Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Tfaddal biex tballatli!

Tfaddal biex tballatli!


Patri Mario Attard OFM Cap

Hekk qalli darba raġel imbikki l-għaliex qalbu qasmuhielu bla ebda ħniena ta’ xejn. U min min? Ħeqq ara! Mhux minn ta’ ġewwa? “Hekk sew Patri! Ifaddal ħa jballatli!” Imbagħad, imnikket u rrabjat għal dak li ġralu, qalli: “Millum ‘il hemm ma nafdahx aktar!”

B’qasma ta’ qalb din l-attitudni misħuta isseħħ fil-ħajja ta’ kuljum. Apposta sejjaħtilha misħuta l-għaliex imxajtna. L-għeruq dijaboliċi tagħha qiegħdin fil-ktieb tal-Apokalissi li jgħid għax-xitan: “Għax twaddab ‘il barra dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna” (Apk 12:10). Ix-xitan dak xogħlu: jixlina ma’ Alla kontra tagħna stess. Jgħid dak li hu veru tafux. Imma jixli. U aktar ma jixli aktar ipinġi stampa maħmuġa tagħna quddiem il-Mulej. Jagħmel character assassination tagħna. Iżibbel id-dinjità tagħna.F’din l-attitudni dijabolika ta’ nfaddal ħa nballatlek, int taħseb li qed nisimgħek. Tieħu l-impressjoni li qed nieħu interess ġenwin fik. Tibda’ taħseb li se ngħinek. Li se nissallab għalik. Imma x’jiġri? Meta jidhirli jien, bħal riħ bla xita, meta xi ħaġa ma ddoqlix, meta tiġi għaliha infajjarhielek. U nfarruhielek bla ħniena! U int għax taħseb li nagħmel hekk? Mhux għaliex nirrabja għalik?

Ġieli, f’dawn il-ħsibijiet li l-Mulej jagħtini naqsam magħkom minn Ħadd għall-ieħor, jiena kont wieħed minn dawk li ħeġġejt bis-sħiħ ħa nibnu kultura fejn fiha niltaqgħu flimkien. Ħeġġejt kemm-il darba biex nissuktaw insebbħu pajjiżna b’kultura imsejsa fuq il-fiduċja f’xulxin. Mod ta’ ħajja li taħseb aktar “f’aħna” milli f’sempliċiment “jiena”. Kultura li tinkoraġixxi l-bini ta’ familja. Imma ħej bl-ebda mod ma kont qed ngħid li hu permess li wieħed ikisser il-persuni billi jfaddal ħalli, meta jidhirlu hu, jballat! Qatt ma għaddhieli minn moħħi li wieħed jaqbad il-fiduċja ta’ xi ħadd u jsawwtu biha!

Fil-ħajja hawn min għandu ħafna xogħol. U forsi hu mgħobbi aktar milli fil-fatt jista’ jiflaħ jaħdem. L-istess: mhux tajjeb! Anzi kundannabli! Aktar u aktar jekk int sieħbi qed terfa’ piż daqshekk tqil. Piż li, fil-verità, mhux tiegħek! Allura f’dak il-każ nissuġġerilek li tara x’tagħmel ħa ssib min jgħinek terfgħu. Inkella, talinqas, ħu parir għaqli u ara kif se tneħħieh minn fuq spalltek. Qed jifilġek! Ma tiflaħx għalih! U ħallik mir-raġunament li jekk ma tkunx int ma jkun ħadd aktar. Madankollu, għandek kemm għandek x’tagħmel, u terfa’ kemm qed terfa’ piż, qatt u qatt m’għandek taqbad il-fiduċja ta’ xi ħadd u tagħtiha bis-sieq! Qatt m’għandek tħalli l-għejja issir fik lanza biex biha tferi qalb ħaddieħor!

Meta jiena naġixxi bil-mentalità dijabolika “infaddal ħa nballat” inkun qed nuri li ġo fija għandi xebgħa rabja u tensjoni li għadni ma ikkonfrontajthomx. Jistgħu jkunu ħafna r-raġunijiet li għalihom nimtela’ tilja rabja. U rabja li, għalkemm silenzjuża, taf tkun infernali. Abbli qed jiġrili hekk l-għaliex qed nerfa’ piż dawk li, suppost, qed jagħtu daqqa t’id. Imma, minħabba l-muntanja ta’ skużi li jkunu tellgħu, u b’dawn l-iskużi jkunu qarrqu b’min għandu jieħu ħsieb ukoll min qed jerfa’ piż mhux tiegħu, illum waslu ħelu ħelu biex jaħslu idejhom bħall-Pilatu minn kollox. Ħeqq! Ma jistgħux! Allura issa l-kuxjenza tiegħi mistrieħa! U nista’, mingħajr skrupli ta’ xejn, nitfa’ kollox fuq min hu ġeneruż u disponibbli. Issa dawn jeżiżtu kullimkien tafux! U jaħdmu kemm ma’ Alla u anki ma’ Ċesari!

Il-ħajja tgħallimni li l-importanti mhux kemm nagħmel imma li dak li nagħmel inwettqu b’imħabba kbira. Mhux il-ħafna li jgħodd imma, u illum ngħidha b’kuxjenza nadifa, dak li nista’ nagħmel nagħmlu b’imħabba kbira. Wara kollox ħadd ma jista’ jagħmel l-impossibli! Jew, ala Latina: Ad impossibilia nemo tenetur!
Ħallini mit-tifdil tar-rabja u tal-kliem biex, meta jkun il-waqt, nixħethom fuq min fetaħ qalbu miegħi u nirranġaħ għall-Ħdud u l-festi! Ejja nitħaddet bil-ħlewwa, bil-verità u b’ħafna sabar u ġenwinità!

U jekk irrid infaddal ħa nibda’ nfaddal xi ħaġa tal-flus. Tibżax! Insib x’nagħmel bihom! Imma r-rabja le. Tfaddalhiex! Imma oħroġha bil-mod u b’ħafna kliem u għemejjel ta’ tjubija kbira mal-bnedmin! Ħalli mal-Mulej tinfaqa’ waħda kbira!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: