Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-indifferenza lejn il-fqir hi korruzzjoni

L-indifferenza lejn il-fqir hi korruzzjoni


Il-Ħamis 16 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Għarrex f’qalbi o Alla, ara jekk iniex miexi fit-triq tal-gideb u mexxini lejn it-triq tal-ħajja. Dalgħodu l-Papa Franġisku żvolġa l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta mill-kliem tal-antifona u qal li l-bniedem li jafda fil-bniedem, jiġifieri li jafda biss f’dak li hu jista’ jikkontrolla – il-vanità, il-kburija, ir-rikkezza – hu bniedem li jitbiegħed mill-Mulej.

 

Il-Papa Franġisku saħaq li l-bniedem li jafda fil-Mulej hu bniedem għammiel, filwaqt li min jafda fih innifsu, fil-poter u l-ġid tad-dinja, huwa sterili. Meta nafda biss fija nnifsi, inkun miexi fi triq li tiżloq, fi triq perikoluża.

Il-bniedem li jgħix fl-ambjent magħluq tiegħu jieħu n-nifs mill-ġid li jkollu, mis-sodisfazzjonijiet, mill-vanità, mis-sigurtà li jħoss, u jafda biss fih innifsu. Jitlef il-boxxla, id-direzzjoni u ma jagħrafx il-limitazzjonijiet tiegħu.

Hu proprju dan li jiġri lill-għani tal-Vanġelu skont San Luqa li qrajna llum, osserva l-Papa. Dan kien jgħaddi ħajtu jagħmel il-festi u kien jinjora lill-fqir li kien fuq l-għatba tal-bieb ta’ daru.

Hu kien jaf min kien dak il-fqir għax meta kien qed jitkellem ma’ Abraham, qallu: ‘Ibgħat lil Lażżru’, kien saħansitra jaf ismu. Imma ma kienx jimpurtah. Kien bniedem midneb?, staqsa l-Papa.

Iva, hekk kien, imma mid-dnub wieħed jista’ jerġa’ lura, jitlob maħfra u l-Mulej jaħfirlu. Imma qalb dar-raġel ħaditu lejn it-triq tat-telfien, tant li ma setax idur lura. Hemm punt, mument, limitu, li minnu ma nkunux nistgħu nerġgħu lura: dan hu meta d-dnub isir korruzzjoni. Dar-raġel ma kienx midneb imma kien korrott; kien jaf bil-miżerji, imma ladarba kien kuntent hu, ma kienx jimpurtah mill-oħrajn.

Misħut il-bniedem li jafda fih innifsu, li l-fiduċja tiegħu hi fil-qalb tiegħu. Xejn m’hu aktar ta’ ħsara għall-qalb li b’hekk diffiċli tfiq.

Allura, staqsa l-Papa, x’qed inħossu f’qalbna meta nkunu għaddejjin fit-triq u naraw lil xi ħadd li m’għandux saqaf, tfal waħedhom jittallbu? Ngħidu bejnna u bejn ruħna li dawn huma tfal mir-razza li jisirqu u nibqgħu għaddejjin?
Dawk li huma bla saqaf, anki lebsin pulit imma li m’għandhomx flus biżżejjed biex iħallsu l-kera, li huma bla xogħol…. x’qed inħossu għalihom?

Dawn huma parti mix-xenarju tal-belt, qishom statwa jew l-uffiċċju tal-posta? Min m’għandux dar jifforma parti mill-belt? Dan huwa normali? Noqogħdu attenti. Dawn huma affarijiet li fi qlubna huma ħaġa normali. Ngħidu: hekk hi l-ħajja… jiena niekol, nixrob, u biex inħaffef ftit il-kuxjenza nagħti xi ħaġa tal-flus u nibqa’ għaddej. Din mhix triq tajba.

Hemm bżonn nindunaw li nkunu mexjin fi triq li tiżloq, it-triq tad-dnub u l-korruzzjoni. Xi nħoss, kompla jistaqsi l-Papa Franġisku, meta fuq it-televixin nara li waqgħet bomba fuq xi sptar u qatlet tant tfal, tant imsejknin? Ngħid talba u nibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn?

Dan imissli qalbi jew jien bħall-għani tal-Vanġelu li d-dramm ta’ Lażżru, li kienu jitħassruh anki l-klieb, ma jidħolx f’qalbi? Jekk hu hekk jien inkun miexi fit-triq tal-korruzzjoni.

Għalhekk, temm l-omelija l-Papa Franġisku, nitolbu lill-Mulej u ngħidulu biex jgħarrex fi qlubna, jara jekk it-triq li mexjin fiha hix żbaljata, jekk jien iniex miexi fit-triq taż-żliq tad-dnub u l-korruzzjoni li minnha ma nkunx nista’ nerġa’ lura.

Il-midneb jindem u jerġa’ lura; il-korrott diffiċli jagħmel dan. Għarrex, għarrex lil qalbi Mulej, għinni nifhem f’liema triq miexi. Ħa tkun din it-talba tagħna llum.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: