mulej u quddiemna stess. Għaliex qed nissugraw ninkixfu. Qiegħdin nuri min tassew aħna. Qiegħdin nitħaddtu fuq dak li hemm fina. Qiegħdin nikxfu l-karti tagħna fuq il-mejda.

Huma ħafna r-raġunijiet għalfejn nagħżlu li l-karti tagħna naħbuhom. Ajma! L-aktar jekk nimxu fuq il-filosofija tallum ta’ barra t-triq, jiġifieri fis-soċjetà li qiegħdin ngħixu fiha, li lil ħadd ma tista’ tafda! Taqblu miegħi li kieku nimxu b’din il-filosofija, b’mod rigoruz u skurpluż, kieku kollha nispiċċaw ħażin. Aħna ma nistgħux ma nafdawx. L-għaliex ġejna imnissla mill-Mulej u mill-ġenituri tagħna b’fiduċja. Wieħed tana ruħna u l-oħrajn tawna ġisimna. Ma ninsewx li l-kelma fiduċja hija d-demm inviżibbli li hemm jiġri fil-vini ta’ ġisimna u fil-kanali ta’ ruħna wkoll.

Għalhekk tajjeb li dik il-fiduċja, almenu, nibdewha magħna nfusna. U ħallina mill-filosofija żbaljata li jien lanqas lili nnifsi ma nafda! Żbaljatha l-għaliex, mingħajr ma naf, qed nikkundizzjona lili nnifsi li nitgħatta ħa ninħeba minn dak li veru huwa jien. Mela ejja ninkixef ħalli nibda’ l-proċess sabiħ tal-fejqan!

Issa x’jiġri meta ninkixef? Iseħħ bħalma isseħħ fi skoperta: jibda’ ħiereġ minn kollox. Jibda’ ħiereġ il-qadim u l-ġdid. L-antik u l-modern. Is-sabiħ u l-ikrah. Għaliex le, it-tajjeb u l-ħażin. Dan huwa jien! Jien b’dak kollu li jien! Jien bit-tlajja’ u bl-inżul. Jien, bil-bnazzi u l-maltemp. Imma, għall-grazzja ta’ Alla, dan huwa jien!

Il-biċċa qiegħdha hawn: meta int tiġi u titlobni l-għajnuna jekk jien lilek nirrispettak u nħobbok fil-verità mhux ovvja li se nagħtik l-aqwa u l-aħjar? Mhux ovvja li se nerfagħlek l-aktar kelmiet li lilek ifarrġuk? Jiftħulek orizzonti mill-isbaħ fuq il-ħajja? Jagħtuk jiem twal ta’ dawl? Isaħħnuk meta l-kritika ta’ madwarek tipprova tinġazzalek il-kapaċità sabiħa fik li tħobb u tgħin lil kulħadd?

Hekk nipprova nagħmel jien meta jiġu n-nies fuqi u jkellmuni. Indaħħal idi fil-pettolina u noħroġ dik it-talba, dik il-mediċina, li, fi kliem San Piju ta’ Pietrelcina, tiftaħ il-qalb tal-Mulej. Minix qed ngħid dan għax jien qaddis. Lanqas xejn! Inħobb nitlob ir-Rużarju quddiem kulħadd għaliex wara kull Sliema għalik Marija li nitlob fit-tieni biċċa tagħha nitlob b’konvinzjoni: itlob għalina MIDINBIN. Mela nżomm il-Kuruna f’idi altru mhux biex nagħti show ta’ qdusija iżda biex, l-għaliex misjuq mill-ħtieġa kontinwa, nitlob lil Marija titlob għalija, midneb, ħa niftaħ qalbi għall-Mulej!

Ħbieb, ejjew nagħtu minn dak li għandna lil xulxin. Kelma, messaġġ sabiħ fuq mobile, jew inkella xi palċmina żgħira bil-Kelma ta’ Alla. Kollox jgħin biex nibnu aktar fostna kultura ta’ mħabba u għożża ta’ xulxin.

Id-darba l-oħra, wara li kont għaddej minn kuritur twil twil fl-Isptar, hekk bdejt naħseb f’nofs ta’ lejl: “Mur il-pettolina żbarazzaha eh? Mur neħħilha dawk il-karti? Ara x’wirt ta’ riflessjoni nkun qed inċaħħad lilkom, il-poplu tagħna?” U mela ħallieha hekk! Kbira u sabiħa kif inhi! L-aqwa li min jiltaqa’ miegħi jieħu kelma li tgħinu jsaqsi lilu nnifsu: “X’hemm tajjeb fija?” U dak li għandu tajjeb joħorġu u jaqsmu ma’ ħaddieħor.

Mela, meta issa terġa’ tiltaqa’ miegħi, fakkarni waħda fil-pettolina. Għidli: “Patri! Hemm x’għandek?” U jien, milli se jkolli, dak li se nagħtik!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: