Home > Ġenerali > L-Erbgħa, 22 ta’ Frar 2017

L-Erbgħa, 22 ta’ Frar 2017


Il-Katedra ta’ San Pietru, Appostlu
Festa

Qari I
1 Pietru 5:1-4

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Geżież: Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mis-sebħ li għad irid jidher: irgħu l-merħla ta’ Alla li hi f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma bil-qalb, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, iżda mħeġġa mill-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li ngħatawlkom f’idejkom, imma billi tkunu ta’ eżempju għall-merħla.

Imbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-kbir, tiksbu l-kuruna tas-sebħ, magħmula minn ward li qatt ma jidbiel.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali
22

R/. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni!

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura jqegħidni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.
Hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma, nibżax mill-ħsara għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi
u l-kalċi tiegħi mfawwar. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
u ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Mt 16:18

R/. Hallelujah
Int Pietru,
u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi
u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.
R/. Hallelujah

Evanġelju
Mt 16:13-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom, min tgħidu li jien?” staqsiehom.

U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun, bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: inti Pietru, u fuq din l-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: